|
6.6.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 146/42 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 476/2012
tal-5 ta' Ġunju 2012
li jipprojbixxi l-attivitajiet tas-sajd għal bastimenti tas-sajd bil-purse seine li jtajru l-bandiera ta’ Spanja jew Franza jew li huma rreġistrati fi Spanja jew Franza, u li jkunu qed jistadu għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran
Il-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 36(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 44/2012 tas-17 ta’ Jannar 2012 li jiffissa għall-2012 l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli fl-ilmijiet tal-UE u, għall-bastiment tal-UE, f’ċerti ilmijiet mhux tal-UE għal ċerti stokkijiet tal-ħut li huma suġġetti għal negozjati jew ftehimiet internazzjonali, jiffissal-ammont tat-tonn li jista’ jsir sajd għalih fl-2012 mill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni Ewropea fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran. |
|
(2) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009 tas-6 ta’ April 2009 li jistabbilixxi pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran (2), li jemeda r-Regolament (KE) Nru 43/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1559/2007, jeħtieġ li l-Istati Membri jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar il-kwota individwali allokata lill-bastimenti tagħhom b’tul ta’ iktar minn 24 metru. |
|
(3) |
Il-Politika Komuni tas-Sajd hija mfassla b’tali mod li tiżgura l-vijabbiltà fit-tul tas-settur tas-sajd permezz tal-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin abbażi tal-approċċ ta’ prekawzjoni. |
|
(4) |
Skont l-Artikolu 36, il-paragrafu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, fejn il-Kummissjoni ssib, abbażi tat-tagħrif li jingħata mill-Istati Membri jew ta’ tagħrif ieħor fil-pussess tagħha, li l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għall-Unjoni Ewropea, għal Stat Membru jew għal grupp ta’ Stati Membri jitqiesu li ntużaw kollha għal irkaptu wieħed jew iktar jew għal flotta waħda jew aktar, hija għandha tgħarraf lill-Istati Membri kkonċernati dwar dan u għandha tipprojbixxi l-attivitajiet tas-sajd għaż-żona, għall-irkaptu, għall-istokk, għall-grupp tal-istokkijiet jew għall-flotta involuta f’dawk l-attivitajiet tas-sajd speċifiċi. |
|
(5) |
Mit-tagħrif li għandha l-Kummissjoni jidher li l-opportunitajiet tas-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran allokati għall-bastimenti tas-sajd bil-purse seine li jtajru l-bandiera ta’ Spanja jew Franza jew li huma rreġistrat fi Spanja jew Franza kienu eżawriti fid-29 ta’ Mejju 2012. |
|
(6) |
Fis-26, 27 u 29 ta’ Mejju, Franza infurmat lill-Kummisjoni dwar il-fatt li hija kienet imponiet li jieqfu l-attivitajiet tas-sajd tad-9 bastimenti tas-sajd bil-purse seine tagħha li matul l-2012, kienu attivi fis-sajd għat-tonn, b’effett mis-26 ta’ Mejju għal 3 bastimenti, mis-27 ta’ Mejju għal 2 bastimenti, u b’effett mid-29 ta’ Mejju għall-aħħar 4 bastimenti, wara l-aħħar trasferiment awtorizzat dakinhar għal dawk l-4 bastimenti, miżura li rriżultat fil-projbizzjoni tal-attivitajiet kollha mit-30 ta’ Mejju 2012. |
|
(7) |
Fl-1 ta’ Ġunju 2012, Spanja infurmat lill-Kummissjoni dwar il-fatt li kienet imponiet li jieqfu l-attivitajiet tas-sajd tas-6 bastimenti tas-sajd bil-purse seine tagħha li fl-2012, kienu attivi fis-sajd għat-tonn, b’effett mid-29 ta’ Mejju għal 2 mill-imsemmija bastimenti u b’effett mit-30 ta’ Mejju, għall-aħħar 4 bastimenti, miżura li rriżultat fil-projbizzjoni tal-attivitajiet kollha mit-30 ta’ Mejju 2012. |
|
(8) |
Mingħajr ħsara għall-azzjonijiet minn Franza u Spanja msemmija hawn fuq, jeħtieġ li l-Kummissjoni tikkonferma l-projbizzjoni tas-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran, b’effett mit-30 ta’ Mejju 2012 mill-bastimenti tas-sajd bil-purse seine li jtajru l-bandiera ta’ Spanja jew Franza jew li huma rreġistrati fi Spanja jew Franza. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Is-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran mill-bastimenti tas-sajd bil-purse seine li jtajru l-bandiera ta’ Franza jew Spanja jew li huma rreġistrati fi Franza jew Spanja, għandu jkun ipprojbit mhux iktar tard mit-30 ta’ Mejju.
Minn dik id-data għandu jiġi pprojbit ukoll li stokk ta’ dan it-tip maqbud minn dawk il-bastimenti jinżamm abbord, jitqiegħed f’gaġeġ għat-tismin jew għat-trobbija, jiġi ttrażbordat jew jinħatt l-art.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Ġunju 2012.
Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,
Maria DAMANAKI
Membru tal-Kummissjoni