14.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 153/8


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 502/2012

tat-13 ta’ Ġunju 2012

li jniedi investigazzjoni dwar il-possibilità ta’ ċirkomvenzjoni ta’ miżuri tal-antidumping imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 2/2012 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-azzar inossidabbli u partijiet tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina permezz ta’ importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-azzar inossidabbli u partijiet tagħhom ikkunsinnati mill-Malażja, it-Tajlandja u l-Filippini, sew jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malażja, it-Tajlandja u l-Filippini u sew jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet suġġetti għar-reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikoli 13(3) u 14(5) tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv b’konformità mal-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) iddeċidiet, skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku biex tinvestiga fuq inizjattiva tagħha, il-possibilità ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri antidumping imposti fuq importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-azzar inossidabbli u partijiet tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u biex tagħmel l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-azzar inossidabbli u partijiet tagħhom ikkunsinnati mill-Malażja, it-Tajlandja u l-Filippini, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malażja, it-Taljanda u l-Filippini u kemm jekk le, suġġetti għar-reġistrazzjoni.-{}-

A.   Il-PRODOTT

(2)

Il-prodott ikkonċernat miċ-ċirkomvenzjoni possibbli huwa ċerti qfieli tal-azzar inossidabbli u partijiet tagħhom, li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li bħalissa huma kklassifikati fil-kodiċi NM 7318 12 10 , 7318 14 10 , 7318 15 30 , 7318 15 51 , 7318 15 61  u 7318 15 70 (“il-prodott ikkonċernat”).

(3)

Il-prodott li qed jiġi investigat huwa l-istess bħal dak definit fil-premessa preċedenti, iżda kkunsinnat mill-Malażja, it-Tajlandja u l-Filippini, kemm jekk iddikjarat li joriġina mill-Malażja, it-Tajlandja u l-Filippini u kemm jekk le, u li bħalissa jaqa’ taħt l-istess kodiċi NM bħall-prodott ikkonċernat (“il-prodott li qed jiġi investigat”).

B.   IL-MIŻURI EŻISTENTI

(4)

Il-miżuri attwalment fis-seħħ u li possibbilment qed jiġu evitati huma l-miżuri tal-antidumping imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill Nru 2/2012 (2) wara reviżjoni ta’ skadenza tal-miżuri imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1890/2005 (3).

C.   IR-RAĠUNIJIET

(5)

Il-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza prima facie li l-miżuri tal-antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-azzar inossidabbli u partijiet tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina qed jiġu evitati permezz ta’ trasbord li jgħaddi mill-Malażja, it-Tajlandja u l-Filippini.

(6)

L-evidenza prima facie għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni hija kif ġejja:

(7)

Hemm bdil sinifikanti fil-mudell tal-kummerċ li jinvolvi esportazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, il-Malażja, it-Tajlandja u l-Filippini lejn l-Unjoni li sar wara l-impożizzjoni ta’ miżuri fuq il-prodott ikkonċernat, mingħajr raġuni jew ġustifikazzjoni biżżejjed b’saħħitha għal tali bidla, għajr l-impożizzjoni tad-dazju..

(8)

Din il-bidla fil-mudell tal-kummerċ tidher li toriġina mit-trasbord ta’ ċerti qfieli tal-azzar inossidabbli u partijiet tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jgħaddu mill-Malażja, it-Taljandja u l-Filippini.

(9)

Barra minn hekk, l-evidenza tindika li l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri eżistenti tal-antidumping fuq il-prodott ikkonċernat qed jiġu kompromessi f’termini ta’ kwantità u prezz. Volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat jidhru li ħadu post l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, hemm biżżejjed evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat qed isiru bi prezzijiet ħafna anqas mill-prezz mhux ta’ dannu stabbilit fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri eżistenti, aġġustati għaż-żieda fil-kosti tal-materja prima.

(10)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni għandha biżżejjed evidenza prima facie li l-prezzijiet tal-prodott li qed jiġi investigat qegħdin ikunu oġġett ta’ dumping fir-rigward tal-valur normali stabbilit qabel għall-prodott ikkonċernat, aġġustat għaż-żieda fil-kosti tal-materja prima.

(11)

Jekk il-prattiki ta’ ċirkomvenzjoni li jgħaddu mill-Malażja, it-Tajlandja, u l-Filippini koperti mill-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, għajr it-trasbord, ikunu identifikati matul l-investigazzjoni, l-investigazzjoni tista’ tkopri wkoll dawn il-prattiki.

D.   IL-PROĊEDURA

(12)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li teżisti biżżejjed evidenza biex tiġġustifika t-tnedija ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku u li tagħmel l-importazzjonijiet tal-prodott investigat, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw mill-Malażja, it-Tajlandja u l-Filippini u kemm jekk le, suġġetti għal reġistrazzjoni, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

(a)   Kwestjonarji

(13)

Sabiex tikseb it-tagħrif meqjus neċessarju għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-esportaturi/produtturi magħrufa u lill-assoċjazzjonijiet tal-esportaturi/produtturi magħrufa fil-Malażja, it-Tajlandja u l-Filippini, lill-esportaturi/produtturi magħrufa u l-assoċjazzjonijiet tal-esportaturi/produtturi magħrufa fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lill-importaturi magħrufa u lill-assoċjazzjonijiet tal-importaturi magħrufa fl-Unjoni u lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, il-Malażja, it-Tajlandja u l-Filippini. Jista’ wkoll jintalab tagħrif, kif xieraq, mingħand l-industrija tal-Unjoni.

(14)

Fi kwalunkwe każ, il-partijiet kollha interessati għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih, u mhux iktar tard mil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, u jitolbu kwestjonarju fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament, minħabba li l-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament japplika għall-partijiet interessati kollha.

(15)

L-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, il-Malażja, it-Tajlandja u l-Filippini se jkunu notifikati bit-tnedija tal-investigazzjoni.

(b)   Ġbir ta’ tagħrif u seduti ta’ smigħ

(16)

Il-partijiet kollha interessati huma mistiedna hawn biex jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, sakemm jagħmlu talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn dawn għandhom jinstemgħu.

(c)   L-eżenzjoni mir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet jew mill-miżuri

(17)

Skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat jistgħu jkunu eżentati mir-reġistrazzjoni jew mill-miżuri jekk l-importazzjoni ma tikkostitwixxix ċirkomvenzjoni.

(18)

Minħabba li l-possibilità li sseħħ ċirkomvenzjoni barra mill-Unjoni, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet, skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, lil produtturi fil-Malażja, it-Tajlandja u l-Filippini ta’ qfieli tal-azzar inossidabbli u partijiet tagħhom li jistgħu juru li mhumiex relatati (4) mal-ebda produttur suġġett għall-miżuri (5) u li jinstabu li mhumiex involuti fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni kif definiti fl-Artikoli 13(1) u 13(2) tar-Regolament bażiku. Il-produtturi li jixtiequ jiksbu eżenzjoni għandhom jissottomettu talba sostnuta b’evidenza xierqa fi ħdan il-limitu ta’ żmien indikat fl-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-Regolament.

E.   IR-REĠISTRAZZJONI

(19)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat għandhom ikunu suġġetti għar-reġistrazzjoni sabiex ikun żgurat li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta f’sejbiet ta’ ċirkomvenzjoni, ikunu jistgħu jiġu ntaxxati dazji tal-antidumping ta’ ammont xieraq b’lura mid-data tar-reġistrazzjoni ta’ dawn l-importazzjonijiet ikkunsinnati mill-Malażja, it-Tajlandja u l-Filippini.

F.   IL-LIMITI TA’ ŻMIEN

(20)

Fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba, għandhom jiġu ddikjarati limiti ta’ żmien li matulhom:

—

il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw irwieħhom lill-Kummissjoni, iressqu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jissottomettu t-tweġibiet għall-kwestjonarju tagħhom jew kwalunkwe tagħrif ieħor li għandu jitqies matul l-investigazzjoni,

—

il-produtturi fil-Malażja, it-Tajlandja u l-Filippini jistgħu jitolbu eżenzjoni mir-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet jew miżuri,

—

il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu talba bil-miktub biex jinstemgħu mill-Kummissjoni.

(21)

Ta’ min jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċizzju tal-parti l-kbira tad-drittijiet proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku jiddependi mill-fatt li l-parti tippreżenta ruħha fil-limiti ta’ żmien imsemmijin fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

G.   IN-NUQQAS TA’ KOOPERAZZJONI

(22)

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fil-limitu ta’ żmien, jew tfixkel l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru b’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, abbażi tal-fatti disponibbli.

(23)

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat tagħrif falz jew qarrieqi, dak it-tagħrif għandu jitwarrab u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

(24)

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment, u s-sejbiet ikunu għalhekk ibbażati fuq fatti disponibbli b’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

H.   L-ISKEDA TAL-INVESTIGAZZJONI

(25)

L-investigazzjoni għandha tiġi konkluża, skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, fi żmien disa’ xhur mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

I.   L-IPPROĊESSAR TA’ DEJTA PERSONALI

(26)

Ta’ min jinnota li kwalunkwe dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-dejta (6).

J.   L-UFFIĊJAL TAS-SEDUTA

(27)

Ta’ min jinnota wkoll li jekk il-partijiet interessati jqisu li qegħdin jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jeżerċitaw id-drittijiet ta’ difiża tagħhom, dawn jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. Dan jaġixxi bħala medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni, filwaqt li joffri, fejn ikun meħtieġ, medjazzjoni dwar kwistjonijiet proċedurali li jaffettwaw il-ħarsien tal-interessi tagħhom f’dan il-proċediment, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għall-fajl, il-kunfidenzjalità, l-estensjoni taż-żmien preskritt u t-trattament tal-fehmiet sottomessi bil-miktub u/jew bil-fomm. Għal aktar informazzjoni u dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni tal-Internet tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: (http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/hearing-officer/index_en.htm).

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B’dan qed jingħata bidu għal investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfiel tal-azzar inossidabbli u partijiet tagħhom fl-Unjoni, ikkunsinnati mill-Malażja, it-Tajlandja u l-Filippini, sew jekk iddikjarati li joriġinaw fil-Malażja, it-Tajlandja u l-Filippini u sew jekk le, li bħalissa huma kklassifikati fil-Kodiċi NM ex 7318 12 10 , ex 7318 14 10 , ex 7318 15 30 , ex 7318 15 51 , ex 7318 15 61  u ex 7318 15 70 (kodiċi TARIC 7318 12 10 11, 7318 12 10 91, 7318 14 10 11, 7318 14 10 91, 7318 15 30 11, 7318 15 30 61, 7318 15 30 81, 7318 15 51 11, 7318 15 51 61, 7318 15 51 81, 7318 15 61 11, 7318 15 61 61, 7318 15 61 81, 7318 15 70 11, 7318 15 70 61 u 7318 15 70 81), qed jevitaw il-miżuri imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 2/2012.

Artikolu 2

L-Awtoritajiet doganali b’dan huma mitluba, skont l-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, jieħdu l-passi xierqa sabiex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni identifikati fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ regolament, titlob lill-Awtoritajiet doganali jwaqqfu r-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ prodotti manifatturati mill-produtturi li jkunu applikaw għal eżenzjoni mir-reġistrazzjoni u li jkun instab li jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex tingħata eżenzjoni.

Artikolu 3

1.   Il-kwestjonarji għandhom jiġu mitluba mill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Il-partijiet interessati, jekk ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom iridu jitqiesu waqt l-investigazzjoni, iridu jippreżentaw rwieħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, iressqu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jibagħtu t-tweġibiet tal-kwestjonarju jew kwalunkwe tagħrif ieħor fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm mhux speċifikat mod ieħor.

3.   Il-produtturi fil-Malażja, it-Tajlandja u l-Filippini li jitolbu eżenzjoni mir-reġistrazzjoni ta’ importazzjoni jew miżuri għandhom iressqu talba sostnuta bi provi fl-istess limitu ta’ żmien ta’ 37 jum.

4.   Il-partijiet interessati jistgħu japplikaw ukoll biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta’ żmien ta’ 37 jum.

5.   Il-partijiet interessati huma mitluba jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha f’format elettroniku (is-sottomissjonijiet mhux kunfidenzjali permezz tal-posta elettronika, dawk kunfidenzjali fuq CD-R/DVD), u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Madankollu, kwalunkwe Prokura, ċertifikazzjonijiet iffirmati u aġġornamenti tagħhom li jakkumpanjaw it-tweġibiet tal-kwestjonarju, għandhom jiġu sottomessi f’għamla ta’ dokument fiżiku, jiġifieri bil-posta jew bl-idejn, fl-indirizz ta’ hawn taħt. Skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament bażiku, jekk parti interessata ma tistax tipprovdi s-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f’format elettroniku, għandha tgħarraf lill-Kummissjoni minnufih. Għal aktar tagħrif dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġna tal-web rilevanti fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/trade-defence. Kull preżentazzjoni bil-miktub, inkluż it-tagħrif mitlub f’dan ir-Regolament, it-tweġibiet għall-kwestjonarju u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali għandha tkun immarkata bħala “Ristretta” (7) u, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, għandha tkun akkumpanjata minn verżjoni mhux kunfidenzjali, li għandha tkun immarkata “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N105 4/92

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Kuntatt:

Kaxxa postali tal-każijiet: TRADE-STEEL-FAST-13-A@ec.europa.eu

Faks: +32 2 29 84139

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)   ĠU L 5, 7.1.2012, p. 1.

(3)   ĠU L 302, 19.11.2005, p. 1.

(4)  Skont l-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta’ xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala sħab fin-negozju; (c) ikunu impjegatur u impjegat; (d) kull persuna li direttament jew indirettament tkun proprjetarja, tikkontrolla jew tkun detentriċi ta’ 5 % jew aktar tal-ishma jew ta’ kwoti ta’ ishma li jivvutaw jew tat-tnejn; (e) wieħed minnhom, direttament jew indirettament jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma huma direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien direttament jew indirettament jikkontrollaw terza persuna; jew (h) huma membri tal-istess familja. Persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom biss waħda mir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom: (i) konjuġi, (ii) ġenituri u wild, (iii) aħwa (sew jekk tal-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nanniet u neputijiet, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenituri jew ulied tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F’dan il-kuntest “persuna” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika.

(5)  Madankollu, anki jekk il-produtturi huma relatati skont kif jissemma hawn fuq ma’ kumpaniji suġġetti għall-miżuri stabbiliti fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (il-miżuri oriġinali tal-antidumping), tingħata xorta waħda eżenzjoni jekk ma jkunx hemm evidenza li r-relazzjoni mal-kumpaniji suġġetta għall-miżuri oriġinali kienet stabbilita jew intużat biex ikun hemm ċirkomvenzjoni tal-miżuri oriġinali.

(6)   ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(7)  Dokument “ Ristrett ” huwa dokument li jitqies bħala kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim dwar l-Anti-dumping). Dan hu wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).