|
11.5.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 124/13 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 400/2012
tas-7 ta’ Mejju 2012
dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda mehmuża mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. |
|
(2) |
Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi, fuqha jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet tal-Unjoni speċifiċi, bil-għan li titwettaq l-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti. |
|
(3) |
Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti msemmija fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ din it-tabella. |
|
(4) |
Huwa xieraq li jkun hemm provvediment li l-informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri dwar il-klassifikazzjoni ta’ prodotti fin-Nomenklatura Magħquda u li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tista’, għal perjodu ta’ tliet xhur, tkompli tkun invokata mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2). |
|
(5) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament tfasslu b’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif imniżżla fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ din it-tabella.
Artikolu 2
Informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tista' tibqa’ tkun invokata għal perjodu ta’ tliet xhur taħt l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu, u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Mejju 2012.
Għall-Kummissjoni, F’isem il-President,
Algirdas ŠEMETA
Membru tal-Kummissjoni
ANNESS
|
Deskrizzjoni tal-prodotti |
Klassifikazzjoni (Kodiċi tan-NM) |
Raġunijiet |
|
(1) |
(2) |
(3) |
|
Oġġett li għandu l-forma ta’ iljunfant stilizzat, kważi kwadra, f'daqs ta’ madwar 32 × 48 × 24 cm, li jikkonsisti f'żewġ nofsijiet magħmula minn plastik riġidu ffurmat. Huwa għandu erba' roti u ċinga għal fuq l-ispalla li tista' titneħħa u li tista' wkoll tintuża biex tmexxi l-oġġett. Iż-żewġ nofsijiet jinżammu flimkien permezz ta’ ħjata b'ċappetti integrali tul il-qiegħ u minn żewġ qafliet ta’ sigurtà li jingħafsu biex jingħalqu f'kull tarf, li ma jippermettux lill-oġġett jinfetaħ f'daqqa t-tul kollu. Iċ-ċappetti jippermettu liż-żewġ nofsijiet tal-oġġett joqgħodu ċatti fl-art meta jkun miftuħ. Nofs l-oġġett fih żewġ ċineg tad-drapp li jiffurmaw X meta jingħaqdu bi klipp. L-oġġett għandu wkoll but żgħir ċatt tat-tessut imwaħħal fuq ġewwa. In-nofs l-ieħor tal-oġġett huwa attrezzat b'patta ta’ separazzjoni magħmula minn tessut li fiha but ċatt li jiqafel b'żipp. Il-patta ta’ separazzjoni hija mwaħħla mal-ġenb tal-oġġett, fejn hemm iċ-ċappetti, u tista' titwaħħal mal-lat oppost ta’ dak in-nofs. (bagalja tas-safar) (Ara r-ritratti nri 660 A u B) (*1) |
4202 12 50 |
Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, in-Nota 1(d) tal-Kapitolu 95, kif ukoll bil-kliem tal-kodiċi tan-NM 4202 , 4202 12 u 4202 12 50 . L-oġġett għandu l-karatteristiċi oġġettivi tal-bagalji tas-safar tal-intestatura 4202 , pereżempju il-materjal riġidu tal-plastik iffurmat, iċ-ċappetti, is-sistema tal-qfil, iċ-ċingi, il-patta ta’ separazzjoni u l-bwiet, ir-roti u l-fatt li għandha l-forma u tista' tintuża bħala kontenitur li jinfetaħ bħal bagalja tas-safar tipika biċ-ċappetti. Dawn il-karattesristiċi jindikaw li l-oġġett jista' jiġi kkunsidrat bħala bagalja tas-safar u mhux bħala ġugarell fuq ir-roti. Għaldaqstant, il-klassifika bħala ġugarell fuq ir-roti simili għal karrozzi bil-pedali tal-intestaura 9503 hija eskluża. L-oġġett għandu għalhekk jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi tan-NM 4202 12 50 , bħala bagalja tas-safar ta’ materjal tal-plastik iffurmat. |
|
|
|
(*1) Ir-ritratti huma għall-għan ta’ informazzjoni biss.