26.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 165/25


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 546/2012

tal-25 ta’ Ġunju 2012

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 206/2010 li jistabbilixxi listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ ċerti annimali u laħam frisk u r-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni veterinarja

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (1), u b’mod partikolari l-frażi introduttorja tal-Artikolu 8, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) u l-Artikolu 8(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2004/68/KE tas-26 ta’ April 2004 li tistabbilixxi r-regoli tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni lejn u t-transitu matul il-Komunità għal ċerti annimali ungulati ħajjin, u temenda d-Direttivi 90/426/KEE u 92/65/KEE u tħassar id-Direttiva 72/462/KEE (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 7(e) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 (3) li jistabbilixxi r-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni veterinarja għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti kunsinni ta’ annimali ħajjin jew laħam frisk. Dan jistabbilixxi wkoll il-listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom, li minnhom jistgħu jiġu introdotti dawk il-kunsinni fl-Unjoni.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 206/2010 jistipula li kunsinni ta’ annimali ungulati għandhom jiġu introdotti fl-Unjoni biss jekk ikunu ġejjin mill-pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom elenkati fil-Parti 1 tal-Anness I tiegħu, u għal dan il-għan hemm mudell ta’ ċertifikat veterinarju li jikkorrispondi għall-kunsinna kkonċernata elenkata f’dik il-Parti. Barra minn hekk, dawk il-kunsinni għandu jkollhom magħhom ċertifikat veterinarju xieraq, imfassal skont il-mudell relevanti stabbilit fil-Parti 2 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 206/2010, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet speċifiċi indikati fil-kolonna 6 tat-tabella fil-Parti 1 ta’ dak l-Anness.

(3)

It-territorju kollu tal-Kanada, għajr ir-reġjun tal-Okanagan Valley fil-British Columbia, bħalissa jinsab elenkat fil-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 kif approvat għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, inter alia, ta’ annimali ovini domestiċi (Ovis aries) u annimali kaprini domestiċi (Capra hircus) maħsuba għat-tgħammir u/jew għall-produzzjoni wara l-importazzjoni u li jkollhom magħhom ċertifikat veterinarju skont il-mudell OVI-X. Madankollu, il-Kanada mhijiex elenkata fil-kolonna 6 tat-tabella fil-Parti 1 ta’ dak l-Anness bħala territorju uffiċjalment ħieles mill-bruċellożi għall-finijiet tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni ta’ annimali ħajjin ċertifikati skont dak iċ-ċertifikat mudell.

(4)

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/68/KEE tat-28 ta’ Jannar 1991 dwar il-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju tan-nagħaġ u tal-mogħoż (4) tistabbilixxi, inter alia, il-kundizzjonijiet li skonthom l-Istati Membri jew ir-reġjuni tagħhom jistgħu jiġu rikonoxxuti bħala uffiċjalment ħielsa mill-bruċellożi.

(5)

Barra minn hekk, id-Direttiva 2004/68/KE tistipula li, fejn l-ekwivalenza tal-garanziji tas-saħħa uffiċjali pprovduti minn pajjiż terz tista’ tiġi rikonoxxuta formalment mill-Unjoni, il-kundizzjonijiet tas-saħħa speċifiċi għall-annimali għall-introduzzjoni ta’ annimali ungulati ħajjin minn dak il-pajjiż terz fl-Unjoni, jistgħu jkunu msejsa fuq dawk il-garanziji.

(6)

Il-Kanada ppreżentat lill-Kummissjoni dokumentazzjoni li turi l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 91/68/KEE biex tkun rikonoxxuta bħala uffiċjalment ħielsa mill-bruċellożi (B. melitensis) għat-territorju sħiħ ta’ dak il-pajjiż terz għall-finijiet tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni ta’ annimali ovini domestiċi (Ovis aries) u annimali kaprini domestiċi (Capra hircus) maħsuba għat-tgħammir u/jew għall-produzzjoni wara l-importazzjoni u li jkollhom magħhom ċertifikat veterinarju skont iċ-ċertifikat mudell OVI-X stabbilit fil-Parti 2 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 206/2010.

(7)

Wara l-valutazzjoni tad-dokumentazzjoni ppreżentata mill-Kanada, dak il-pajjiż terz għandu jiġi rikonoxxut bħala uffiċjalment ħieles mill-bruċellożi (B. melitensis). Għaldaqstant, ir-referenza xierqa għandha tkun inkluża fl-annotazzjoni għal dak il-pajjiż terz fil-kolonna 6 tat-tabella fil-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 206/2010.

(8)

Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 206/2010 jipprovdi li kunsinni ta’ laħam frisk maħsuba għall-konsum mill-bniedem għandhom jiġu importati lejn l-Unjoni biss jekk ikunu ġejjin mill-pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom elenkati fil-Parti 1 tal-Anness II ta’ dak ir-Regolament u għal dan il-għan hemm mudell ta’ ċertifikat veterinarju li jikkorrispondi għall-kunsinna kkonċernata elenkata f’dik il-Parti.

(9)

Erba’ partijiet tat-territorju tal-Botswana huma elenkati fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 bħala reġjuni li minnhom huma awtorizzati l-importazzjonijiet lejn l-Unjoni ta’ laħam dissussat u mmaturat frisk mill-annimali ungulati. Dawn ir-reġjuni jikkonsistu f’għadd ta’ żoni ta’ kontroll tal-mard veterinarju.

(10)

Wara tifqigħa tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fir-reġjun BW-1 tal-Botswana, ir-Regolament (UE) Nru 206/2010, kif emendat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 801/2011 (5), jistipula li l-awtorizzazzjoni tal-Botswana biex tesporta laħam dissussat u mmaturat frisk mill-annimali ungulati lejn l-Unjoni minn dak ir-reġjun, tkun sospiża mill-11 ta’ Mejju 2011. Ir-reġjun BW-1 tal-Botswana jikkonsisti f’żoni ta’ kontroll tal-mard veterinarju 3c, 4b, 5, 6, 8, 9 u 18.

(11)

Fit-2 ta’ Diċembru 2011, il-Botswana għarrfet lill-Kummissjoni dwar l-approvazzjoni b’suċċess taż-żoni ta’ kontroll tal-mard veterinarju 3c, 4b, 5, 6, 8, 9 u 18 bħala ħielsa mill-marda tal-ilsien u d-dwiefer mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali. Għaldaqstant, is-sospensjoni tal-awtorizzazzjoni biex jiġi esportat laħam dissussat u mmaturat frisk mill-annimali ungulati lejn l-Unjoni minn dak ir-reġjun ma għadhiex meħtieġa.

(12)

Madankollu, fiż-żona 6 ta’ kontroll tal-mard veterinarju, il-Botswana ddikjarat żona qrib il-fruntiera maż-Żimbabwe bħala żona ta’ sorveljanza intensiva u għarrfet lill-Kummissjoni li l-annimali bovini domestiċi kollha f’dik iż-żona nqatlu. Dik iż-żona ma għandhiex tiġi awtorizzata għall-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni ta’ laħam dissussat u mmaturat frisk mill-annimali ungulati. Għaldaqstant, din għandha tiġi eskluża mir-reġjun BW-1 kif elenkat fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010.

(13)

Għalhekk, ir-Regolament (UE) Nru 206/2010 għandu jiġi emendat skont dan.

(14)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 206/2010 qed jiġi emendat kif ġej:

(1)

fil-Parti 1 tal-Anness I, l-annotazzjoni għall-Kanada qed titbiddel b’dan li ġej:

“CA – Il-Kanada

CA-0

Il-pajjiż kollu

POR-X

 

IVb IX V

CA-1

Il-pajjiż kollu, għajr ir-reġjun ta’ Okanagan Valley tal-British Columbia kif deskritt hawn isfel:

Minn punt fuq il-fruntiera bejn il-Kanada u l-Istati Uniti 120°15′ ta’ lonġitudni u 49° ta’ latitudni

Lejn it-Tramuntana fil-punt ta’ 119°35′ ta’ lonġitudni u 50°30′ ta’ latitudni

Lejn il-Grigal fil-punt ta’ 119° ta’ lonġitudini u 50°45′ ta’ latitudini

Lejn in-Nofsinhar minn punt fuq il-fruntiera bejn il-Kanada u l-Istati Uniti 118°15′ ta’ lonġitudni u 49° ta’ latitudini

BOV-X, OVI-X, OVI-Y RUM (*)

A

(2)

fil-Parti 1 tal-Anness II, l-annotazzjoni għall-Botswana qed titbiddel b’dan li ġej:

“BW – Il-Botswana

BW-0

Il-pajjiż kollu

EQU, EQW

 

 

 

 

BW-1

Iż-żoni ta’ kontroll tal-mard veterinarju 3c, 4b, 5, 6, 8, 9 u 18 għajr iż-żona ta’ sorveljanza intensiva fiż-żona 6 bejn il-fruntiera maż-Żimbabwe u l-awtostrada A1

BOV, OVI, RUF, RUW

F

1

fil-11 ta’ Mejju 2011.

26 ta’ Ġunju 2012

BW-2

Iż-żoni ta’ kontroll tal-mard veterinarju 10, 11, 13 u 14

BOV, OVI, RUF, RUW

F

1

 

fis-7 ta’ Marzu 2002

BW-3

Iż-żona 12 ta’ kontroll tal-mard veterinarju

BOV, OVI, RUF, RUW

F

1

fl-20 ta’ Ottubru 2008.

fl-20 ta’ Jannar 2009

BW-4

Iż-żona 4a ta’ kontroll tal-mard veterinarju, għajr iż-żona ta’ lqugħ ta’ sorveljanza intensiva ta’ 10 km tul il-fruntiera maż-żona ta’ tilqim għall-marda tal-ilsien u d-dwiefer u ż-żoni ta’ ġestjoni tal-organiżmi slavaġ

BOV

F

1

 

fit-18 ta’ Frar 2011”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

(2)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 321.

(3)  ĠU L 73, 20.3.2010, p. 1.

(4)  ĠU L 46, 19.2.1991, p. 19.

(5)  ĠU L 205, 10.8.2011, p. 27.