|
28.4.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 116/12 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 367/2012
tas-27 ta’ April 2012
li jistabbilixxi miżuri neċessarji fir-rigward tar-rilaxx ta' kwantitajiet addizzjonali ta’ zokkor u iżoglukożju 'l fuq mill-kwota fis-suq tal-Unjoni b'imposta mnaqqsa matul is-sena tas-suq 2011/2012
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 64(2) u l-Artikolu 186 flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont is-suq tal-futures ta' Londra, il-prezzijiet fis-swieq internazzjonali taz-zokkor stabbilizzaw ruħhom mill-bidu tas-sena tas-suq 2011/2012 f'livell storikament pjuttost għoli. Il-prezzijiet fil-borża tal-futuri ta' Londra jinsabu fil-medda ta' USD 600 – 650 għal kull tunnellata, jew EUR 460 – 500 għal kull tunnellata. |
|
(2) |
Fl-istess ħin il-prezzijiet fis-swieq taz-zokkor fl-Unjoni, kif indikat mis-sistema tal-monitoraġġ tal-prezzijiet stabbilita mill-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 952/2006 tad-29 ta’ Ġunju 2006 li jipprovdi regoli dettaljati għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 dwar il-ġestjoni tas-suq intern taz-zokkor u l-iskema tal-kwoti (2), komplew jiżdiedu; barra minn hekk, minn Ottubru 2011 iż-żieda fil-prezz żdiedet, meta l-prezz medju taz-zokkor fl-Unjoni ogħla b'aktar minn 10 % fi żmien xahar. |
|
(3) |
Sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni tal-provvista fis-suq taz-zokkor tal-Unjoni, ittieħdu miżuri eċċezzjonali f'Novembru 2011 permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1239/2011 tat-30 ta’ Novembru 2011 li jiftaħ sejħa permanenti għat-tressiq ta’ offerti għall-importazzjonijiet taz-zokkor bil-kodiċi tan-NM bin-numru 1701 b’dazju doganali mnaqqas għas-sena tas-suq 2011/2012 (3) u permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1240/2011 tat-30 ta’ Novembru 2011 li jistabbilixxi miżuri eċċezzjonali fir-rigward tar-rilaxx ta’ zokkor u iżoglukożju ’l fuq mill-kwota fis-suq tal-Unjoni b’imposta mnaqqsa fuq is-surplus matul is-sena tas-suq 2011/2012 (4). Minkejja dawk il-miżuri, it-tendenza preżenti fl-għoli tal-prezzijiet taz-zokkor fl-Unjoni kompliet u fi Frar 2012 il-prezz medju laħaq EUR 701 kull tunnellata, li jirrappreżenta żieda ta' aktar minn 20 % bejn Settembru 2011 u Frar 2012, jew kważi 40 % bejn Frar 2011 u Frar 2012. |
|
(4) |
F'dan l-istadju t-tendenza persistenti 'l fuq tal-prezzijiet taz-zokkor fl-Unjoni tindika li d-disponibbiltà tal-provvista fis-suq taz-zokkor tal-Unjoni tjiebet biss moderatament. Din l-analiżi ġiet ikkonfermata mill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri fil-Kumitat tal-Ġestjoni tat-8 ta' Marzu 2012 li qieset li kien għad hemm problemi fil-provvista li jistgħu saħansitra jmorru għall-agħar matul is-sena tas-suq. Dan jista' jaffettwa speċjalment lill-intrapriżi żgħar u medji u lill-konsumaturi b’kwantitajiet fissi b'kuntratti fit-tul. |
|
(5) |
Min-naħa l-oħra, ħsad tajjeb f'diversi partijiet tal-Unjoni wassal għal produzzjoni ta' zokkor li taqbeż il-kwota stipulata fl-Artikolu 56 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 ta’ 5.3 miljuni tunnellati. Meta titqies id-domanda stmata għaz-zokkor industrijali skont l-Artikolu 62 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, l-impenji tal-esportazzjoni tal-2011/2012 għal zokkor barra l-kwota stipulati mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 372/2011 tal-15 ta' April 2011 li jiffissa l-limitu kwantitattiv għall-esportazzjonijiet taz-zokkor u l-isoglukożju lil hinn mill-kwota sa tmiem is-sena tas-suq 2011/2012 (5), kif ukoll il-kwantitajiet taz-zokkor barra l-kwota rilaxxati fis-suq tal-Unjoni skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1240/2011, ser ikunu għadhom disponibbli kwantitajiet sostanzjali ta' zokkor barra l-kwota. Parti minn din il-kwantità ta’ zokkor tista' titpoġġa fis-suq taz-zokkor tal-Unjoni minnufih ħalli tissodisfa parti mid-domanda u b'hekk tikkontribwixxi biex tiġi limitata t-tendenza 'l fuq tal-prezzijiet taz-zokkor fl-Unjoni li attwalment qed tfixkel is-suq. |
|
(6) |
L-Artikolu 186 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri meħtieġa għas-settur jekk il-prezzijiet tas-swieq taz-zokkor fl-Unjoni jiżdiedu sal-punt li s-sitwazzjoni tħarbat jew thedded li tħarbat is-swieq. |
|
(7) |
L-Artikolu 64(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jawtorizza lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-imposta fuq is-surplus ta’ zokkor u iżoglukożju prodott ‘il fuq mill-kwota f’livell għoli biżżejjed sabiex jiġi evitat l-akkumulu ta’ kwantitajiet żejda. L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 967/2006 tad-29 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 rigward produzzjoni taz-zokkor li taqbeż il-kwota (6) stabbilixxa dik l-imposta għal EUR 500 kull tunnellata. |
|
(8) |
Il-Kummissjoni stmat li l-provvista baxxa persistenti taz-zokkor fis-suq intern, kif indikat b’mod ċar biż-żieda konsiderevoli osservata fil-prezz medju fis-swieq taz-zokkor fl-Unjoni fis-sena tas-suq 2011/2012, tista' toħloq il-ħtieġa ta' rilaxx ta' kwantitajiet addizzjonali ta' zokkor barra l-kwota fis-suq intern. Żieda fil-provvista għandha tittejjeb il-fluwidità tas-suq taz-zokkor. Sabiex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta' akkumulazzjoni ta' kwantitajiet, huwa xieraq, li jiġi permess ir-rilaxx fis-suq tal-Unjoni ta’ kwantità limitata. Meta titqies l-iskarsezza stmata u s-sorsi alternattivi ta’ provvista, il-kwantità limitata għandha tiġi stipulata għal 250 000 tunnellata. L-imposta mnaqqsa fuq is-surplus għal dik il-kwantità limitata ta’ produzzjoni ta’ zokkor li taqbeż il-kwota għandha tiġi stipulata f'livell għal kull tunnellata li jirrappreżenta d-differenza bejn il-prezz medju pubbliku l-aktar reċenti disponibbli fl-Unjoni u l-prezz fis-suq dinji. |
|
(9) |
Billi r-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jiffissa kwoti kemm għaz-zokkor kif ukoll għall-iżoglukożju, għandha tapplika miżura simili għal kwantità xierqa ta’ iżoglukożju prodott ‘il fuq mill-kwota, billi dan il-prodott tal-aħħar, sa ċertu punt, huwa sostitut kummerċjali għaz-zokkor. |
|
(10) |
Għal dik ir-raġuni u bil-għan li tiżdied il-provvista, il-produtturi taz-zokkor u tal-iżoglukożju għandhom japplikaw għal ċertifikati, mingħand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, li jippermettulhom li jbiegħu ċerti kwantitajiet prodotti ‘l fuq mil-limitu tal-kwota fis-suq tal-Unjoni b’imposta mnaqqsa fuq is-surplus. |
|
(11) |
Il-validità taċ-ċertifikati għandha tkun ta' żmien limitat sabiex tinkoraġġixxi titjib malajr tas-sitwazzjoni tal-provvista. |
|
(12) |
L-iffissar tal-limiti massimi tal-kwantitajiet li għalihom jista' japplika kull produttur f'perjodu wieħed ta' applikazzjoni u r-restrizzjoni taċ-ċertifikati għal prodotti tal-produzzjoni tal-applikant stess għandhom jimpedixxu azzjonijiet spekulattivi fis-sistema maħluqa minn dan ir-Regolament. |
|
(13) |
Bl-applikazzjoni tagħhom, il-produtturi taz-zokkor għandhom jimpenjaw ruħhom li jħallsu l-prezz minimu għall-pitravi taz-zokkor użat fil-produzzjoni tal-kwantità taz-zokkor li jkunu applikaw għaliha. Għandhom jiġu speċifikati r-rekwiżiti minimi tal-eliġibbiltà għall-applikazzjonijiet. |
|
(14) |
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-applikazzjonijiet li jkunu rċevew. Sabiex dawk in-notifiki jiġu ssimplifikati u standardizzati, għandhom jingħataw mudelli għal dawn in-notifiki |
|
(15) |
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li ċ-ċertifikati jingħataw biss fil-limiti kwantitattivi stipulati f’dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni, għalhekk, jekk ikun meħtieġ, għandha tkun tista’ tistabbilixxi koeffiċjent tal-allokazzjoni applikabbli għall-applikazzjonijiet li jaslu. |
|
(16) |
L-Istati Membri għandhom jinfurmaw minnufih lill-applikanti jekk il-kwantità li applikaw għaliha kinitx approvata parzjalment jew kompletament. |
|
(17) |
L-imposta mnaqqsa fuq is-surplus għandha tiġi mħallsa wara li tiġi aċċettata l-applikazzjoni u qabel ma jinħareġ iċ-ċertifikat. |
|
(18) |
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet li għalihom inħarġu ċertifikati bi tnaqqis tal-imposti fuq is-surplus. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tqiegħed mudelli għad-dispożizzjoni. |
|
(19) |
Kwantitajiet ta’ zokkor rilaxxati fis-suq tal-Unjoni ta’ kwantitajiet żejda taċ-ċertifikati maħruġa skont dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-imposta fuq is-surplus stipulata fl-Artikolu 64(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Huwa għalhekk xieraq li jkun ipprovdut li kwalunkwe applikant li ma jwettaqx l-impenji tiegħu li joħroġ fis-suq tal-Unjoni l-kwantità koperta minn ċertifikat li jingħatalu, għandu jħallas ukoll ammont ta’ EUR 500 kull tunnellata. Dan l-approċċ konsistenti huwa mmirat biex jevita l-abbuż tal-mekkaniżmu introdott b’dan ir-Regolament. |
|
(20) |
Għall-iskop li jiġi stabbilit prezz medju għaz-zokkor fil-kwota u barra l-kwota fis-suq tal-Unjoni skont l-Artikolu 13 (1) tar-Regolament (KE) Nru 952/2006, zokkor kopert minn ċertifikat maħruġ skont dan ir-Regolament għandu jiġi kkunsidrat bħala zokkor fil-kwota. |
|
(21) |
L-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (7), jistipula li kontribuzzjonijiet u dazji oħra previsti fil-qafas tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor għandhom jikkostitwixxu riżorsi proprji. Huwa għalhekk neċessarju li tiġi stabbilita d-data tal-istipular tal-ammonti inkwistjoni skont l-Artikoli 2(2) u 6(3)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 tat-22 ta' Mejju 2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet (8). |
|
(22) |
Il-Kumitat ta' Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli ma ressaqx opinjoni fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-President tiegħu, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Tnaqqis temporanju tal-imposta fuq is-surplus
B'deroga mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 967/2006, l-ammont tal-imposta fuq is-surplus għal kwantità massima ta' 250 000 tunnellata ta’ zokkor espressa f'zokkor abjad ekwivalenti, u ta' 13 000 tunnellata iżoglukożju f'materja xotta, prodotti ’l fuq mill-kwota stipulata fl-Anness VI għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, u rilaxxati fis-suq tal-Unjoni matul is-sena tas-suq 2011/2012, għandu jiġi stipulat għal EUR 211 kull tunnellata. L-imposta mnaqqsa fuq is-surplus għandha tiġi mħallsa wara li tiġi aċċettata l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 2, u qabel ma jinħareġ iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 6.
Artikolu 2
Applikazzjoni għal ċertifikati
1. Sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 1, il-produtturi taz-zokkor u l-iżoglukożju għandhom japplikaw għal ċertifikat.
2. L-applikanti jistgħu jkunu biss impriżi li jipproduċu l-pitravi taz-zokkor u z-zokkor tal-kannamieli jew l-iżoglukożju, li huma approvati skont l-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, u li ngħatatilhom allokazzjoni ta' kwota tal-produzzjoni għas-sena tas-suq 2011/2012, skont l-Artikolu 56 ta' dak ir-Regolament.
3. Kull applikant jista’ jissottometti sa mhux aktar minn applikazzjoni waħda għaz-zokkor u waħda għall-iżoglukożju għal kull perjodu ta’ applikazzjoni.
4. L-applikazzjonijiet għaċ-ċertifikati għandhom jintbagħtu permezz ta’ feks jew posta elettronika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih kienet approvata l-impriża. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-applikazzjonijiet elettroniċi jkunu akkumpanjati b’firma elettronika avvanzata skont it-tifsira tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1999/93/KE (9).
5. Biex ikunu validi, l-applikazzjonijiet għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
l-applikazzjonijiet għandhom jindikaw:
|
|
(b) |
il-kwantitajiet li għalihom qed issir l-applikazzjoni f’dan il-perjodu ta’ applikazzjoni, espressi f’tunnellati ta’ zokkor abjad ekwivalenti u tunnellati ta’ iżoglukożju f’materja xotta, ma għandhomx jaqbżu l-50 000 tunnellata fil-każ taz-zokkor u l-2 500 tunnellata fil-każ tal-iżoglukożju; |
|
(c) |
jekk l-applikazzjoni tirrigwarda z-zokkor, l-applikant għandu jimpenja ruħu li jħallas il-prezz minimu tal-pitravi, stipulat fl-Artikolu 49 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, għall-kwantità ta’ zokkor koperta minn ċertifikati maħruġa skont l-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament; |
|
(d) |
l-applikazzjoni għandha ssir bil-lingwa uffiċjali jew b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn l-applikazzjoni tkun ippreżentata; |
|
(e) |
l-applikazzjoni għandha tindika referenza għal dan ir-Regolament u d-data ta’ skadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għall-perjodu ta' applikazzjoni inkwistjoni, kif stipulat fl-Artikolu 3. |
6. Applikazzjoni ma tistax tiġi rtirata jew emendata wara li tintbagħat, anke jekk il-kwantità li ssir l-applikazzjoni għaliha tingħata biss parzjalment.
Artikolu 3
Preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet
1. L-ewwel perjodu li matulu l-applikazzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati għandu jintemm fit-2 ta’ Mejju 2012 f’nofsinhar (12:00), ħin ta’ Brussell.
2. Il-perjodi li fihom jistgħu jiġu ppreżentati l-applikazzjonijiet għat-tieni perjodu ta’ applikazzjoni u għal dawk sussegwenti għandhom jibdew fl-ewwel jum tax-xogħol wara li jintemm il-perjodu ta’ qabel. Għandhom jintemmu f'nofsinhar (12:00), ħin ta' Brussell, fit-23 ta' Mejju 2012, is-6 ta’ Ġunju 2012 u l-20 ta' Ġunju 2012.
3. Il-Kummissjoni tista’ tissospendi l-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għal perjodu ta’ applikazzjoni wieħed jew aktar.
Artikolu 4
Trażmissjoni ta’ applikazzjonijiet mill-Istati Membri
1. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar il-validità tal-applikazzjonijiet fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2. Meta l-awtoritajiet kompetenti jiddeċiedu li applikazzjoni mhix valida, għandhom jinfurmaw lill-applikant mingħajr dewmien.
2. L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard mill-ġurnata tal-Ġimgħa dwar l-applikazzjonijiet validi ppreżentati matul il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ qabel, permezz ta’ feks jew posta elettronika. Dik in-notifika ma għandhiex ikun fiha d-dejta msemmija fl-Artikolu 2(5)(a)(i). L-Istati Membri li ma kellhom ebda applikazzjoni iżda li għandhom kwoti taz-zokkor jew tal-iżoglukożju allokati lilhom għas-sena tas-suq 2011/2012, għandhom jibagħtu wkoll in-notifiki tagħhom ta’ ebda applikazzjoni lill-Kummissjoni fl-istess limitu ta’ żmien.
3. Il-forma u l-kontenut tan-notifiki għandhom ikunu definiti fuq il-bażi tal-mudelli li l-Kummissjoni għamlet disponibbli lill-Istati Membri.
Artikolu 5
Limiti maqbuża
Meta l-informazzjoni nnotifikata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri skont l-Artikolu 4(2) tindika li l-kwantitajiet li saret applikazzjoni għalihom jaqbżu l-limiti stipulati fl-Artikolu 1, il-Kummissjoni għandha:
|
(a) |
tistabbilixxi koeffiċjent ta’ allokazzjoni, li l-Istati Membri għandhom japplikaw għall-kwantitajiet koperti minn kull applikazzjoni għal ċertifikat innotifikata; |
|
(b) |
tirrifjuta applikazzjonijiet li jkunu għadhom ma ġewx innotifikati; |
|
(c) |
tagħlaq il-perjodu għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet. |
Artikolu 6
Ħruġ ta’ ċertifikati
1. Bla preġudizzju għall-Artikolu 5, fl-għaxar jum ta’ xogħol wara ġimgħa li fiha jkun intemm perjodu ta’ applikazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha toħroġ ċertifikati għall-applikazzjonijiet innotifikati lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 4(2), għal dak il-perjodu ta’ applikazzjoni.
2. Kull nhar ta’ Tnejn, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet ta’ zokkor u/jew iżoglukożju li għalihom ikunu nħarġu ċertifikati matul il-ġimgħa ta’ qabel.
3. Mudell taċ-ċertifkat jinsab fl-Anness.
Artikolu 7
Validità taċ-ċertifikati
Iċ-ċertifikati għandhom ikunu validi sa tmiem it-tieni xahar ta’ wara x-xahar tal-ħruġ.
Artikolu 8
Trasferibbiltà taċ-ċertifikati
Kemm id-drittijiet kif ukoll l-obbligi li jirriżultaw miċ-ċertifikati ma jistgħux jiġu trasferiti.
Artikolu 9
Rappurtar tal-prezzijiet
Għall-fini tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 952/2006, il-kwantità ta’ zokkor mibjugħa koperta b’ċertifikat maħruġ skont dan ir-Regolament għandha tiġi kkunsidrata bħala zokkor fil-kwota.
Artikolu 10
Monitoraġġ
1. L-applikanti għandhom iżidu l-kwantitajiet li għalihom ingħataw ċertifikati skont l-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament man-notifiki tagħhom ta’ kull xahar previsti fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament (KE) Nru 952/2006.
2. Qabel il-31 ta’ Ottubru 2012, kull detentur ta’ ċertifikat skont dan ir-Regolament għandu jippreżenta lill-awtorjitajiet kompetenti tal-Istati Membri prova li l-kwantitajiet kollha koperti biċ-ċertifikat tiegħu kienu rilaxxati fis-suq tal-Unjoni. Kull tunnellata koperta minn ċertifikat iżda li ma ġietx rilaxxata fis-suq tal-Unjoni, għal raġunijiet oħra barra forza maġġuri, għandha tkun soġġetta għall-ħlas ta’ ammont ta’ EUR 289 kull tunnellata.
3. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet li ma ġewx irrilaxxati fis-suq tal-Unjoni.
4. L-Istati Membri għandhom jikkalkulaw u jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-differenza bejn il-kwantità totali ta' zokkor u iżoglukożju prodotta minn kull produttur li taqbeż il-kwota, u bil-kwantitajiet li l-produtturi ddisponew minnhom skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 967/2006 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1240/2011. Jekk il-kwantitajiet li jifdal ta' zokkor u ta’ iżoglukożju ’l fuq mill-kwota ta’ produttur ikunu inqas mill-kwantitajiet maħruġa għal dak il-produttur skont dan ir-Regolament, il-produttur għandu jħallas ammont ta' EUR 500 għal kull tunnellata ta' dik id-differenza.
Artikolu 11
Data ta’ stabbiliment:
Għall-finijiet tal-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000, id-data tal-istabbiliment tal-intitolament tal-Unjoni għandha tkun id-data meta titħallas l-imposta fuq is-surplus mill-applikanti skont l-Artikolu 1.
Artikolu 12
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2012.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ April 2012.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.
(2) ĠU L 178, 1.7.2006, p. 39.
(3) ĠU L 318, 1.12.2011, p. 4.
(4) ĠU L 318, 1.12.2011, p. 9.
(5) ĠU L 102, 16.4.2011, p. 8.
ANNESS
Mudell taċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 6(3)
ĊERTIFIKAT
għat-tnaqqis, għas-sena tas-suq 2011/12, tal-imposta prevista fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 967/2006.