23.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 133/1


REGOLAMENT (UE) Nru 423/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Mejju 2012

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 dwar ċerti dispożizzjonijiet marbuta mal-kondiviżjoni tar-riskju għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew huma mhedda b’diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabilità finanzjarja tagħhom

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 177 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li ntbagħat l-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Waqt li jaġixxu b’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-kriżi globali finanzjarja u r-reċessjoni ekonomika mingħajr preċedent għamlu ħsara serja lit-tkabbir ekonomiku u lill-istabilità finanzjarja, u ħolqu deterjorament qawwi fil-kundizzjonijiet finanzjarji, ekonomiċi u soċjali ta’ diversi Stati Membri.

(2)

Filwaqt li diġà ttieħdu azzjonijiet biex jilqgħu kontra l-effetti negattivi tal-kriżi, inklużi emendi fil-qafas leġiżlattiv, l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq l-ekonomija reali, fuq is-suq tax-xogħol u ċ-ċittadini qed jinħass ma’ kullimkien.

(3)

Skont l-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jipprevedi l-possibilità li tingħata għajnuna finanzjarja mill-Unjoni lil Stat Membru li jsib ruħu f’diffikultajiet jew ikun mhedded serjament minn diffikultajiet gravi kkawżati, inter alia, minn ċirkostanzi eċċezzjonali li ma jkollux kontroll fuqhom, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 407/2010 (3) stabbilixxa mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja bl-għan li jippreserva l-istabilità finanzjarja tal-Unjoni.

(4)

Bid-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/77/UE (4) u 2011/344/UE (5) l-Irlanda u l-Portugall, rispettivament, ingħataw l-għajnuna finanzjarja skont ir-Regolament (UE) Nru 407/2010.

(5)

Il-Greċja diġà kienet għaddejja minn diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabilità finanzjarja tagħha qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament (UE) Nru 407/2010. L-għajnuna finanjarja lill-Greċja ma setgħetx, għaldaqstant, tiġi bbażata fuq dak ir-Regolament.

(6)

Il-Ftehim bejn il-Kredituri u l-Ftehim għal Faċilità ta’ Self għall-Greċja, iffirmati fit-8 ta’ Mejju 2010, daħlu fis-seħħ fil-11 ta’ Mejju 2010. Il-Ftehim bejn il-Kredituri għandu jibqa’ fis-seħħ u effettiv kompletament għal tul ta’ programm ta’ tliet snin, sakemm ikun hemm xi ammonti pendenti taħt il-Ftehim għal Faċilità ta’ Self.

(7)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta’ Frar 2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta’ pagament tal-Istati Membri (6) jistipula li l-Kunsill għandu jagħti għajnuna finanzjarja fit-terminu medju meta Stat Membru li ma jħaddanx l-euro jinsab f’diffikultajiet jew huwa serjament mhedded b’diffikultajiet fejn jidħol il-bilanċ tal-pagamenti tiegħu.

(8)

Bid-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2009/102/UE (7) u 2009/459/UE (8) l-Ungerija u r-Rumanija, rispettivament, ingħataw għajnuna finanzjarja skont ir-Regolament (KE) Nru 332/2002.

(9)

Fil-11 ta’ Lulju 2011, il-ministri tal-finanzi tas-17-il Stat Membru taż-żona tal-euro ffirmaw it-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabilità (MES). Wara deċiżjonjiet meħuda mill-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern taż-żona tal-euro fil-21 ta’ Lulju u fid-9 ta’ Diċembru 2011, it-Trattat sarulu emendi biex itejbu l-effikaċja tal-mekkaniżmu u ġie ffirmat fit-2 ta’ Frar 2012. Skont it-Trattat, sal-2013, il-MES jieħu f’idejh il-kompiti li bħalissa qed jitwettqu mill-Faċilità Ewropea ta’ Stabilità Finanzjarja u mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja. Il-MES għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat f’dan ir-Regolament.

(10)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-23 u l-24 ta’ Ġunju 2011, il-Kunsill Ewropew laqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex isseddaq is-sinerġiji bejn il-programmi ta’ self għall-Greċja u l-Fondi tal-Unjoni, u appoġġja sforzi ħalli tiżdied ħilet il-Greċja li tassorbi l-fondi mill-Unjoni sabiex tkun tista’ tixpruna t-tkabbir u l-impjiegi billi terġa’ tiffoka fuq kif ittejjeb il-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi. Barra minn hekk, laqa’ u appoġġja l-preparazzjoni mill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, ta’ programm komprensiv ta’ għajnuna teknika lill-Greċja.

(11)

Fid-dikjarazzjoni mill-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern taż-Żona tal-Ewro u l-Istituzzjonijiet tal-UE tal-21 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) kienu mistiedna biex issaħħu s-sinerġiji bejn il-programmi ta’ self u fondi tal-Unjoni fil-pajjiżi kollha li qed jieħdu assistenza mill-Fond Monetarju Internazzjonali jew tal-Unjoni. Dan ir-Regolament għandu jikkontribwixxi għal dak il-għan.

(12)

Fid-Dikjarazzjoni tal-Membri tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta’ Jannar 2012, il-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern qablu li jsaħħu l-appoġġ tal-BEI għall-infrastruttura bħala miżura ta’ urġenza u stiednu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-BEI biex jikkunsidraw l-għażliet possibbli ħalli jtejbu l-azzjoni tal-BEI ta’ appoġġ għat-tkabbir u biex jagħmlu rakkomandazzjonijiet xierqa, inklużi possibiltajiet li l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jilleva l-kapaċità ta’ finanzjament tal-grupp tal-BEI. Dan ir-Regolament għandu l-għan li jindirizza dik l-istedina fil-kuntest kurrenti tal-ġestjoni tal-kriżijiet.

(13)

L-implimentazzjoni tal-programmi u l-proġetti operazzjonali fil-qasam tal-infrastruttura u l-investiment produttiv fil-Greċja taffaċċja problemi serji minħabba li l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tas-settur privat u partikolarment tas-settur finanzjarju nbidlu b’mod drammatiku bħala riżultat tal-kriżi ekonomika u finanzjarja.

(14)

Sabiex itaffu dawk il-problemi u biex titħaffef l-implimentazzjoni ta’ programmi u proġetti operazzjonali, kif ukoll biex jissaħħaħ l-irkupru ekonomiku, jeħtieġ li l-Istati Membri, li esperjenzaw jew ġew mhedda b’diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabilità finanzjarja tagħhom u li ngħataw assistenza finanzjarja taħt wieħed mill-mekkaniżmi ta’ assistenza finanzjarja stipulati fl-Artikolu 77(2) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni, (9) kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 1311/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), jistgħu jikkontribwixxu riżorsi finanzjarji mill-programmi operazzjonali għat-twaqqif ta’ strumenti għall-kondiviżjoni tar-riskju li jipprovdi self jew garanziji finanzjarji jew faċilitajiet finanzjarji oħra, b’appoġġ għall-proġetti u l-operazzjonijiet previsti taħt programm operazzjonali.

(15)

Fid-dawl tal-għarfien espert ta’ ħafna żmien li għandu l-BEI bħala l-finanzjatur ewlieni tal-proġetti ta’ infrastruttura u l-impenn tiegħu biex jappoġġja l-irkupru ekonomiku, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tistabbilixxi strumenti għall-kondiviżjoni tar-riskju permezz ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni konkluż mal-BEI għal dan il-għan. Għal finijiet ta’ ċertezza legali, jeħtieġ li jiġu stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 t-termini u l-kundizzjonijiet ewlenin tipiċi ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni tali. F’dak li jirrigwarda n-natura speċifika tal-istrumenti ta’ kondiviżjoni tar-riskju bħala għodod tal-ġestjoni tal-kriżijiet, kif stipulat f’dan ir-Regolament, it-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ kull kooperazzjoni għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim individwali ta’ kooperazzjoni, li għandu jkun konkluż bejn il-Kummissjoni u l-BEI skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Gunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (11).

(16)

Fid-dawl tal-ħtieġa li jkun hemm espansjoni fl-opportunitajiet ta’ investiment li jistgħu jitfaċċaw fl-Istati Membri kkonċernati, il-Kummissjoni għandha wkoll tkun tista’ tistabbilixxi strumenti għall-kondiviżjoni tar-riskju ma’ korpi tas-settur pubbliku nazzjonali jew internazzjonali jew korpi rregolati mil-liġi privata b’missjoni ta’ servizz pubbliku li jipprovdu garanziji adegwati, kif imsemmi fl-Artikolu 54(2)(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, taħt termini u kundizzjonijiet simili għal dawk applikati għal u mill-BEI.

(17)

Biex jirrispondu malajr fil-kuntest tal-kriżi ekonomika, finanzjarja u soċjali attwali, strumenti tal-kondiviżjoni tar-riskju skont dan ir-Regolament għandhom ikunu implimentati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 54(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

(18)

Għal finijiet ta’ ċarezza u ċertezza legali, għandha tiddaħħal definizzjoni ta’ strument tal-kondiviżjoni tar-riskju fl-Artikolu 36a tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, kif emendata minn dan ir-Regolament. Strumenti tal-kondiviżjoni tar-riskju għandhom jintużaw għal self u garanziji kif ukoll għal faċilitajiet finanzjarji oħra għall-finanzjament tal-operazzjonijiet, kofinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) jew mill-Fond ta’ Koeżjoni (FK), fir-rigward ta’ kostijiet tal-investiment li ma jistgħux jiġu ffinanzjati, bħala nfiq eliġibbli skont l-Artikolu 55 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, jew skont ir-regoli tal-Unjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat. Għal dan il-għan, jeħtieġ ukoll li tiġi stabbilita deroga mill-Artikolu 54(5) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

(19)

Stat Membru li jagħmel talba lill-Kummissjoni biex jibbenefika minn strument tal-kondiviżjoni tar-riskju għandu jispeċifika b’mod ċar, fit-talba bil-miktub tiegħu, ir-raġuni għalfejn iqis li jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet ta’ eliġibilità tal-Artikolu 77(2) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 u għandu jehmeż mat-talba tiegħu l-informazzjoni kollha li jirrikjedi dan ir-Regolament bħala evidenza li jissodisfa l-kundizzjoni ta’ eliġibilità speċifikata. Fit-talba tiegħu, l-Istat Membru applikanti għandu wkoll jidentifika l-programmi (inkluża l-lista ta’ proposti ta’ proġetti u l-ħtiġijiet ta’ finanzjament relatati) kofinanzjati mill-FEŻR jew mill-FK u l-parti tal-allokazzjonijiet tal-2012 u tal-2013 għal dawn il-programmi li jixtieq jassenja lill-istrument ta’ kondiviżjoni tar-riskju. It-talba tal-Istat Membru, għalhekk, għandha tintbagħat lill-Kummissjoni, sal-31 ta’ Awwissu 2013, bil-għan li l-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2013 tadotta deċiżjoni dwar il-parteċipazzjoni tal-Istat Membru applikanti fi strument tal-kondiviżjoni tar-riskju. Qabel id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar it-talba tal-Istat Membru, il-programmi operazzjonali relatati taħt l-FEŻR u l-FK għandhom jiġu riveduti, skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

(20)

L-operazzjonijiet magħżula, eliġibbli taħt strument tal-kondiviżjoni tar-riskju, għandhom ikunu jew proġetti kbar li diġà kienu s-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 41 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 jew inkella proġetti oħra, kofinanzjati mill-FEŻR jew mill-FK u koperti b’wieħed jew aktar mill-programmi operattivi tagħhom, f’każijiet fejn dawn il-proġett jħabbtu wiċċhom ma’ nuqqas ta’ finanzjament fir-rigward tal-kostijiet tal-investimenti li għandhom jitħallsu minn investituri privati. Fl-aħħar nett, l-operazzjonijiet magħżula jistgħu wkoll ikunu operazzjonijiet li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-qafas ta’ referenza strateġiku nazzjonali tal-Istat Membru applikanti u għal dawk tal-linji gwida strateġiċi tal-Komunità dwar il-koeżjoni u li, minħabba n-natura tagħhom, jistgħu jikkontribwixxu biex jappoġġjaw it-tkabbir u jsaħħu l-irkupru ekononiku, dment li jkunu disponibbli fondi taħt l-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskju.

(21)

Barra minn hekk, l-Istat Membru applikanti xorta għandu jispeċiifika fit-talba tiegħu l-ammont disponibbli għall-benefiċċju esklussiv tiegħu, fi ħdan l-allokazzjoni finanzjarja tal-politika ta’ koeżjoni skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, u li jista’ jiġi assenjat għall-objettivi tal-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskju esklussivament mill-impenji tal-baġit tal-Unjoni li għandhom isiru fis-snin 2012 u 2013, skont l-Artikolu 75(1) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, u li m’għandux ikun aktar minn 10 % tal-allokazzjoni totali indikattiva għall-Istat Membru applikanti għas-snin 2007-2013 fir-rigward tal-FEŻR u tal-FK, u approvat skont l-Artikolu 28(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006. Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jkun żgurat li l-finanzjament tal-Unjoni tal-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskju, inklużi l-ħlasijiet ta’ maniġment u kostijiet eliġibbli oħra, ikun limitat biċ-ċar għall-ammont massimu speċifikat hawn fuq tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskju u m’għandu jkun hemm l-ebda obbligazzjoni kontinġenti addizzjonali għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Kwalunkwe riskju resdiwu inerenti fl-operazzjonijiet iffinanzjatji skont l-istrument stabbilit tal-kondiviżjoni tar-riskju għandu, għaldaqstant, jiġġarrab jew mill-BEI jew inkella mill-korpi tas-settur pubbliku nazzjonali jew internazzjonali jew korpi rregolati bid-dritt privat b’missjoni ta’ servizz pubbliku, li miegħu jkun ġie stabbilit l-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskju permezz ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni. L-użu mill-ġdid ta’ ammonti ta’ refużjoni jew kwalunkwe ammont li jkun għad baqa’, allokati lill-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskju, għandu jkun magħmul possibbli, skont dan ir-Regolament, għall-istess Stat Membru, fuq talba tiegħu u fi ħdan l-istess strument tal-kondiviżjoni tar-riskju, dment li jkun għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ eliġibilità.

(22)

Il-Kummissjoni għandha tivverifika li l-informazzjoni mogħtija mill-Istat Membru applikanti tkun korretta u li t-talba tal-Istat Membru tkun ġustifikata, u għandha jkollha s-setgħa li tadotta, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, fi żmien erba’ xhur mit-talba tal-Istat Membru, deċiżjoni dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tal-Istat Membru applikanti fl-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskju.. Madankollu, biss proġetti li għalihom tkun ittieħdet deċiżjoni favorevoli ta’ finanzjament min-naħa tal-BEI jew minn korpi tas-settur pubbliku nazzjonali jew internazzjonali jew korpi rregolati bid-dritt privat b’missjoni ta’ servizz pubbliku, skont il-każ, għandhom jintlaqgħu bħala eliġibbli għall-finanzjament minn strument tal-kondiviżjoni tar-riskju stabbilit. Għal finijiet ta’ trasparenza u ċertezza legali, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tkun ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(23)

Minħabba l-iskop ta’ ġestjoni tal-kriżijiet u n-natura tal-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskju introdott b’dan ir-Regolament, kif ukoll minħabba l-kriżi bla preċedent li qed taffettwa lis-swieq internazzjonali u t-tnaqqis tar-rata ekonomika li għamlu ħsara kbira lill-istabilità finanzjarja ta’ bosta Stati Membri u li jirrikjedu rispons rapidu li jiġġieled kontra l-effetti negattivi fuq l-ekonomija reali, is-suq tax-xogħol u ċ-ċittadini, huwa f’loku li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(24)

Ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 għandu għaldaqstant ikun emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Regulation (EC) Ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 14, il-paragrafu 1 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“1.   Il-baġit tal-Unjoni Ewropea allokat lill-Fondi għandu jiġi implementat fil-qafas ta’ ġestjoni kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, skont il-punt (b) tal-Artikolu 53 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (*), bl-eċċezzjoni tal-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskju msemmi fl-Artikolu 36(a) ta’ dan ir-Regolament u l-assistenza teknika msemmija fl-Artikolu 45 ta’ dan ir-Regolament.

Il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba għandu jiġi applikat skont l-Artikolu 48(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

(*)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.”;"

(2)

għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 36a

Strument tal-kondiviżjoni tar-riskju

1.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, strument tal-kondiviżjoni tar-riskju tfisser strument finanzjarju li jiggarantixxi l-kopertura totali jew parzjali ta’ riskju definit, fejn xieraq għal remunerazzjoni maqbula.

2.   Stat Membru li jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet stipulati fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 77(2) jista’ jikkontribwixxi parti mir-riżorsi finanzjarji mqassma skont l-Artikoli 19 u 20 għal strument tal-kondiviżjoni tar-riskju li għandu jiġi stabbilit permezz ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni li għandu jiġi konkluż mill-Kummissjoni jew mal-BEI jew inkella ma’ korpi tas-settur pubbliku nazzjonali jew internazzjonali jew korpi rregolati bid-dritt privat b’missjoni ta’ servizz pubbliku li jipprovdu garanziji adegwati kif imsemmi fl-Artikolu 54(2)(c) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, b’termini u kundizzjonijiet simili għal dawk applikati għal u mill-BEI (“korp implimentattiv kuntrattat”), biex ikopri l-provvista u l-allokazzjoni ta’ kapital ta’ garanziji u self, kif ukoll faċilitajiet finanzjarji oħra, mogħtija taħt l-istrument għall-kondiviżjoni tar-riskju.

3.   Il-ftehim ta’ kooperazzjoni msemmi fil-paragrafu 2 għandu jinkludi regoli dwar, b’mod partikolari: l-ammont totali tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni u skeda ta’ kif se jkun magħmul disponibbli; il-kundizzjonijiet tal-kont fiduċjarju li għandu jitwaqqaf mill-korp implimentattiv kuntrattat); il-kriterji ta’ eliġibilità għall-użu tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni; id-dettalji dwar il-kondiviżjoni eżatta tar-riskju (inkluża l-proporzjon ta’ ingranaġġ) li għandu jkun koprut u l-garanziji li għandhom jiġu pprovduti mill-korp implimentattiv kuntrattat; l-ipprezzar tal-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskju abbażi tal-marġni ta’ riskju u l-kopertura tal-kostijiet amministrattivi kollha tal-istrument; il-proċedura ta’ applikazzjoni u approvazzjoni tal-proposti tal-proġetti koperti permezz tal-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskju; il-perjodu tad-disponibilità tal-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskju; u r-rekwiżiti tar-rappurtar.

Il-kondiviżjoni eżatta tar-riskju (inkluża l-proporzjon ta’ ingranaġġ) li għandu jassumi l-korp implimentattiv kuntrattat skont il-ftehim ta’ kooperazzjoni għandha timmira, bħala medja, li tkun tal-anqas 1.5 darba l-ammont tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskju.

Pagamenti lill-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskju għandhom isiru f’porzjonijiet, skont l-użu skedat tal-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskju li jipprovdi self u garanziji għall-finanzjament ta’ operazzjonijiet speċifiċi.

4.   B’deroga mll-Artikolu 54(5), l-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskju għandu jintuża għall-finanzjament ta’ operazzjonijiet kofinazjati mill-FEŻR jew mill-Fond ta’ Koeżjoni, fir-rigward ta’ kostijiet tal-investiment li ma jistgħux jiġu ffinanzjati, bħala nfiq eliġibbli skont l-Artikolu 55, jew skont ir-regoli tal-Unjoni dwar l-Għajnuniet mill-Istat.

Jista’ jintuża wkoll biex jiffinanzja operazzjonijiet li jikkontribwixxu għall-ilħiq tal-objettivi tal-qafas ta’ referenza strateġiku nazzjonali tal-Istat Membru applikanti u l-linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/702/KE (**), u li jħallu l-akbar valur miżjud għall-istrateġija tal-Unjoni għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv.

5.   L-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskju għandu jiġi implimentat mill-Kummissjoni fil-qafas ta’ ġestjoni ċentralizzata indiretta skont l-Artikoli 54 u 56 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

6.   Stat Membru li jixtieq jibbenefika minn strument tal-kondiviżjoni tar-riskju għandu jissottometti talba bil-miktub lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2013. Fit-talba tiegħu, l-Istat Membru għandu jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jistabbilixxi:

(a)

li jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet li hemm referenza għalihom fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 77(2), billi jipprovdi referenza għal deċiżjoni tal-Kunsill jew għal att legali ieħor bħala prova tal-eliġibilità tiegħu;

(b)

il-lista ta’ programmi (inklużi proposti għal proġetti u l-ħtiġijiet ta’ finanzjament relatati) kofinanzjati mill-FEŻR jew mill-Fond ta’ Koeżjoni, u l-parti tal-allokazzjonijiet tal-2012 u tal-2013 ta’ dawn il-programmi li jkun jixtieq ineħħi minn dawk il-programmi biex jerġa’ jalloka dawk l-ammonti għall-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskju;

(c)

il-lista ta’ proġetti proposti skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4 u l-parti tal-allokazzjonijiet tal-2012 u l-2013 li jkun jixtieq ineħħi minn dawk il-programmi biex jerġa’ jalloka dawk l-ammonti għall-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskju;

(d)

l-ammont disponibbli għall-benefiċċju esklussiv tiegħu fi ħdan l-allokazzjoni finanzjarja tiegħu tal-politika ta’ koeżjoni skont l-Artikolu 18(2), u indikazzjoni tal-ammont li jista’ jkun allokat għall-objettivi tal-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskju esklussivament mill-impenji tal-baġit tal-UE li għandhom isiru fis-snin 2012 u 2013, skont l-Artikolu 75(1).

7.   Wara li tivverifika li t-talba tal-Istat Membru tkun korretta u ġustifikata, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni, fi żmien erba’ xhur mit-talba tal-Istat Membru, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, li jispeċifika s-sistema stabbilita biex tiggarantixxi li l-ammont disponibbli jintuża għall-benefiċċju esklussiv tal-Istat Membru li pprovdih fi ħdan l-allokazzjoni finanzjarja tiegħu tal-politika ta’ koeżjoni skont l-Artikolu 18(2), kif ukoll jistipula t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Istat Membru applikanti fl-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskju. It-termini u l-kundizzjonijiet għandhom ikopru, b’mod partikolari, dan li ġej:

(a)

it-traċċabilità u l-kontabilità, informazzjoni dwar l-użu tal-fondi, il-kundizzjonijiet tal-pagamenti u s-sistemi ta’ monitoraġġ u kontroll;

(b)

l-istruttura tal-imposti u kostijiet amministrattivi u maniġerjali oħra;

(c)

lista indikattiva tal-proġetti eliġibbli għall-finanzjament; kif ukoll

(d)

l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni li jista’ jiġi allokat għall-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskju mill-allokazzjonijiet disponibbli tal-Istati Membri, u l-pagamenti parzjali għall-implimentazzjoni prattika.

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Meta tiddeċiedi dwar it-talba tal-Istat Membru, il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawk il-proġetti biss li tkun ittieħdet deċiżjoni favorevoli dwar il-finanzjament tagħhom mill-BEI jew minn korp nazzjonali jew internazzjonali tas-settur pubbliku jew korp irregolat permezz tad-dritt privat b’missjoni ta’ servizz pubbliku, għandhom jiġu aċċettati bħala eliġibbli għall-finanzjament minn strument tal-kondiviżjoni tar-riskju stabbilit.

8.   Qabel id-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 7 għandha tkun saret reviżjoni tal-programmi operazzjonali taħt l-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni skont l-Artikolu 33(2).

9.   L-allokazzjonijiet finanzjarji għall-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskju għandhom ikunu strettament limitati u m’għandhomx ikunu iktar minn 10 % tal-allokazzjoni totali indikattiva għall-Istat Membru applikanti għas-snin 2007-2013 rigward l-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni, li kienet approvata skont l-Artikolu 28(3)(b). L-allokazzjonijiet finanzjarji disponibbli għall-proġetti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu huma limitati għall-ammonti li jkun baqa’ wara l-finanzjament tal-operazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu. Apparti l-kontribuzzjoni totali tal-Unjoni għall-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskju approvata fid-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu, il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fi strument tal-kondiviżjoni tar-riskju m’għandha toħloq l-ebda obbligazzjoni kontinġenti addizzjonali, la għall-baġit tal-Unjoni Ewropea u lanqas għall-Istat Membru kkonċernat.

10.   Kwalunkwe ammont ta’ refużjoni jew ammont li jibqa’ wara l-ikkompletar ta’ operazzjoni koperta bl-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskju jista’ jerġa’ jintuża, fuq talba tal-Istat Membru konċernat, fi ħdan l-istrument tal-kondiviżjoni tar-riskju, sakemm l-Istat Membru jkun għadu jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti(a), (b) u (c) tal-Artikolu 77(2). Jekk l-Istat Membru ma jibqax jissodisfa xi waħda minn dawk il-kundizzjonijiet, ir- refużjoni jew l-ammont li jibqa’ għandu jitqies bħala dħul assenjat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 18 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002. Fuq talba mill-Istat Membru kkonċernat, approprjazzjonijiet għal impenji addizzjonali ġġenerati minn dan id-dħul assenjat għandhom jiżdiedu s-sena ta’ wara mal-allokazzjoni finanzjarja tal-politika ta’ koeżjoni ta’ dak l-Istat Membru.

(**)  ĠU L 291, 21.10.2006, p.11.”."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-22 ta’ Mejju 2012.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

N. WAMMEN


(1)  ĠU C 43, 15.2.2012, p. 13.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' April 2012 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' April 2012 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.

(4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/77/UE tas-7 ta' Diċembru 2010 dwar l-għoti ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Irlanda (ĠU L 30, 4.2.2011, p. 34).

(5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/344/UE tat-30 ta' Mejju 2011 dwar l-għoti ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall (ĠU L 159, 17.6.2011, p. 88).

(6)  ĠU L 53, 23.2.2002, p. 1.

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/102/KE tal-4 ta’ Novembru 2008 li tagħti għajnuna finanzjarja tal-UE lill-Ungerija għaż-żmien medju (ĠU L 37, 6.2.2009, p. 5).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/459/KE tas-6 ta’ Mejju 2009 li tagħti għajnuna finanzjarja tal-Komunità lir-Rumanija fuq medda medja ta’ żmien (ĠU L 150, 13.6.2009, p. 8).

(9)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.

(10)  ĠU L 337, 20.12.2011, p. 5.

(11)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.