28.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 168/24


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 563/2012

tas-27 ta’ Ġunju 2012

li jemenda l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-lista ta' laboratorji ta' referenza tal-UE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 32(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistabbilixxi l-ħidmiet, id-dmirijiet u r-rekwiżiti ġenerali għal-laboratorji ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea (UE) għall-ikel u l-għalf u għas-saħħa tal-annimali u l-annimali ħajjin. Il-laboratorji ta’ referenza tal-UE għall-ikel u l-għalf huma elenkati fil-Parti I tal-Anness VII ta' dak ir-Regolament.

(2)

Id-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE tad-29 ta' April 1996 dwar miżuri għall-monitoraġġ ta' ċerti sustanzi u residwi tagħhom f'annimali ħajjin u prodotti tal-annimali, u li tħassar id-Direttivi 85/358/KEE u 86/469/KEE u d-Deċiżjonijiet 89/187/KEE u 91/664/KEE (2), tistabblixxi miżuri għall-monitoraġġ ta' sustanzi u gruppi ta' residwi elenkati fl-Anness I ta' dik id-Direttiva.

(3)

Wara riorganizzazzjoni tal-attivitajiet laboratorji fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-funzjonijiet kollha, inklużi l-infrastruttura u l-persunal, ta' Rijksinstituut voor Volksgezondheid en Milieu (RIVM), li attwalment huwa elenkat bħala laboratorju ta' referenza għal residwi ta' mediċini veterinarji u kontaminanti fl-ikel li joriġina mill-annimali, għal residwi elenkati fl-Anness I, il-Grupp A (1), (2), (3), (4), il-Grupp B (2)(d) u l-Grupp B (3)(d) mad-Direttiva 96/23/KE, ġew ittrasferiti għal RIKILT - Institute of Food Safety. Il-ħidmiet imwettqa minn RIVM ġew assenjati lil RIKILT skont kuntratt qafas li għalaq fil-31 ta' Diċembru 2011.

(4)

Peress li l-kuntratt ta' RIVM kien wasal fl-aħħar, saret sejħa għas-selezzjoni ta' laboratorju ta' referenza tal-UE biex dan jiġi sostitwit. RIKILT - Institute of Food Safety intgħażel bħala dak li jissodisfa l-kriterji meħtieġa kollha u għalhekk għandu jinħatar bħala tali.

(5)

Minħabba l-importanza tas-sustanzi fil-Gruppi A (1) sa A (4) fl-Anness I tad-Direttiva 96/23/KE u l-fatt li RIKILT - Institute of Food Safety intgħażel bħala dak li jissodisfa l-kriterji meħtieġa kollha, dan għandu jinħatar bħala laboratorju ta' referenza kompetenti tal-UE għal residwi ta' mediċini veterinarji u kontaminanti fl-ikel li joriġina mill-annimali, għal residwi elenkati fl-Anness I, il-Grupp A (1), (2), (3), (4), il-Grupp B (2)(d) u l-Grupp B (3)(d) tad-Direttiva 96/23/KE mill-1 ta' Jannar 2012. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2012.

(6)

Il-Parti I tal-Anness VII mar-Regolament (KE) Nru 882/2004 għandha għalhekk tiġi emendata kif xieraq.

(7)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fil-Parti I tal-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, il-punt 12(a) jinbidel b’dan li ġej:

“(a)

Għar-residwi elenkati fl-Anness I, il-Grupp A (1), (2), (3) u (4), il-Grupp B (2)(d) u l-Grupp B (3)(d) tad-Direttiva 96/23/KE:

RIKILT – Institute for Food Safety, parti minn Wageningen UR

Wageningen

Il-Pajjiżi l-Baxxi”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 125, 23.5.1996, p. 10.