|
18.7.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 188/8 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 653/2012
tas-17 ta’ Lulju 2012
li jniedi reviżjoni ta’ "esportatur ġdid" tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 192/2007 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti tipi ta’ polyethylene terephthalate li joriġinaw, inter alia, fit-Tajwan, li jirrevoka d-dazju fir-rigward tal-importazzjonijiet minn esportatur wieħed f’dan il-pajjiż u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet suġġetti għar-reġistrazzjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea ("ir-Regolament bażiku") (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 11(4) tiegħu,
Wara li, b'konformità mal-Artikoli 11(4) u 14(5) tar-Regolament bażiku, ikkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,
Billi:
A. IT-TALBA
|
(1) |
Il-Kummissjoni Ewropea ("il-Kummissjoni") irċeviet talba għal reviżjoni ta’ " esportatur ġdid" skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku. |
|
(2) |
It-talba tressqet fis-27 ta’ April 2012 minn Lealea Enterprise Co., Ltd. ("l-applikant"), produttur esportatur fit-Tajwan ("il-pajjiż ikkonċernat") ta 'ċertu polietilentereftalat. |
B. IL-PRODOTT
|
(3) |
Il-prodott li qed jiġi rivedut huwa polietilentereftalat li għandu indiċi ta' viskożità ta' 78 ml/g jew iktar, skont l-ISO (Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni) Standard 1628-5, li joriġina, inter alia, mit-Tajwan ("il-prodott li qed jiġi rivedut"), li bħalissa jaqa' fi ħdan il-kodiċi NM 3907 60 20 . |
C. IL-MIŻURI EŻISTENTI
|
(4) |
Il-miżuri attwalment fis-seħħ huma dazju definittiv anti-dumping impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 192/2007 (2) li taħthom l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott li qed jiġi rivedut li joriġinaw fit-Tajwan, inkluż il-prodott li hu prodott mill-applikant, huma soġġetti għal dazju definittiv anti-dumping ta' 143,4 % bl-eċċezzjoni taż-żewġ kumpaniji msemmija b'mod speċjali li huma soġġetti għal rati ta’ dazju individwali. Fi Frar 2012, il-Kummissjoni bdiet reviżjoni ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għal importazzjonijiet ta' ċert polietilentereftalat li joriġina fl-Indja, fl-Indoneżja, fil-Malasja, fit-Tajwan u fit-Tajlandja (3), jiġifieri inter alia fit-Tajwan. Sakemm ma tkunx għadha lesta l-investigazzjoni dwar ir-reviżjoni tal-iskadenza, il-miżuri jibqgħu fis-seħħ. |
D. IR-RAĠUNIJIET
|
(5) |
L-applikant jilmenta li hu ma esportax il-prodott li qed jiġi rivedut lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni li fuqu ġew ibbażati l-miżuri anti-dumping, jiġifieri l-perjodu mill-1 ta' Ottubru 1998 sat-30 ta' Settembru 1999 ("il-perjodu oriġinali tal-investigazzjoni"). |
|
(6) |
Barra minn hekk, l-applikant jilmenta li ma huwa relatat mal-ebda produttur esportatur tal-prodott li qed jiġi rivedut li huwa suġġett għall-miżuri anti-dumping imsemmija hawn fuq. |
|
(7) |
L-applikant ikompli jilmenta li beda jesporta l-prodott li qed jiġi rivedut lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali. |
E. IL-PROĊEDURA
|
(8) |
Il-produtturi tal-Unjoni magħrufa li huma kkonċernati ġew mgħarrfa bit-talba għal reviżjoni u ngħataw l-opportunità biex jikkummentaw. |
|
(9) |
Wara li eżaminat l-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm biżżejjed evidenza li tiġġustifika l-inizjazzjoni ta' reviżjoni tal-"esporatur il-ġdid", skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, bl-għan li tiddetermina l-marġni individwali ta' dumping tal-applikant u, jekk jinstab li jkun hemm dumping, il-livell ta' dazju li japplika għal dawk l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi rivedut lejn l-Unjoni. |
|
(10) |
Jekk jiġi determinat li l-applikant jissodisfa r-rekwiżiti biex jiġi stabbilit dazju individwali, jista’ jkun hemm bżonn li ssir emenda fir-rata ta’ dazju applikabbli bħalissa għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-kumpaniji mhux imsemmija individwalment fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 192/2007. |
(a) Kwestjonarji
|
(11) |
Sabiex tkun tista' tikseb it-tagħrif li hija tqis meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarju lill-applikant. |
(b) Il-ġbir ta' tagħrif u s-seduti ta' smigħ
|
(12) |
Il-partijiet kollha interessati huma b'dan mistiedna jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jagħtu evidenza ta' sostenn. |
|
(13) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, dejjem jekk jagħmlu talba bil-miktub li turi li hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu. |
F. REVOKA TAD-DAZJU FIS-SEĦĦ U REĠISTRAZZJONI TAL-IMPORTAZZJONIJIET
|
(14) |
Skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, id-dazju anti-dumping fis-seħħ għandu jiġi revokat fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi rivedut li huma mmanifatturati u mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni mill-applikant. Fl-istess ħin, dawn l-importazzjonijiet għandhom isiru soġġetti għar-reġistrazzjoni b'konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, sabiex jiġi żgurat li jekk fir-riżultat tar-reviżjoni jinstab dumping fir-rigward tal-applikant, id-dazji anti-dumping jistgħu jiġu intaxxati retroattivament mid-data tal-inizjazzjoni tar-reviżjoni. L-ammont ta' responsabilità tal-applikant li jista' jkun hemm fil-ġejjieni ma jistax jiġi stmat f'dan l-istadju tal-proċediment. |
G. IL-LIMITI TAŻ-ŻMIEN
|
(15) |
Fl-interess ta' amministrazzjoni soda, għandhom jiġu ddikjarati limiti taż-żmien li matulhom: |
|
(16) |
il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu lilhom infushom magħrufa lill-Kummissjoni, jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jippreżentaw kwalunkwe tagħrif li għandu jiġi kkunsidrat matul l-investigazzjoni, |
|
(17) |
il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu talba bil-miktub biex jinstemgħu mill-Kummissjoni. |
|
(18) |
Ta’ min jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li l-eżerċizzju tal-biċċa l-kbira tad-drittijiet proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku jiddependi mill-fatt li l-parti tippreżenta ruħha fil-limiti taż-żmien indikati fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament. |
H. NUQQAS TA' KOOPERAZZJONI
|
(19) |
F'każijiet li xi parti interessata tiċħad l-aċċess jew ma tagħtix it-tagħrif meħtieġ fil-limiti taż-żmien, jew tfixkel l-investigazzjoni b'mod sinifikanti, jistgħu jsiru sejbiet, pożittivi jew negattivi, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, abbażi tal-fatti disponibbli. |
|
(20) |
Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat tagħrif falz jew qarrieqi, dan it-tagħrif għandu jiġi injorat u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli. |
|
(21) |
Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u għalhekk is-sejbiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli b'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista' jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku din kienet ikkooperat. |
I. SKEDA TAL-INVESTIGAZZJONI
|
(22) |
L-investigazzjoni se tintemm, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, fi żmien disa’ xhur mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
J. L-IPPROĊESSAR TAD-DEJTA PERSONALI
|
(23) |
Huwa nnutat li kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata b'konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (4). |
K. L-UFFIĊJAL TAS-SEDUTA
|
(24) |
Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta' medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrevedi t-talbiet għall-aċċess tal-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-limiti taż-żmien u t-talbiet minn partijiet terzi għal smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista' jorganizza seduta ta' smigħ ma' parti interessata individwali u jagħmilha ta' medjatur sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-parti interessata jkunu qed jitħaddmu b'mod sħiħ. |
|
(25) |
It-talba għal seduta ta' smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet tat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta se jagħti opportunitajiet ukoll biex issir seduta ta' smigħ li tinvolvi lill-partijiet u li tippermetti li jitressqu fehmiet differenti u jiġu offruti argumenti kuntrarji. |
|
(26) |
Għal aktar tagħrif u dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni tal-internet tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/hearing-officer/index_en.htm |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
B'dan qed titnieda reviżjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 192/2007 skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 sabiex jiġi ddeterminat jekk u sa liema punt l-importazzjonijiet tal-polietilentereftalat b'indiċi ta' viskożità ta' 78 ml/g jew ogħla, skont l-Istandard ISO 1628-5, li bħalissa jaqa' fi ħdan il-kodiċi NM 3907 60 20 , li joriġina fit-Tajwan, prodott u mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni minn Lealea Enterprise Co., Ltd. (kodiċi addizzjonali TARIC A996) għandhom jiġu soġġetti għad-dazju anti-dumping impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 192/2007.
Artikolu 2
Id-dazju anti-dumping impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 192/2007 huwa b’dan imħassar fir-rigward tal-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1 tar-Regolament preżenti.
Artikolu 3
L-awtoritajiet Doganali huma permezz ta' dan mitluba, skont l-Artikolu 11(4) u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, biex jieħdu l-passi xierqa sabiex jirreġistraw l-importazzjonijiet lejn l-Unjoni identifikati fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament.
Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa' xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 4
1. Il-partijiet interessati, jekk iridu li l-ilmenti tagħhom jitqiesu matul l-investigazzjoni, għandhom jagħmlu lilhom infushom magħrufa billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jippreżentaw tweġiba għall-kwestjonarju indikat fil-premessa 11 ta’ dan ir-Regolament jew kwalunkwe tagħrif li għandu jiġi kkunsidrat fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
2. Il-partijiet interessati jistgħu wkoll japplikaw sabiex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta' żmien ta' 37 jum.
3. Il-partijiet interessati jeħtieġ li jagħmlu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha f'format elettroniku (il-preżentazzjonijiet li mhumiex kunfidenzjali permezz tal-posta elettronika, dawk kunfidenzjali fuq CD-R/DVD), u jridu jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tagħhom. Madankollu, kull Prokura, ċertifikazzjoni ffirmata, u kull aġġornament tagħhom, li jakkumpanjaw il-kwestjonarju mimli għandhom jiġu ppreżentati fuq karta, jiġifieri bil-posta jew bl-idejn, fl-indirizz ta' hawn taħt. Jekk xi parti interessata ma tkunx tista' tagħti s-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f'format elettroniku, din għandha tgħarraf minnufih lill-Kummissjoni b'konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament bażiku. Għal aktar tagħrif dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġna rilevanti fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/trade-defence.
Kull sottomissjoni bil-miktub, li tinkludi t-tagħrif mitlub f’dan ir-Regolament, it-tweġibiet tal-kwestjonarju u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali għandha tkun immarkata bħala "Ristretta" (5) u, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, għandha tkun akkumpanjata b’verżjoni mhux kunfidenzjali, li għandha tkun immarkata "Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati".
L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:
|
European Commission |
|
Directorate-General for Trade |
|
Directorate H |
|
Office: N105 4/92 |
|
1049 Bruxelles/Brussel |
|
BELGIQUE/BELGIË |
|
Faks +32 2295 65 05 |
|
L-indirizz elettroniku: Trade-R557-PET-A@ec.europa.eu |
Artikolu 5
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Lulju 2012.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.
(2) ĠU L 59, 27.02.2007, p. 1.
(3) ĠU C 55, 24.02.2012, p. 4.
(5) Dokument " Ristrett " huwa dokument li huwa kkunsidrat kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim Anti-dumping). Dan hu wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).