23.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 132/8


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 427/2012

tat-22 ta’ Mejju 2012

dwar l-estensjoni ta’ garanziji speċjali dwar is-Salmonella stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għall-bajd maħsub għad-Danimarka

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(3)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar l-iġjene tal-ikel li joriġina mill-annimali għall-operaturi tan-negozju tal-ikel. L-Artikolu 8 ta’ dak ir-Regolament jipprovdi garanziji speċjali għall-ikel li joriġina mill-annimali maħsub għas-swieq Finlandiżi u Svediżi. Għaldaqstant, l-operaturi tan-negozju tal-ikel li beħsiebhom iqiegħdu bajd fis-suq f’dawk l-Istati Membri għandhom jikkonformaw ma’ ċerti regoli fir-rigward tas-Salmonella. Dan jistipula wkoll li l-konsenji ta’ dan il-bajd ikunu akkumpanjati minn ċertifikat li jiddikjara li twettaq test mikrobijoloġiku b’riżultati negattivi skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1688/2005 tal-14 ta’ Ottubru 2005 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ garanziji speċjali li jikkonċernaw is-Salmonella għall-konsenji lejn il-Finlandja u l-Isvezja ta’ ċertu laħam u bajd (2), jipprovdi tali garanziji speċjali.

(3)

Barra minn hekk, ir-Regolament (KE) Nru 1688/2005 jistabbilixxi regoli dwar it-teħid ta’ kampjuni tal-qatgħat ta’ oriġini tal-bajd u l-metodi mikrobijoloġiċi għall-eżami ta’ dawk il-kampjuni. Dan jistabbilixxi wkoll mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa biex jakkumpanja l-konsenji tal-bajd.

(4)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 853/2004, il-garanziji speċjali fir-rigward ta’ ċerti oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali jistgħu jiġu estiżi, kompletament jew parzjalment, għal kwalunkwe Stat Membru, jew kwalunkwe reġjun ta’ Stat Membru, li jkollu programm ta’ kontroll rikonoxxut bħala ekwivalenti għal dak approvat għall-Finlandja u għall-Isvezja fir-rigward tal-ikel ta’ oriġini mill-annimali kkonċernat.

(5)

Fil-5 ta’ Ottubru 2007, l-Amministrazzjoni Veterinarja u Alimentari Daniża ressqet applikazzjoni lill-Kummissjoni għal garanziji speċjali li jridu jiġu awtorizzati għad-Danimarka fir-rigward tas-Salmonella fil-bajd għad-Danimarka kollha skont ir-Regolament (KE) Nru 853/2004. L-applikazzjoni tinkludi deskrizzjoni tal-Programm ta’ Kontroll tas-Salmonella Daniż għall-bajd.

(6)

Matul il-laqgħa tiegħu tat-18 ta’ Ġunju 2008, il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali qabel dwar dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni intitolat “Dokument ta’ gwida dwar ir-rekwiżiti minimi għall-programmi ta’ kontroll tas-Salmonella li jridu jiġu rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawk approvati għall-Isvezja u għall-Finlandja fir-rigward tal-laħam u l-bajd tal-Gallus gallus” (id-“Dokument ta’ gwida”).

(7)

Il-Programm ta’ Kontroll tas-Salmonella Daniż għall-bajd jitqies bħala ekwivalenti għal dak approvat għall-Finlandja u għall-Isvezja u hu konformi mad-Dokument ta’ gwida. Barra minn hekk, fl-20 ta’ Mejju 2011, l-awtoritajiet Daniżi pprovdew informazzjoni li turi li l-prevalenza tas-Salomenlla fil-qatgħat tat-tiġieġ adulti maħsuba għall-bajd u għat-trobbija fid-Danimarka fl-2008, 2009 u 2010, kienet ukoll konformi mad-Dokument ta’ gwida.

(8)

Għaldaqstant, il-garanziji speċjali għandhom jiġu estiżi għall-konsenji ta’ bajd maħsub għad-Danimarka. Barra minn hekk, ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1688/2005 dwar it-teħid ta’ kampjuni tal-qatgħat ta’ oriġini tal-bajd, il-metodi mikrobijoloġiċi għall-eżami ta’ dawk il-kampjuni u l-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa, għandhom japplikaw għal dawn il-konsenji.

(9)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-Danimarka hi awtorizzata li tapplika l-garanziji speċjali dwar is-Salmonella stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 għall-konsenji ta’ bajd, kif definit fil-punt 5.1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, maħsub għad-Danimarka.

Artikolu 2

1.   It-teħid ta’ kampjuni tal-qatgħat ta’ oriġini tal-bajd imsemmija fl-Artikolu 1 għandu jitwettaq skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1688/2005.

2.   Il-kampjuni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu soġġetti għall-ittestjar mikrobijoloġiku għas-Salmonella skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1688/2005.

Artikolu 3

Il-konsenji tal-bajd imsemmija fl-Artikolu 1 għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikat li jikkonforma mal-mudell previst fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 1688/2005.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Mejju 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.

(2)  ĠU L 271, 15.10.2005, p. 17.