14.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 186/19


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 636/2012

tat-13 ta’ Lulju 2012

li jestendi għal sitt xhur l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 161/2012 dwar miżuri ta’ emerġenza għall-protezzjoni tal-istokkijiet tal-haddock fl-ilmijiet fil-Punent tal-Iskozja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

Billi:

(1)

L-evidenza ta’ theddid serju għall-konservazzjoni ta’ ċerti stokkijiet ta’ haddock fl-ilmijiet fil-Punent tal-Iskozja wasslu lill-Kummissjoni biex tadotta r-Regolament (UE) Nru 161/2012 tat-23 ta' Frar 2012 dwar miżuri ta’ emerġenza għall-protezzjoni tal-istokkijiet tal-haddock fl-ilmijiet fil-Punent tal-Iskozja (2), abbażi tad-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 2371/2002 jiddikjara li l-miżuri ta' emerġenza jgħoddu għal mhux aktar minn sitt xhur u li l-Kummissjoni tista' tieħu deċiżjoni ġdida li testendihom għal perjodu addizzjonali ta' mhux aktar minn sitt xhur.

(3)

Ir-raġuni li fuqha hija bbażata l-adozzjoni tal-miżuri ta’ emerġenza kkonċernati tibqa’ valida għal matul is-sajd ta’ dan l-istaġun. Altrimenti l-effetti pożittivi li dawn il-miżuri pproduċew sal-lum jistgħu jiġu annullati. Billi s-sajd rilevanti għadu fil-fatt għaddej, jekk il-miżuri ta’ emerġenza jiskadu dan iwassal biex jerġgħu jiġu introdotti r-rekwiżiti tal-kompożizzjoni tal-qbid, li jesiġu iżjed rimi u b'hekk żieda konsiderevoli fuq il-pressjoni tas-sajd għall-haddock u stokkijiet oħrajn, billi s-sajjieda jippruvaw iħottu l-art il-kwoti tagħhom b'mod leġittimu.

(4)

Il-miżuri dwar il-protezzjoni permanenti tal-istokkijiet tal-haddock ikkonċernati mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 161/2012 jistgħu ma jkunux ġew stabbiliti qabel id-data tal-iskadenza tal-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament. Sadanittant, it-theddid għall-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-haddock għadu hemm.

(5)

Huwa għalhekk xieraq li jiġu estiżi għal sitt xhur il-miżuri ta' emerġenza provduti fir-Regolament (UE) Nru 161/2012,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 161/2012 għandha tiġi estiża sal-25 ta' Frar 2013.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

(2)   ĠU L 52, 24.2.2012, p. 6.