|
5.6.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 144/1 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 468/2012
tal-1 ta’ Ġunju 2012
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 28/2012 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni tal-importazzjoni għall-Unjoni u tat-tranżitu minn ġol-Unjoni ta’ ċerti prodotti komposti
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(5) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 28/2012 (2) jistabbilixxi regoli dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ kunsinni ta’ ċerti prodotti komposti introdotti fl-Unjoni minn pajjiżi terzi, inklużi prodotti komposti li fihom prodotti tal-bajd ipproċessati. |
|
(2) |
Skont ir-Regolament (UE) Nru 28/2012, kunsinni ta’ prodotti komposti introdotti fl-Unjoni jew mgħoddija b’mod tranżitorju minnha, għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa skont il-mudelli stabbiliti fl-Annessi I u II tiegħu u għandhom jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak iċ-ċertifikat. |
|
(3) |
Iċ-ċertifikati mudell imniżżla fl-Annessi I u II tar-Regolament (UE) Nru 28/2012 attwalment ma għandhomx jinkludu kundizzjonijiet dettaljati fir-rigward tal-prodotti tal-bajd ipproċessati li jinsabu fil-prodotti komposti li qed jiġu introdotti fl-Unjoni jew jgħaddu b’mod tranżitorju minnha. |
|
(4) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008 tat-8 ta’ Awwissu 2008 li jistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi, territorji, żoni jew kumpartimenti li minnhom jistgħu jiġu impurtati u jsir tranżitu ta’ tjur u prodotti tat-tjur fil-Komunità u r-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni veterinarja (3) jipprevedi rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni veterinarja għall-importazzjonijiet fl-Unjoni u mgħoddija b’mod tranżitorju minnha ta’ ċerti prodotti inklużi l-prodotti mill-bajd. Dan jipprevedi li l-prodotti importati fl-Unjoni jew mgħoddija b’mod tranżitorju minnha għandu jakkumpanjahom ċertifikat veterinarju skont l-oġġett ikkonċernat u għandhom jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati hemmhekk. |
|
(5) |
Il-prodotti tal-bajd ipproċessati jġibu magħhom riskju potenzjali għas-saħħa tal-annimali, anki meta dawn jintużaw biex jimmanifatturaw ċerti prodotti komposti. Għaldaqstant jixraq li l-istess kundizzjonijiet li għandhom jitħarsu fil-każ tal-prodotti tal-bajd skont ir-Regolament (KE) Nru 798/2008, meta dawk il-prodotti jiddaħħlu fl-Unjoni jew jingħaddu b’mod tranżitorju minnha, japplikaw ukoll għall-prodotti tal-bajd ipproċessati użati biex jimmanifatturaw prodotti komposti. |
|
(6) |
Iċ-ċertifikati mudell imniżżla fl-Annessi I u II tar-Regolament (UE) Nru 28/2012 jinkludu l-kundizzjoni li l-pajjiż tal-oriġini ta’ laħam jew prodotti tal-ħalib użati għall-manifattura ta’ prodotti komposti importati fl-Unjoni jew mgħoddija b’mod tranżitorju minnha huwa awtorizzat minn leġiżlazzjoni relevanti tal-Unjoni biex jesporta l-laħam jew il-prodotti tal-ħalib fl-Unjoni. Barra minn hekk, dawk iċ-ċertifikati mudell jinkludu l-kundizzjoni li l-pajjiż tal-oriġini tal-laħam jew il-prodotti tal-ħalib ikunu l-istess bħall-pajjiż tal-esportazzjoni tal-prodotti komposti. |
|
(7) |
Dawk iż-żewġ kundizzjonijiet jiżguraw li l-laħam u l-prodotti tal-ħalib li joriġinaw minn pajjiżi terzi u li jintużaw biex jimmanifatturaw prodotti komposti jikkonformaw mar-regoli tal-Unjoni għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali. Madankollu, il-kundizzjoni li l-pajjiż tal-oriġini u l-pajjiż tal-esportazzjoni jkunu l-istess ma tippermettix l-importazzjoni lejn l-Unjoni u t-tranżitu minnha ta’ prodotti komposti esportati minn pajjiż terz iżda li jkun fihom laħam u prodotti tal-ħalib li joriġinaw fl-Unjoni. |
|
(8) |
Il-prodotti tal-laħam u tal-ħalib li joriġinaw fl-Unjoni jikkonformaw mal-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali stipulati fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Għalhekk jixraq li jkunu emendati l-kundizzjonijiet inklużi fiċ-ċertifikati mudell stabbiliti fl-Annessi I u II tar-Regolament (UE) Nru 28/2012 biex jippermettu l-użu tal-prodotti tal-laħam u tal-ħalib li joriġinaw mill-Unjoni fil-manifattura ta’ prodotti komposti f’pajjiżi terzi awtorizzati biex jesportaw prodotti komposti lejn l-Unjoni. |
|
(9) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE tad-29 ta’ Novembru 2007 li tistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika kif ukoll il-mudelli taċ-ċertifikati għall-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-laħam u ta’ stonkijiet, bżieżaq tal-awrina u msaren ittrattati għall-konsum mill-bniedem minn pajjiżi terzi (4) tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti prodotti tal-laħam li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet li jikkonċernaw l-oriġini u t-trattament stipulati fl-Anness II tagħha. Dak l-Anness jistabbilixxi regoli dwar trattament mhux speċifiku (trattament A) li għalihom għandhom ikunu suġġetti prodotti impurtati meta dawn joriġinaw f’pajjiżi terzi fejn l-istatus tas-saħħa tal-annimali ma jippreżentax riskju għall-istatus tas-saħħa tal-annimali fl-Unjoni. Billi dawk il-prodotti jistgħu jiġu importati direttament fl-Unjoni, jixraq li jkunu emendati l-kundizzjonijiet inklużi fiċ-ċertifikati mudell stabbiliti fl-Annessi I u II tar-Regolament (UE) Nru 28/2012 biex jippermettu l-użu ta’ tali prodotti tal-laħam fil-manifattura ta’ prodotti komposti f’pajjiżi terzi awtorizzati biex jesportaw prodotti komposti lejn l-Unjoni, dment li l-pajjiż terz li jesporta l-prodotti komposti jiżgura li dawk il-prodotti tal-laħam iħarsu r-rekwiżiti tas-saħħa u l-oriġini previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u li hu nnifsu jkun awtorizzat li jesporta l-istess prodotti tal-laħam lejn l-Unjoni taħt l-istess kundizzjonijiet. |
|
(10) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 605/2010 tat-2 ta’ Lulju 2010 li jistipula l-kundizzjonijiet ta’ saħħa tal-annimali u ta’ saħħa pubblika kif ukoll iċ-ċertifikazzjoni veterinarji għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ ħalib mhux ipproċessat u prodotti tal-ħalib maħsuba għall-konsum uman (5) jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ kunsinni ta’ ħalib mhux maħdum u prodotti tal-ħalib mill-pajjiżi terzi jew il-partijiet minnhom imniżżla fil-kolonna A tal-Anness I tiegħu. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 605/2010 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ kunsinni ta’ ċerti prodotti tal-ħalib mill-pajjiżi terzi jew il-partijiet minnhom li mhumiex fir-riskju tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer elenkati fil-kolonna B tal-Anness I tiegħu, dment li t-tali prodotti tal-ħalib ikun ġew pasturizzati jew ikunu ġew prodotti minn ħalib mhux maħdum li jkun għadda minn trattament ta’ pasturizzazzjoni li jinvolvi trattament wieħed bis-sħana kif jistabbilixxi dak ir-Regolament. Billi dawk il-prodotti jistgħu jiġu importati direttament fl-Unjoni, jixraq li jkunu emendati l-kundizzjonijiet inklużi fiċ-ċertifikati mudell stabbiliti fl-Annessi I u II tar-Regolament (UE) Nru 28/2012 biex jippermettu l-użu ta’ tali prodotti tal-ħalib fil-manifattura ta’ prodotti komposti f’pajjiżi terzi awtorizzati biex jesportaw prodotti komposti lejn l-Unjoni, dment li l-pajjiż terz li jesporta l-prodotti komposti jiżgura li dawk il-prodotti tal-ħalib iħarsu r-rekwiżiti tas-saħħa u l-oriġini previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u li hu nnifsu jkun awtorizzat li jesporta l-istess prodotti tal-ħalib lejn l-Unjoni taħt l-istess kundizzjonijiet. |
|
(11) |
Ir-Regolament (UE) Nru 28/2012 għandu jiġi emendat skont dan. |
|
(12) |
Biex jiġi evitat kull tfixkil fil-kummerċ, l-użu ta’ ċertifikati maħruġa skont ir-Regolament (UE) Nru 28/2012 qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għandu jiġi awtorizzat għal perjodu tranżitorju. |
|
(13) |
Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Annessi I u II tar-Regolament (UE) Nru 28/2012 joħdilhom posthom it-test li jidher fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Għal perjodu tranżitorju sal-31 ta’ Diċembru 2012, kunsinni ta’ prodotti komposti akkumpanjati minn ċertifikati maħruġa qabel l-1 ta’ Ottubru 2012 skont il-mudelli stabbiliti fl-Annessi I u II tar-Regolament (UE) Nru 28/2012 qabel l-emendi introdotti permezz ta’ dan ir-Regolament jistgħu jibqgħu jiddaħħlu fl-Unjoni.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Ġunju 2012.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.
(3) ĠU L 226, 23.8.2008, p. 1.
ANNESS
“ANNESS I
Mudell taċ-Ċertifikat tas-Saħħa għall-importazzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ prodotti komposti maħsubin għall-konsum mill-bniedem
“ANNESS II
Mudell taċ-Ċertifikat tas-Saħħa għat-tranżitu minn ġol-Unjoni Ewropea ta’ prodotti komposti maħsubin għall-konsum mill-bniedem