25.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 113/5


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 357/2012

tal-24 ta’ April 2012

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 29/2012 dwar l-istandards ta’ marketing għaż-żejt taż-żebbuġa

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 113(1)(a) u l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 121, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 29/2012 tat-13 ta’ Jannar 2012 dwar l-istandards ta’ marketing għaż-żejt taż-żebbuġa (2), li huwa kodifikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1019/2002 (3), ir-referenzi għall-Komunità li jidhru fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1019/2002 għad-denominazzjonijiet tal-oriġini ġew sostitwiti b’referenzi għall-Unjoni. L-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 29/2012 jipprevedi perjodu tranżitorju sabiex il-prodotti mmanifatturati legalment u tikkettati fl-Unjoni jew importati legalment fl-Unjoni u li jkunu tqiegħdu f’ċirkolazzjoni ħielsa [libera] qabel l-1 ta’ Lulju 2012 jistgħu jitqiegħdu fis-suq sakemm il-ħażniet jintużaw kollha. Minn naħa, dan il-perjodu tranżitorju jitqies qasir wisq, u min-naħa l-oħra, it-terminu “legalment” użat f’din id-dispożizzjoni jwassal għal konfużjoni fir-rigward tat-tranżizzjoni bejn ir-Regolament (KE) Nru 1019/2002 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 29/2012.

(2)

Sabiex ikun permess l-użu tat-tikketti li jagħmlu referenza għat-terminu “Komunità” matul perjodu ta’ żmien itwal, huwa xieraq li jkun stipulat li l-prodotti li huma mmanifatturati u ttikkettjati fl-Unjoni jew importati fl-Unjoni u li jkunu tqiegħdu f’ċirkolazzjoni ħielsa [libera] skont ir-Regolament (KE) Nru 1019/2002 qabel l-1 ta’ Jannar 2013 jistgħu jibqgħu jiġu kkummerċjalizzati sakemm jispiċċaw il-ħażniet kollha.

(3)

B’konsegwenza ta’ dan, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 29/2012 għandu jiġi emendat.

(4)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 12 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (KE) Nru 29/2012 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-prodotti li ġew manifatturati u ttikkettjati legalment fl-Unjoni, jew importati legalment fl-Unjoni u mqiegħda f’ċirkolazzjoni ħielsa [libera] skont ir-Regolament (KE) Nru 1019/2002 qabel l-1 ta’ Jannar 2013, jistgħu jibqgħu jiġu kkummerċjalizzati sakemm jispiċċaw il-ħażniet kollha.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ April 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 12, 14.1.2012, p. 14.

(3)  ĠU L 155, 14.6.2002, p. 27.