17.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 130/14


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 419/2012

tas-16 ta’ Mejju 2012

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 562/2011 li jadotta l-pjan li jalloka lill-Istati Membri riżorsi li għandhom jitħallsu mill-baġit tas-sena 2012 għall-provvista tal-ikel mill-ħżin tal-intervent għall-benefiċċju tal-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni Ewropea

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Regolament dwar l-OKS Unika) (1), u b’mod partikolari l-punti (f) u (g) tal-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2799/98 tal-15 ta’ Diċembru 1998 li jistabbilixxi arranġamenti agromonetarji għall-euro (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 562/2011 (3) kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 208/2012 (4) stabbilixxa l-iskadenzi għat-tressiq ta’ talbiet għall-ħlas u l-eżekuzzjoni tal-pagamenti għat-30 ta’ Settembru 2012 u l-15 ta’ Ottubru 2012 rispettivament u jipprovdi li l-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-pjan ta’ tqassim tal-2012 għandu jintemm fit-28 ta’ Frar 2013.

(2)

Biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw dawn l-iskadenzi b’mod effiċjenti, huwa meħtieġ li tkun permessa li tingħata l-possibilità ta’ pagamenti bil-quddiem għat-trasport tal-prodotti lejn l-imħażen tal-organizzazzjonijiet karitatevoli u għat-trasport, l-ispejjeż amministrattivi u tal-ħżin imġarrbin mill-organizzazzjonijiet karitatevoli maħtura biex iqassmu l-prodotti. Sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni effiċjenti tal-pjan annwali, għandha tingħata l-istess possibbiltà għall-provvista tal-prodotti f’każijiet debitament ġustifikati. Barra minn hekk għandu jiġi stabbilit kif u meta tkun meħtieġa garanzija.

(3)

Billi titqies in-natura bla profitti tal-organizzazzjonijiet magħżula msemmija fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiġu awtorizzati li jippermettu strumenti ta’ garanzija alternattiva meta jsiru pagamenti bil-quddiem lil dawk l-organizzazzjonijiet għall-ispejjeż amministrattivi, tat-trasport u tal-ħżin tagħhom.

(4)

Għal skopijiet ta’ kontabilità, l-Istati Membri għandhom jiġu mitluba jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’ċertu informazzjoni marbuta mal-pagamenti bil-quddiem.

(5)

Għalhekk, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 562/2011 għandu jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 562/2011 għandu jiddaħħal l-Artikolu 4a li ġej:

“Artikolu 4a

1.   Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ tqassim annwali msemmi fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, l-operaturi magħżula skont l-Artikolu 4(4) u (6) tar-Regolament (UE) Nru 807/2010 u l-organizzazzjonijiet magħżula msemmija fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jistgħu jressqu lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat applikazzjoni għal pagamenti bil-quddiem relatati mal-ispejjeż tat-trasport tal-prodotti lejn l-imħażen tal-organizzazzjonijiet magħżula msemmija fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(7) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u l-ispejjeż amministrattivi, tat-trasport u tal-ħżin msemmija fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu ta’ dak l-Artikolu. F’każijiet debitament iġġustifikati l-Istati Membri jistgħu jipprovdu wkoll pagamenti bil-quddiem relatati mal-ispejjeż tal-provvista tal-prodotti lill-operaturi magħżula skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) Nru 807/2010 sakemm, l-Istati Membri kkonċernati jkunu sodisfatti li dawk l-operaturi jkunu wrew li qabel il-15 ta’ Ottubru 2012:

(a)

ikunu ħadu l-impenji legalment vinkolanti biex jimplimentaw l-operazzjoni,

(b)

ikunu għamlu progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-operazzjoni u

(c)

ikunu ħadu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-implimentazzjoni titlesta sa mhux aktar tard mit-28 ta’ Frar 2013.

2.   L-awtorità kompetenti tista’ tagħti ħlas bil-quddiem sa 100 % tal-ammont li tkun saret applikazzjoni għalih, soġġett għall-istabbiliment ta’ garanzija ekwivalenti għal 110 % tal-ħlas bil-quddiem imsemmi fil-paragrafu 1. Fil-każ ta’ operaturi magħżula skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) Nru 807/2010, il-garanzija msemmija f’dak l-Artikolu għandha titqies suffiċjenti għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 2, għandu japplika r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 282/2012 (*).

4.   Fil-każ ta’ organizzazzjonijiet magħżula msemmija fil-paragrafu 1, l-aġenzija tal-pagament tista’ taċċetta garanzija bil-miktub minn awtorità pubblika, skont id-dispożizzjonijiet applikati fl-Istati Membri, li tkopri ammont ugwali għall-perċentwali msemmija fil-paragrafu 2, sakemm dik l-awtorità pubblika tintrabat li tħallas l-ammont kopert minn dik il-garanzija fil-każ li d-dritt għall-ħlas bil-quddiem imħallas ma jkunx stabbilit. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu wkoll għal strument b’effett ekwivalenti, skont id-dispożizzjonijiet applikati fl-Istati Membri, bil-kundizzjoni li dan jiżgura r-rimborż tal-ħlas bil-quddiem mogħtija fil-każ li ma jkunx stabbilit l-intitolament għalih.

5.   Sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Jannar 2013, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-ammont totali tal-pagamenti bil-quddiem magħmula sal-15 ta’ Ottubru 2012 skont il-paragrafu 2 u li ma jkunux ġew approvati u li jkunu marbuta mal operazzjonijiet li ma jkunux għadhom tlestew mill-benefiċjarji finali.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Mejju 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 349, 24.12.1998, p. 1.

(3)  ĠU L 152, 11.6.2011, p. 24.

(4)  ĠU L 72, 10.3.2012, p. 32.