16.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 156/39


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 511/2012

tal-15 ta’ Ġunju 2012

dwar notifiki li jikkonċernaw l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u dawk interprofessjonali u negozjati kuntrattwali u relazzjonijiet previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-punti (b) u (c) tal-Artikolu 126e(2) u l-Artikolu 185f(6) tiegħu,

Billi:

(1)

It-Taqsima IIA tal-Kapitolu II tat-Titolu II tal-Parti II tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 imdaħħla bir-Regolament (UE) Nru 261/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) fiha regoli li jikkonċernaw l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib.

(2)

L-Artikoli 126a u 126b tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jistabbilixxu regoli dwar l-għarfien tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom u tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali. Skont dawk l-Artikoli għandhom isiru notifiki mill-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjonijiet li jagħtu, jirrifjutaw jew jirtiraw ir-rikonoxximent. Għat-tħejjija tar-rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, skont l-Artikolu 184(9) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, hemm bżonn ta’ informazzjoni dwar l-għadd ta’ entitajiet rikonoxxuti, id-daqs tagħhom f’termini ta’ volumi ta’ ħalib mhux ipproċessat prodotti mill-produtturi membri tagħhom u, fejn xieraq, dwar ir-raġunijiet għal rifjut jew irtirar tar-rikonoxximent tagħhom.

(3)

L-Artikolu 126c tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jistipula regoli dwar in-negozjati kuntrattwali għall-kunsinna ta' ħalib mhux ipproċessat. Skont dak l-Artikolu in-notifiki għandhom isiru minn organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-Istati Membri.

(4)

L-Artikolu 126d tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jipprovdi li l-Istati Membri jeħtiġilhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar ir-regoli li jkunu adottataw biex jirregolaw il-provvista ta’ ġobon b’denominazzjoni tal-oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta.

(5)

Skont l-Artikolu 185f tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, l-Istati Membri li jiddeċiedu li kull kunsinna ta’ ħalib mhux ipproċessat fit-territorju tagħhom minn bidwi għal proċessur ta’ ħalib mhux ipproċessat għandha tkunu koperta minn kuntratt bil-miktub bejn il-Partijiet u/jew jiddeċiedu li l-ewwel ix-xerrejja għandhom jagħmlu offerta bil-miktub għal kuntratt għall-kunsinna ta' ħalib mhux ipproċessat mill-bdiewa, iridu jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar ir-regoli li jkunu adottataw fir-rigward tar-relazzjonijiet kuntrattwali.

(6)

Għandhom jiġu stipulati regoli uniformi dwar il-kontenut ta’ dawk in-notifiki u d-data li fiha l-aħħar għandhom jiġu sottomessi.

(7)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-Istati Membri, skont l-Artikolu 126a(4)(d) u l-Artikolu 126b(3)(e) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu kull sena, rigward deċiżjonijiet meħuda matul is-sena kalendarja preċedenti bi:

(a)

l-għadd ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-produtturi, minn hawn 'il quddiem imsemmija bħala l-"assoċjazzjonijiet", u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali li ingħataw ir-rikonoxximent, u, fejn applikabbli, il-volumi ta’ ħalib mhux ipproċessat negozjabbli annwalment prodotti minn organizzazzjonijiet tal-produtturi u assoċjazzjonijiet;

(b)

l-għadd ta’ applikazzjonijiet għar-rikonnoximent sottomessi minn organizzazzjonijiet tal-produtturi, assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet interprofessjonali li huma rrifjutaw u sommarju tar-raġunijiet għal tali rifjut;

(c)

l-għadd ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-produtturi, l-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali li r-rikonoxximent tagħhom ġie rtirat u sommarju tar-raġunijiet għal dan l-irtirar.

2.   Fejn notifika msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 tikkonċerna organizzazzjoni jew assoċjazzjoni tal-produtturi tranżnazzjonali, in-notifika għandha tindika, fejn applikabbli, il-volumi tal-ħalib mhux ipproċessat negozjabbli annwali prodotti mill-membri ta’ kull Stat Membru.

Artikolu 2

1.   In-notifiki tal-volumi ta’ ħalib mhux ipproċessat koperti minn negozjati kuntrattwali msemmija fl-Artikolu 126c(2)(f) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandhom isiru lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru jew tal-Istati Membri

(a)

fejn isseħħ il-produzzjoni tal-ħalib mhux ipproċessat u,

(b)

jekk differenti, fejn isseħħ il-kunsinna lil proċessur jew kollettur.

2.   Notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha ssir qabel il-bidu tan-negozjati u għandha tindika l-organizzazzjoni tal-produtturi jew l-istima tal-assoċjazzjoni tal-volum tal-produzzjoni li għandu jiġi kopert min-negozjati u l-perjodu ta’ ħin mistenni tal-kunsinna tal-volum tal-ħalib mhux ipproċessat.

3.   Sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, kull organizzazzjoni jew assoċjazzjoni tal-produtturi għandha, minbarra n-notifika msemmija fil-paragrafu 1, tinnotifika l-volum ta' ħalib mhux ipproċessat, speċifikat għal kull Stat Membru ta’ produzzjoni, li ġie attwalment mgħoti b’kunsinna taħt kuntratti nnegozjati mill-organizzazzjoni tal-produtturi fis-sena kalendarja preċedenti.

Artikolu 3

1.   Mhux aktar tard mill-15 ta’ Marzu kull sena, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 126c(8) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007:

(a)

il-volum totali ta’ ħalib ipproċessat, speċifikat għal kull Stat Membru tal-produzzjoni, mogħti b’kunsinna fit-territorju tagħhom taħt kuntratti nnegozjati permezz tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet rikonoxxuti skont l-Artikolu 126c(2)(f) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, fis-sena kalendarja preċedenti, kif notifikat lill-awtoritajiet kompetenti taħt l-Artikolu 2(3) ta' dan ir-Regolament;

(b)

l-għadd ta’ każijiet li fihom l-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Kompetizzjoni iddeċidew li negozjat partikolari għandu jinfetaħ mill-ġdid jew ma għandux iseħħ skont l-Artikolu 126c(6) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u sommarju qasir ta’ dawk id-deċiżjonijiet.

2.   Fejn in-notifiki li waslu taħt l-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-Regolament huma marbuta ma’ negozjati li jkopru aktar minn Stat Membru wieħed, l-Istati Membri għandhom, għall-iskopijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 126c(6) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, jgħaddu minnufih lill-Kummissjoni l-informazzjoni meħtieġa għall-Kummissjoni biex tivvaluta jekk il-kompetizzjoni hijiex eskluża jew jekk saritx ħsara serja lill-proċessuri SME tal-ħalib mhux ipproċessat.

Artikolu 4

1.   In-notifiki skont l-Artikolu 126d(7) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandhom jinkludu r-regoli adottati mill-Istati Membri biex jirregolaw il-provvista tal-ġobon b’denominazzjoni tal-oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta, kif ukoll nota mqassra li tindika:

(a)

l-isem tal-ġobon,

(b)

l-isem u t-tip ta’ organizzazzjoni li qed jitolbu ir-regolazzjoni tal-provvista;

(c)

il-mezzi magħżula għar-regolazzjoni tal-provvista;

(d)

id-data tad-dħul fis-seħħ tar-regoli;

(e)

il-perjodu taż-żmien fejn japplikaw ir-regoli.

2.   L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni meta jirrevokaw regoli qabel it-tmiem tal-perjodu msemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1.

Artikolu 5

In-notifiki msemmija fl-Artikolu 185f(5) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandhom jinkludu r-regoli adottati mill-Istati Membri rigward il-kuntratti msemmija fl-Artikolu 185f(1) tagħha, kif ukoll in-nota mqassra li tindika:

(a)

jekk l-Istat Membru iddeċiediex li l-kunsinni ta’ ħalib mhux ipproċessat minn bidwi għal proċessur għandu jkun kopert minn kuntratt bil-miktub bejn il-Partijiet u, jekk iva, l-istadju jew l-istadji tal-kunsinna meħtieġa li ikunu koperti minn tali kuntratti, jekk issir il-kunsinna permezz ta' kollettur wieħed jew aktar, u kwalunkwe żmien minimu għal kuntratti bil-miktub;

(b)

jekk l-Istat Membru iddeċiediex li l-ewwel xerrej ta’ ħalib mhux ipproċessat għandu jagħmel offerta bil-miktub għall-kuntratt lill-bidwi, u, fejn xieraq, id-dewmien minimu ta' kuntratt li jrid ikun inkluż fl-offerta.

Artikolu 6

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 94, 30.3.2012, p. 38.