3.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 118/4


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 375/2012

tat-2 ta’ Mejju 2012

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 885/2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 42 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 6(1)(e) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 l-aġenziji tal-ħlas akkreditati tal-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dokumenti fir-rigward tal-ħlasijiet li jagħmlu huma aċċessibbli u miżmuma f’manjiera li tiżgura l-kompletezza, il-validità u l-leġibbiltà tagħhom maż-żmien. Sabiex tkun riflessal-evoluzzjoni fit-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni li tagħmilha possibbli li d-dokumenti ta’ sostenn jinħażnu f’forma elettronika, b’mod sikur u kosteffettiv, l-Istati Membri għandhom jitħallew jaħżnu d-dokumenti ta’ sostenn dwar it-talbiet għall-għajnuna f’forma elettronika aktar milli f’forma stampata. L-Istat Membru għandu jkun jista’ juża dik l-għażla li permezz tagħha l-liġi nazzjonali tippermetti l-użu ta’ dokumenti elettroniċi bħala evidenza tat-tranżazzjonijiet sottostanti fil-proċeduri tal-qorti nazzjonali. Id-dokumenti elettroniċi għandhom jiġu protetti f’konformità mal-istandards internazzjonali tas-sigurtà tal-informazzjoni bl-istess mod li tinżamm informazzjoni oħra mill-aġenzija tal-ħlas skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006 (2), sabiex jiżguraw li huma disponibbli għall-iskrutinju tal-Kummissjoni kif meħtieġ, f’forma li tirrifletti eżattament id-dokumenti oriġinali tal-karti.

(2)

Skont l-Artikolu 31(1) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 jekk in-nefqa tkun saret b’mod li kiser ir-regoli tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi liema ammonti għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni. Fl-interess tal-effettività u l-effiċjenza tal-proċedura tal-approvazzjoni tal-konformità, għandu jkun possibbli għall-Kummissjoni li ma ssegwix każijiet fejn is-sejbiet tal-inkjesta tagħha jwasslu għall-konklużjoni li l-ammonti massimi preżunti kkonċernati ma jaqbżux EUR 50 000 u 10 % tan-nefqa relevanti.

(3)

Sabiex jiżguraw li l-proċedura għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikoli 30 u 31 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005, fil-qasam tal-FAEŻR, hija effettiva u trasparenti, huwa neċessarju li l-Istat Membru konċernat ikun f’pożizzjoni li jqis l-effetti finanzjarji ta’ dawn id-deċiżjonijiet meta jippreżenta d-dikjarazzjoni tal-infiq tiegħu msemmija fl-Artikolu 27 ta’ dak ir-Regolament.

(4)

Fir-rigward tal-possibbiltà li Stat Membru jista’ jesperjenza diffikultajiet finanzjarji severi kkawżati minn deterjorament serju fl-ambjent ekonomiku internazzjonali, il-Kummissjoni għandu jkollha l-possibilità li tiddifferixxi l-ammonti li għandhom jitnaqqsu mill-finanzjament tal-Unjoni tan-nefqa li tkun saret b’mod li kiser ir-regoli tal-Unjoni, jekk l-Istat Membru kkonċernat jitlob hekk. Id-differiment ta’ tali tnaqqis għal perjodu li ma jaqbiżx tmintax-il xahar għandu jingħata wkoll lil dawk l-Istati Membri li jitolbu għalih filwaqt li jibqgħu suġġetti għall-għajnuna finanzjarja skont ir-Regolament al-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta’ Frar 2002 li jistabbilixxi faċilita’ li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta’ pagament tal-Istati Membri (3), ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja (4), il-Ftehim ta’ Qafas dwar il-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja ffirmat fis-7 ta’ Ġunju 2010 u t-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà ffirmat fil-11 ta’ Lulju 2011. L-Istat Membru li jibbenefika minn deċiżjoni ta’ differiment għandu jiżgura li n-nuqqasijiet li kienu r-raġunijiet għall-ammonti mnaqqsa u li għadhom jippersistu fiż-żmien tal-adozzjoni tad-deċiżjoni qed jiġu rrimedjati abbażi ta’ pjan ta’ azzjoni, stabbilit f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, b’indikaturi ċari dwar il-progress. Jekk Stat Membru li jibbenefika minn tali differiment jonqos milli jirrimedja n-nuqqasijiet skont il-pjan ta’ azzjoni u, għalhekk, jesponi il-baġit tal-Unjoni għal riskji finanzjarji addizzjonali, il-Kummissjoni għandha tirrevoka d-deċiżjoni tagħha li tiddifferixxi d-data għall-eżekuzzjoni tat-tnaqqis tal-ammonti filwaqt li tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 885/2006 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli ma tax opinjoni fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-President tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 885/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 9, jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

“5.   Id-dokumenti ta’ sostenn imsemmija fil-paragrafi 1 sa 4 għandhom jinżammu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni jew f’forma stampata, f’forma elettronika u/jew fiż-żewġ forom.

Id-dokumenti jistgħu jinżammu esklussivament f’forma elettronika jekk il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat tippermetti l-użu ta’ dokumenti elettroniċi bħala evidenza tat-tranżazzjonijiet sottostanti fil-proċeduri tal-qorti nazzjonali.

Jekk id-dokumenti huma miżmuma fil-forma elettronika biss, is-sistema għal dan l-iskop għandha tikkonforma mal-punt 3(B) tal-Anness I.”

(2)

Fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(2), it-tieni sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tnaqqas dak l-ammont jew iżżidu mal-ewwel ħlas li għalih titressaq id-dikjarazzjoni tan-nefqa mill-Istat Membru wara li tkun ġiet adottata d-deċiżjoni skont l-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005.”

(3)

L-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 3, jiżdied ir-raba’ subparagrafu li ġej:

“Il-Kummissjoni tista’, fi kwalunkwe stadju, ittemm il-proċedura, mingħajr konsegwenzi finanzjarji għall-Istat Membru konċernat jekk tistenna li l-effetti finanzjarji possibbli tan-nonkonformità identifikati bħala riżultat ta’ inkjesta msemmija fl-ewwel paragrafu ma jaqbżux EUR 50 000 u 10 % tan-nefqa relevanti jew tal-ammonti li għandhom jiġu rkuprati.”

(b)

Fil-paragrafu 4, it-tieni u t-tielet subparagrafi huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Fir-rigward tal-FAEŻR, l-ammonti li għandhom jitnaqqsu mill-finanzjament tal-Unjoni għandhom isiru mill-Kummissjoni mill-ħlas li għalih titressaq id-dikjarazzjoni tan-nefqa mill-Istat Membru wara li tkun ġiet adottata d-deċiżjoni skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005.

Madankollu, fuq it-talba tal-Istat Membru u wara konsultazzjoni mal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli, il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni:

(a)

li tistabbilixxi data differenti għall-ammonti li għandhom jitnaqqsu jew li tawtorizza r-rimborż tagħhom f’pagament wieħed jew aktar fejn dan huwa ġġustifikat minħabba l-materjalità tal-ammonti tat-tnaqqis inklużi f’att ta’ implimentazzjoni adottat abbażi tal-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005; jew

(b)

li tiddifferixxi, sa tmiem il-perjodu massimu ta’ tmintax-il xahar mid-data tal-adozzjoni tagħha, l-eżekuzzjoni ta’ kwalunkwe tnaqqis li għandu jsir matul dan il-perjodu u fl-istess ħin li tawtorizza l-eżekuzzjoni tagħhom wara t-tmiem tad-differiment f’massimu ta’ tliet pagamenti ndaqs annwali, għal dawk l-Istati Membri li huma soġġetti għal għajnuna finanzjarja skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 (*1), ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 (*2), il-Ftehim ta’ Qafas dwar il-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja ffirmat fis-7 ta’ Ġunju 2010 jew it-Trattat li jistabbilixxi Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilità.

Il-perjodu ta’ differiment imsemmi fil-punt (b) tat-tielet subparagrafu ma jistax jiġi estiż u l-ebda deċiżjoni li tawtorizza differiment tista’ tkun adottata b’rabta mal-istess Stat Membru. L-Istat Membru li jibbenefika minn deċiżjoni ta’ differiment għandu jiżgura li n-nuqqasijiet li kienu r-raġunijiet għall-ammonti mnaqqsa u li għadhom jippersistu fiż-żmien tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tad-differiment qed jiġu rrimedjati abbażi ta’ pjan ta’ azzjoni, stabbilit f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, b’indikaturi ċari dwar il-progress. Jekk l-Istat Membru jonqos milli jieħu l-azzjonijiet neċessarji biex jirrimedja dawk in-nuqqasijiet kif previst fil-pjan ta’ azzjoni, jekk il-progress tal-azzjonijiet rimedjali mhuwiex biżżejjed skont l-indikaturi dwar il-progress jew jekk l-eżitu tal-azzjoni mhuwiex sodisfaċenti l-Kummissjoni għandha tirrevoka d-deċiżjoni tagħha li tiddifferixxi d-data għall-eżekuzzjoni tat-tnaqqis tal-ammonti filwaqt li tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità.

(*1)   ĠU L 53, 23.2.2002, p. 1."

(*2)   ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.”."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Mejju 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.

(2)   ĠU L 171, 23.6.2006, p. 90.

(3)   ĠU L 53, 23.2.2002, p. 1.

(4)   ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.