27.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 166/18


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 553/2012

tad-19 ta’ Ġunju 2012

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u speċjalment l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda mehmuża mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ma' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet tal-Unjoni speċifiċi, bil-għan tal-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti msemmija fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikata fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jkun stipulat li informazzjoni tariffarja li torbot u li nħarġet mill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri rigward il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda, iżda li mhijiex skont dan ir-Regolament, tkun tista', għal perjodu ta' tliet xhur, tibqa’ tkun invokata mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2).

(5)

Il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali ma ħariġx opinjoni fi żmien l-iskadenza iffissata mill-President,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif tidher fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2) ta' din it-tabella.

Artikolu 2

Informazzjoni tariffarja li torbot maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tista' tibqa' tkun invokata għal perjodu ta' tliet xhur taħt l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament huwa vinkolanti fit-totalità tiegħu, u direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni (Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Oġġett bla kamin, tal-azzar, ħlief tal-azzar li ma jissaddadx, b’ras essagonali, saħħa tensili ta’ 1 040  MPa u dimensjonijiet ta’ 160 mm (tul), 32 mm (daqs tar-ras) u 16 mm (dijametru tar-riġel).

Huwa jkompli jinħadem fi prodotti lesti li jaqgħu taħt l-intestatura 7318 , wara preżentazzjoni.

7318 15 89

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1, 2(a) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, u l-kliem tal-kodiċi NM 7318 , 7318 15  u 7318 15 89 .

Billi l-oġġett mhux lest għall-użu dirett, għandu l-forma li hija bejn wieħed u ieħor tal-oġġett lest u jista’ jintuża biss biex ikun jista’ jiġi prodott oġġett lest ta’ taħt l-intestatura 7318 , huwa jitqies bħala oġġett mhux lest skont it-tifsira tar-Regola Interpretattiva Ġenerali (RIĠ) 2(a), peress li hu bjank (ara wkoll in-Noti Spjegattivi HS għar-RIĠ 2(a), il-punt (II) u għall-intestatura 7318 , il-parti (A), il-ħames paragrafu).

Meta jitqiesu l-karatteristiċi oġġettivi tiegħu, bħal ma huma l-forma, ir-ras essagonali u s-saħħa tensili, l-artikolu jitqies bħala artikolu mhux lest tal-kodiċi tan-NM 7318 15 89 .

L-artikolu għalhekk għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 7318 15 89 .