29.6.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 169/8 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 566/2012
tat-18 ta’ Ġunju 2012
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 975/98 dwar denominazzjonijiet u speċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EUROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari, l-Artikolu 128(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (2),
Billi:
(1) |
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/23/KE tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar il-linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (3), approvata bil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009, tiddefinixxi l-prinċipji komuni għad-disinji użati għan-naħat nazzjonali tal-muniti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u tistabbilixxi proċeduri li permezz tagħhom l-Istati Membri jinformaw lil xulxin b’abbozzi ta’ disinji, u għall-approvazzjoni ta’ dawn id-disinji. |
(2) |
Ladarba l-muniti tal-euro jiċċirkolaw fiż-żona tal-euro kollha, il-karatteristiċi tad-disinn nazzjonali tagħhom huma ta’ interess komuni. Għal ċirkolazzjoni mingħajr xkiel u fl-interess taċ-ċertezza u t-trasparenza legali, hu meħtieġ li r-regoli definiti fir-Rakkomandazzjoni 2009/23/KE dwar denominazzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni jsiru legalment vinkolanti billi jiġu integrati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 975/98 (4). |
(3) |
Il-muniti tal-euro għandhom naħa Ewropea komuni u naħa nazzjonali distintiva. In-naħat Ewropej komuni tal-muniti tal-euro juru kemm l-isem tal-munita unika kif ukoll id-denominazzjoni tal-munita. In-naħa nazzjonali la għandha tirripeti l-isem tal-munita unika u lanqas id-denominazzjoni tal-munita. |
(4) |
Għandu jkun hemm indikazzjoni ċara tal-isem tal-Istat Membru emittenti fuq in-naħa nazzjonali tal-munita sabiex l-utenti interessati fil-muniti jkunu jistgħu jidentifikaw faċilment l-Istat Membru emittenti. |
(5) |
L-ittri fit-truf tal-muniti tal-euro għandhom ikunu kkunsidrati bħala parti min-naħa nazzjonali u għaldaqstant ma jistgħu jirripetu l-ebda indikazzjoni tad-denominazzjoni, bl-eċċezzjoni tal-munita taż-żewġ euro, u sakemm jintużaw biss iċ-ċifra “2” jew it-terminu “euro” fl-alfabett rilevanti, jew it-tnejn li huma. |
(6) |
Id-disinji fuq in-naħat nazzjonali tal-muniti jiġu deċiżi minn kull “Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro” u għandu jitqies il-fatt li li l-muniti tal-euro jiċċirkolaw fiż-żona kollha tal-euro u mhux biss fl-Istat Membru emittenti. Sabiex ikun żgurat li l-muniti ikunu rikonoxxibbli immedjatament bħala muniti tal-euro anke min-naħa nazzjonali tagħhom, id-disinn għandu jkun kompletament imdawwar bit-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni. |
(7) |
Sabiex ikun iffaċilitat ir-rikonoxximent tal-muniti għaċ-ċirkolazzjoni u sabiex tkun żgurata kontinwità xierqa fiz-zekka, l-Istati Membri għandhom jitħallew jimmodifikaw id-disinji użati għan-naħat nazzjonali tal-muniti regolari fiċ-ċirkolazzjoni kull ħmistax-il sena biss, ħlief jekk jinbidel il-Kap tal-Istat imsemmi fuq il-munita. Madankollu, dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-bidliet meħtieġa għall-prevenzjoni tal-falsifikazzjoni tal-munita. Il-bidliet fid-disinn tan-naħa komuni Ewropea tal-muniti għaċ-ċirkolazzjoni għandhom jiġu deċiżi mill-Kunsill u d-drittijiet ta’ votazzjoni għandhom ikunu ristretti għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. |
(8) |
L-Istati Membri individwali għandhom jitħallew joħorġu muniti kommemorattivi sabiex jiċċelebraw avvenimenti ta’ rilevanza ewlenija nazzjonali jew Ewropea, filwaqt li l-muniti kommemorattivi li jinħarġu b’mod kollettiv mill-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom ikunu riżervati għal suġġetti tal-ogħla rilevanza Ewropea. Il-munita taż-żewġ euro hija l-aktar denominazzjoni adatta għal dan il-għan, prinċipalment minħabba d-dijametru kbir tal-munita u l-karatteristiċi tekniċi tagħha, li joffru protezzjoni adegwata kontra l-falsifikazzjoni. |
(9) |
B’kont meħud li l-muniti tal-euro jiċċirkolaw fiż-żona tal-euro kollha, u biex ikun evitat l-użu ta’ disinji inadegwati, l-Istati Membri emittenti għandhom jinfurmaw lil xulxin u lill-Kummissjoni dwar abbozzi l-ġodda tan-naħa nazzjonali tal-muniti tal-euro qabel id-data ta’ ħruġ ippjanata. Il-Kummissjoni għandha tivverifika l-konformità tad-disinji mar-rekwiżiti tekniċi ta’ dan ir-Regolament. Il-preżentazzjoni ta’ abbozzi ta’ disinji lill-Kummissjoni għandha ssir ferm qabel id-data ta’ ħruġ ippjanata għall-Istat Membru emittenti, sabiex id-disinn jiġi mmodifikat jekk dan ikun meħtieġ. |
(10) |
Barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti kondizzjonijiet uniformi għall-approvazzjoni tad-disinji tan-naħat nazzjonali tal-muniti tal-euro sabiex tiġi evitata l-għażla ta’ disinji li jistgħu jitqiesu inadegwati f’xi Stati Membri. Fid-dawl tal-fatt li l-Istati Membri emittenti għandhom il-kompetenza fir-rigward ta’ kwistjoni sensittiva bħad-disinn tan-naħat nazzjonali tal-muniti tal-euro, is-setgħat ta’ implimentazzjoni għandhom għalhekk jiġu kkonferiti lill-Kunsill. Kawlunkwe deċiżjoni ta’ implimentazzjoni meħuda abbażi ta’ dan mill-Kunsill tkun marbuta mill-qrib mal-atti adottati mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 128(2) tat-Trattat: għalhekk, is-sospensjoni tad-drittijiet ta’ votazzjoni tal-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw l-Istati Membri li munita tagħhom mhijiex l-euro għall-adozzjoni mill-Kunsill ta’ dawk id-deċiżjonijiet għandha tapplika kif stipulat fl-Artikolu 139(4) tat-Trattat. Il-proċedura għandha tippermetti lill-Istati Membri emittenti li jimmodifikaw id-disinn fiż-żmien dovut jekk dan ikun meħtieġ. |
(11) |
Ir-Regolament (KE) Nru 975/98 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emendament tar-Regolament (KE) Nru 975/98
Fir-Regolament (KE) Nru 975/98 għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:
“Artikolu 1a
Tipi ta’ muniti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni: Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
1. |
“muniti għaċ-ċirkolazzjoni” tfisser muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni, li d-denominazzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tagħhom huma stipulati fl-Artikolu 1; |
2. |
“muniti regolari” tfisser muniti għaċ-ċirkolazzjoni esklużi l-muniti kommemorattivi; |
3. |
“muniti kommemorattivi” tfisser muniti għaċ-ċirkolazzjoni, li huma maħsuba biex jikkommemoraw suġġett speċifiku kif speċifikat fl-Artikolu 1 h. |
Artikolu 1b
Il-muniti għaċ-ċirkolazzjoni għandhom ikollhom naħa Ewropea komuni u naħa nazzjonali distintiva.
Artikolu 1c
1. In-naħa nazzjonali tal-muniti għaċ-ċirkolazzjoni ma għandha tirripeti l-ebda indikazzjoni tad-denominazzjoni, jew xi partijiet minnha, tal-munita. Hija m’għandhiex tirripeti l-isem tal-munita unika jew xi sottodiviżjoni tagħha, sakemm din l-indikazzjoni ma tirriżultax mill-użu ta’ alfabett differenti.
2. B’deroga mill-paragrafu 1, l-ittri fit-truf tal-munita taż-żewġ euro jistgħu jinkludu indikazzjoni tad-denominazzjoni, sakemm jintużaw biss iċ-ċifra ‘2’ jew it-terminu ‘euro’ fl-alfabett rilevanti, jew it-tnejn.
Artikolu 1d
In-naħa nazzjonali tad-denominazzjonijiet kollha tal-muniti għaċ-ċirkulazzjoni għandha tagħti indikazzjoni tal-Istat Membru emittenti permezz tal-isem tal-Istat Membru jew ta’ abbrevjazzjoni tiegħu.
Artikolu 1e
1. In-naħa nazzjonali tal-muniti għaċ-ċirkolazzjoni għandha turi ċirku ta’ 12-il stilla li għandu jiċċirkonda totalment id-disinn nazzjonali, inkluża l-marka tas-sena u l-indikazzjoni tal-isem tal-Istat Membru emittenti. Dan m’għandux jipprevjeni li xi elementi tad-disinn jestendu għaċ-ċirku tal-istilel, sakemm l-istilel kollha jkunu ċari u kompletament viżibbli. It-12-il stilla għandhom jiġu stampati kif jidhru fuq il-bandiera tal-Unjoni.
2. Id-disinji għan-naħa nazzjonali tal-muniti għaċ-ċirkolazzjoni għandhom jintgħażlu b’kont meħud tal-fatt li l-muniti tal-euro jiċċirkolaw fl-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro.
Artikolu 1f
1. Il-bidliet fid-disinji użati għan-naħat nazzjonali tal-muniti regolari jistgħu jsiru biss darba kull ħmistax-il sena, mingħajr preġudizzju għall-bidliet meħtieġa għall-prevenzjoni tal-falsifikazzjoni tal-munita.
2. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, id-disinji użati għan-naħat nazzjonali tal-muniti regolari jistgħu jsiru fejn jinbidel il-Kap ta’ Stat indikat fuq munita. Madankollu, kariga temporanjament vakanti jew kariga provviżorja tal-funzjoni ta’ Kap ta’ Stat ma għandhom jagħtu l-ebda dritt addizzjonali għal tali bidla.
Artikolu 1g
L-Istati Membri emittenti għandhom jaġġornaw in-naħat nazzjonali tagħhom tal-muniti regolari sabiex jikkonformaw bis-sħiħ ma’ dan ir-Regolament sal-20 ta’ Ġunju 2062.
Artikolu 1h
1. Il-muniti kommemorattivi għandhom juru disinn nazzjonali differenti minn dak li jidher fuq il-muniti regolari u għandhom biss jikkommemoraw avvenimenti ta’ rilevanza ewlenija nazzjonali jew Ewropea. Il-muniti kommemorattivi maħruġa b’mod kollettiv mill-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jikkomemoraw biss avvenimenti tal-ogħla rilevanza Ewropea u d-disinn tagħhom għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti kostituzzjonali possibbli ta’ dawn l-Istati Membri.
2. L-ittri fit-truf tal-muniti kommemorattivi għandhom ikunu l-istess bħal dawk fuq il-muniti regolari.
3. Il-muniti kommemorattivi jista’ jkollhom valur nominali ta’ 2 euro biss.
Artikolu 1i
1. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin bl-abbozz tad-disinji tan-naħat nazzjonali ġodda tal-muniti għaċ-ċirkolazzjoni, inklużi l-ittri tat-truf, u, għall-muniti kommemorattivi, tal-istima ta’ volum ta’ ħruġ, qabel l-approvazzjoni formali ta’ dawk id-disinji.
2. Is-setgħa ta’ approvazzjoni ta’ disinji għan-naħat nazzjonali ġodda jew modifikati tal-muniti għaċ-ċirkolazzjoni hija mogħtija lill-Kunsill li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata f’konformità mal-proċedura stabbilita fil-paragrafi 3 sa 7.
Fit-teħid tad-deċiżjonijiet imsemmija f’dan l-Artikolu, id-drittijiet ta’ vot tal-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro għandhom ikunu sospiżi.
3. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-abbozzi tad-disinji tal-muniti għaċ-ċirkolazzjoni għandhom jiġu ppreżentati mill-Istat Membru emittenti lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro, bħala prinċipju tal-inqas tliet xhur qabel id-data ta’ ħruġ ippjanata.
4. Fi żmien sebat ijiem wara l-preżentazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, kwalunkwe Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro jista’, f’opinjoni motivata indirizzata lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, iqajjem oġġezzjoni għall-abbozz ta’ disinn propost mill-Istat Membru emittenti jekk dak id-disinn tal-abbozz x’aktarx li joħloq reazzjonijiet negattivi fost iċ-ċittadini.
5. Fejn il-Kummissjoni tqis li l-abbozz ta’ disinn ma jirrispettax ir-rekwiżiti tekniċi stipulati minn dan ir-Regolament, hija għandha, fi żmien sebat ijiem wara l-preżentazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, tippreżenta valutazzjoni negattiva lill-Kunsill.
6. Jekk ma tiġi ppreżentata l-ebda opinjoni motivata jew valutazzjoni negattiva lill-Kunsill fl-iskadenza msemmija fil-paragrafi 4 u 5 rispettivament, id-deċiżjoni li tapprova d-disinn titqies li ġiet adottata mill-Kunsill fil-jum wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 5.
7. Fil-każijiet l-oħra kollha, il-Kunsill għandu jiddeċiedi mingħajr dewmien dwar l-approvazzjoni tal-abbozz ta’ disinn, sakemm, fi żmien sebat ijiem wara l-preżentazzjoni ta’ opinjoni motivata jew ta’ valutazzjoni negattiva, l-Istat Membru emittenti ma jirtirax il-preżentazzjoni tiegħu u jinforma lill-Kunsill dwar l-intenzjoni tiegħu li jippreżenta abbozz ġdid tad-disinn.
8. L-informazzjoni rilevanti kollha dwar disinji ġodda tal-muniti nazzjonali għaċ-ċirkolazzjoni għandha tiġi ppubblikata mill-Kummissjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 1j
L-Artikoli 1c, 1d u 1e u 1h(2):
(a) |
ma għandhomx japplikaw għall-muniti għaċ-ċirkolazzjoni li nħarġu jew ġew prodotti qabel id-19 ta’ Ġunju 2012. |
(b) |
matul perijodu transizzjonali li jintemm fl-20 ta’ Ġunju 2062, ma għandhomx japplikaw għad-disinji li diġà qed jintużaw b’mod legali fuq il-muniti għaċ-ċirkolazzjoni fid-19 ta’ Ġunju 2012. Il-muniti għaċ-ċirkolazzjoni li nħarġu jew li ġew prodotti matul il-perijodu transizzjonali jistgħu jibqgħu bħala valuta legali mingħajr limitu ta’ żmien.” |
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-18 ta’ Ġunju 2012.
Għall-Kunsill
Il-President
M. GJERSKOV
(1) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Mejju 2012 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) ĠU C 273, 16.9.2011, p. 2.
(4) ĠU L 139, 11.5.1998, p. 6.