8.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 149/1


REGOLAMENT (UE) Nru 464/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Mejju 2012

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 617/2009 li jiftaħ kwota tariffarja awtonoma għall-importazzjonijiet tal-laħam taċ-ċanga ta’ kwalità għolja

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Il-Memorandum ta’ Qbil bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Kummissjoni Ewropea dwar l-Importazzjoni taċ-Ċanga derivata minn Annimali li Ma Jkunux ġew Ittrattati b’Ċerti Ormoni li Jinkoraġġixxu t-Tkabbir u d-Dazji Miżjudin Applikati mill-Istati Uniti għal Ċerti Prodotti tal-Komunitajiet Ewropej ġie approvat mill-Kunsill permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Mejju 2009 u ffirmat f'Ġinevra fit-13 ta’ Mejju 2009 (MtQ mal-Istati Uniti). L-għan tal-MtQ mal-Istati Uniti huwa li tiġi riżolta d-disputa twila fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-Ormoni taċ-Ċanga, Komunitajiet EwropejMiżuri li Jikkonċernaw il-Laħam u Prodotti tal-Laħam (Ormoni) (DS 26).

(2)

Il-Gvern tal-Kanada u l-Kummissjoni Ewropea waslu għal qbil, kif iddokumentat f'Memorandum ta’ Qbil bejn il-Gvern tal-Kanada u l-Kummissjoni Ewropea dwar l-Importazzjoni taċ-Ċanga derivata minn Annimali li Ma Jkunux ġew Ittrattati b’Ċerti Ormoni li Jinkoraġġixxu t-Tkabbir u d-Dazji Miżjudin Applikati mill-Kanada għal Ċerti Prodotti tal-Unjoni Ewropea, iffirmat f'Ġinevra fis-17 ta’ Marzu 2011 (MtQ mal-Kanada). L-MtQ mal-Kanada jistabbilixxi pjan direzzjonali ta’ passi previsti dwar l-importazzjoni ta’ ċanga ta’ kwalità għolja fl-Unjoni Ewropea u l-livell ta’ dazji miżjudin imposti mill-Kanada fuq ċerti prodotti tal-Unjoni b'rabta mad-disputa fid-WTO Komunitajiet EwropejMiżuri li Jikkonċernaw il-Laħam u Prodotti tal-Laħam (Ormoni) (DS 48).

(3)

L-MtQ mal-Istati Uniti u l-MtQ mal-Kanada jipprovdu għal arranġamenti fi tliet fażijiet li gradwalment jabolixxu s-sanzjonijiet imposti mill-Istati Uniti u mill-Kanada fuq ċerti prodotti mill-Unjoni konformement mal-awtorizzazzjoni tad-WTO tal-1999. F’dan ir-rigward, l-Unjoni għandha progressivament iżżid il-kwota tar-rata tariffarja awtonoma għal ċanga li ma tkunx ġiet ittrattata b'ormoni li jinkoraġġixxu t-tkabbir u li tikkonforma kompletament ma’ rekwiżiti oħra tal-importazzjoni tal-Unjoni.

(4)

Wara l-iffirmar tal-MtQ mal-Istati Uniti, infetħet kwota tariffarja annwali għall-importazzjoni fil-Komunità ta’ 20 000 tunnellata (Fażi 1), espressa f'piż ta’ prodott, għal-laħam taċ-ċanga ta’ kwalità għolja, frisk, imkessaħ jew iffriżat kopert bil-kodiċi NM 0201, 0202, 0206 10 95 u 0206 29 91 permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 617/2009 (2).

(5)

L-iskeda ta’ żmien stipulata mill-MtQ mal-Istati Uniti tippjana li żżid il-kwantità annwali ta’ dik il-kwota tariffarja b'25 000 tunnellata, ladarba ż-żewġ Partijiet jidħlu fil-Fażi 2 tal-MtQ mal-Istati Uniti, li tinvolvi t-tneħħija mill-Istati Uniti tas-sanzjonijiet li jifdal imposti minnha.

(6)

L-MtQ mal-Kanada jipprevedi żieda fil-kwantità annwali inizjali ta’ 20 000 tunnellata ta’ ċanga ta’ kwalità għolja b'1 500 tunnellata. Jipprevedi wkoll li l-Kanada tneħħi s-sanzjonijiet kollha li jifdal malajr kemm jista’ jkun wara l-iffirmar tal-MtQ mal-Kanada.

(7)

L-iskeda ta’ żmien stipulata mill-MtQ mal-Kanada tipprevedi żieda oħra fil-kwantità annwali tal-kwota tariffarja ta’ importazzjoni b’1 700 tunnellata, ladarba ż-żewġ Partijiet jidħlu fil-Fażi 2 tal-MtQ mal-Kanada.

(8)

Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 617/2009, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Partikolarment, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tissospendi l-kwota tariffarja ta’ importazzjoni, kompletament jew parzjalment, jekk il-passi ppjanati fil-MtQ mal-Istati Uniti jew fil-MtQ mal-Kanada ma jittiħdux jew ma jinżammux mill-Istati Uniti jew mill-Kanada rispettivament. Dawk is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (3).

(9)

Ir-Regolament (KE) Nru 617/2009 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 617/2009 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   B’dan qed tinfetaħ kwota tariffarja annwali għall-importazzjoni fl-Unjoni ta’ 21 500 tunnellata, espressi f'piż tal-prodott, bin-numru tal-ordni 09.4449, għal laħam taċ-ċanga frisk, imkessaħ jew iffriżat ta’ kwalità għolja kopert bil-kodiċi tan-NM 0201, 0202, 0206 10 95 u 0206 29 91.”

(b)

Jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Mill-1 ta’ Awwissu 2012, il-kwota tariffarja annwali għall-importazzjoni fl-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiżdied b’48 200 tunnellata, espressi f'piż tal-prodott.”;

(2)

L-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

1.   Il-kwota tariffarja ta’ importazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi ġestita mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikoli 2a(2).

2.   Il-Kummissjoni tista’ tissospendi l-applikazzjoni tal-kwota tariffarja ta’ importazzjoni msemmija fl-Artikolu 1, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, kompletament jew parzjalment, fil-każ li l-Istati Uniti jew il-Kanada ma jiħdux il-passi ppjanati fil-Memorandum ta’ Qbil bejn l-Istati Uniti u l-Kummissjoni Ewropea (*) jew fil-Memorandum ta’ Qbil bejn il-Gvern tal-Kanada u l-Kummissjoni Ewropea (**), rispettivament. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 2a(2).

(*)  Memorandum ta’ Qbil bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Kummissjoni Ewropea dwar l-Importazzjoni taċ-Ċanga derivata minn Annimali li Ma Jkunux ġew Ittrattati b’Ċerti Ormoni li Jinkoraġġixxu t-Tkabbir u d-Dazji Miżjudin Applikati mill-Istati Uniti għal Ċerti Prodotti tal-Komunitajiet Ewropej, approvat mill-Kunsill permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Mejju 2009 u ffirmat f'Ġinevra fit-13 ta’ Mejju 2009."

(**)  Memorandum ta’ Qbil bejn il-Gvern tal-Kanada u l-Kummissjoni Ewropea dwar l-Importazzjoni taċ-Ċanga derivata minn Annimali li Ma Jkunux ġew Ittrattati b’Ċerti Ormoni li Jinkoraġġixxu t-Tkabbir u d-Dazji Miżjudin Applikati mill-Kanada għal Ċerti Prodotti tal-Unjoni Ewropea, iffirmat f'Ġinevra fis-17 ta’ Marzu 2011.”;"

(3)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 2a

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli stabbilit bl-Artikolu 195(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 (***).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(***)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-22 ta’ Mejju 2012.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

N. WAMMEN


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Marzu 2012 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ April 2012.

(2)  ĠU L 182, 15.7.2009, p. 1.

(3)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.