13.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 103/13


REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 311/2012

tal-21 ta’ Diċembru 2011

li jemeda r-Regolament (KE) Nru 809/2004 li jimplimenta d-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ elementi relatati mal-prospetti u r-reklami

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (1), u partikolarment l-Artikolu 7(1) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 809/2004 (2) jirrikjedi lill-emittenti minn pajjiżi terzi jippreparaw l-informazzjoni finanzjarja storika fil-prospetti għal offerta ta’ titoli lill-pubbliku jew l-ammissjoni ta’ titoli għal negozju f’suq regolat skont l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) jew skont standards nazzjonali tal-kontabbiltà ta’ pajjiż terz sakemm ikunu ekwivalenti għal dawn l-istandards.

(2)

Sabiex tiġi vvalutata l-ekwivalenza tal-Prinċipji tal-Kontabbiltà Ġeneralment Aċċettati (GAAP) ta’ pajjiż terz mal-IFRS adottati, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1569/2007 (3) jipprovdi għad-definizzjoni tal-ekwivalenza u jistabbilixxi mekkaniżmu għad-determinazzjoni tal-ekwivalenza tal-GAAP ta’ pajjiż terz. Skont il-kondizzjonijiet tal-mekkaniżmu għall-ekwivalenza l-emittenti ta’ pajjiżi terzi jistgħu jitħallew jużaw il-GAAP ta’ pajjiżi terzi li kienu qed jikkonverġu jew li kkommettew ruħhom li jadottaw l-IFRS għal perjodu tranżizzjonali li jispiċċa fil-31 ta’ Diċembru 2011. Huwa importanti li jiġu vvalutati l-isforzi ta’ dawk il-pajjiżi li ħadu passi sabiex jikkonverġu l-istandards tal-kontabbiltà tagħhom jew jadottaw l-IFRS. Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1569/2007 ġie emendat biex jestendi dan il-perjodu tranżizzjonali sal-31 ta’ Diċembru 2014. Il-Kummissjoni qieset ir-rapport ipprovdut mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) f’Novembru 2010 dwar iċ-Ċina, il-Kanada, l-Indja u l-Korea t’Isfel, li kienu ngħataw perjodu tranżitorju mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/961/KE tat-12 ta’ Diċembru 2008 dwar l-użu, min-naħa ta’ emittenti ta’ titoli ta’pajjiżi terzi ta’ ċerti pajjiżi terzi ta’ standards nazzjonali tal-kontabbiltà u l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjajru biex jippreparaw ir-rapporti finanzjarji konsolidati tagħhom (4) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1289/2008 tat-12 ta’ Diċembru 2008 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 809/2004 li jimplimenta d-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ elementi relatati mal-prospetti u r-reklami (5), kif ukoll aġġornamenti dwar iċ-Ċina u l-Indja minn April 2011.

(3)

F’April 2010 il-Ministeru tal-Finanzi taċ-Ċina ħareġ “Pjan Direzzjonali għal Konverġenza Kontinwa tal-Istandards tal-Kontabbiltà għall-Intrapriżi Kummerċjali mal-IFRS” (ASBE) li tenna l-impenn taċ-Ċina li tkompli l-proċess ta’ konverġenza mal-IFRS. Sa minn Ottubru 2010 l-istandards u l-interpretazzjonijiet attwali kollha maħruġa mill-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà kienu ġew implimentati fl-ASBE. Il-livell ta’ konverġenza ġie rrapportat mill-AETS bħala sodisfaċenti u d-differenzi ma jammontawx għal nuqqas ta’ konformità mal-IFRS. Għalhekk, huwa xieraq li l-ASBE Ċiniżi jitqiesu ekwivalenti għall-IFRS adottati mill-1 ta’ Jannar 2012.

(4)

Il-Bord tal-Istandards tal-Kontabbiltà tal-Kanada ħa impenn pubbliku f’Jannar 2006 li jadotta l-IFRS sal-31 ta’ Diċembru 2011. Approva l-inkorporazzjoni tal-IFRS fil-Canadian Institute of Chartered Accountants Handbook bħala GAAP Kanadiż għal intrapriżi b’orjentazzjoni lejn il-profit pubblikament responsabbli kollha mill-2011. Għalhekk, huwa xieraq li l-GAAP Kanadiż jitqies ekwivalenti għal IFRS adottat mill-1 ta’ Jannar 2012.

(5)

Il-Kummissjoni Koreana dwar is-Superviżjoni Finanzjarja u l-Istitut Korean tal-Kontabbiltà ħadu impenn pubbliku f’Marzu 2007 li jadottaw l-IFRS sal-31 ta’ Diċembru 2011. Il-Bord Korean tal-Istandards tal-Kontabbiltà adotta l-IFRS bħala IFRS Koreani (K-IFRS). Il-K-IFRS huma identiċi għall-IFRS u huma meħtieġa għall-kumpaniji elenkati kollha fil-Korea t’Isfel mill-2011. Istituzzjonijiet finanzjarji u kumpaniji tal-Istat mhux elenkati huma wkoll meħtieġa japplikaw il-K-IFRS. Kumpaniji oħra mhux elenkati jistgħu jagħżlu li japplikawhom. Għalhekk huwa xieraq li l-GAAP tal-Korea t’Isfel jitqies ekwivalenti għal IFRS adottat mill-1 ta’ Jannar 2012.

(6)

Il-Gvern Indjan u l-Istitut Indjan tal-Kontabbilisti Irreġistrati ħadu impenn pubbliku f’Lulju 2007 li jadottaw l-IFRS sal-31 ta’ Diċembru 2011 bil-għan li l-GAAP Indjan ikun konformi bis-sħiħ mal-IFRS sa tmiem il-programm. Madankollu, wara investigazzjoni fuq il-post f’Jannar 2011, l-AETS osservat li l-GAAP Indjan jidhru li għandhom għadd ta’differenzi mill-IFRS li jistgħu jkunu sinifikanti fil-prattika. Inċertezzi jibqgħu dwar l-iskeda għall-implimentazzjoni ta’ sistema tar-rappurtar konformi mal-IFRS. Peress li ma hemmx emittenti fl-Indja li ħadu vantaġġ mill-applikazzjoni bikrija volontarja tal-IFRS, ma hemm l-ebda esperjenza dwar l-infurzar tal-IFRS.

(7)

Għalhekk, huwa xieraq li jiġi estiż il-perjodu tranżizzjonali b’mhux aktar minn tliet snin, sal-31 ta’ Diċembru 2014, sabiex l-emittenti ta’ pajjiżi terzi jkunu jistgħu jippreparaw ir-rapporti finanzjarji annwali u ta’kull sitt xhur tagħhom skont il-GAAP tal-Indja fl-Unjoni.

(8)

Peress li l-perjodu tranżizzjonali li tulu ngħatat ekwivalenza lill-GAAP taċ-Ċina, il-Kanada, il-Korea t’Isfel u l-Indja skont ir-Regolament (KE) Nru 809/2004 skada fil-31 ta’ Diċembru 2011, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2012. Dan huwa meħtieġ sabiex tingħata ċertezza legali lill-emittenti minn dawn il-pajjiżi terzi elenkati fl-Unjoni u jiġi evitat ir-riskju li dawn jista’ jkollhom jirrikonċiljaw ir-rapporti finanzjarji tagħhom mal-IFRS. Id-dispożizzjoni tar-retroattività għalhekk itaffi kwalunkwe piż potenzjali fuq l-emittenti kkonċernati.

(9)

Ir-Regolament (KE) Nru 809/2004 għandu għalhekk jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 809/2004, huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-paragrafu 5 it-tieni subparagrafu huwa miżjud:

“Minbarra l-istandards imsemmija fl-ewwel subparagrafu, mill-1 ta’ Jannar 2012, l-emittenti ta’ pajjiżi terzi jistgħu jippreżentaw l-informazzjoni finanzjarja storika tagħhom skont l-istandards li ġejjin:

(a)

Il-Prinċipji tal-Kontabbiltà Ġeneralment Aċċettati tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina;

(b)

il-Prinċipji tal-Kontabbiltà Ġeneralment Aċċettati tal-Ġappun;

(ċ)

Il-Prinċipji tal-Kontabbiltà Ġeneralment Aċċettati tar-Repubblika tal-Korea.”

(2)

il-paragrafu 5a jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“5a.   L-emittenti ta’ pajjiżi terzi mhumiex suġġetti għal obbligu, skont l-Anness I, punt 20.1; l-Anness IV, punt 13.1; l-Anness VII, punt 8.2; l-Anness X, punt 20.1 jew l-Anness XI, punt 11.1, li jerġgħu jirrappurtaw informazzjoni finanzjarja storika, inkluża fi prospett u rilevanti għas-snin finanzjarji qabel is-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2015, jew wara, jew għal obbligu skont l-Anness VII, punt 8.2(a).; l-Anness IX, punt 11.1; jew l-Anness X, punt 20.1(a)., li jipprovdi deskrizzjoni narrattiva tad-differenzi bejn l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju adottati skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 u l-prinċipji tal-kontabbiltà li skonthom tkun tfasslet it-tali informazzjoni, b’rabta mas-snin finanzjarji qabel is-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2015 jew wara, sakemm l-informazzjoni finanzjarja storika tkun tħejjiet skont il-Prinċipji tal-Kontabbiltà Ġeneralment Aċċettati tar-Repubblika tal-Indja.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64.

(2)  ĠU L 149, 30.4.2004, p. 1.

(3)  ĠU L 340, 22.12.2007, p. 66.

(4)  ĠU L 340, 19.12.2008, p. 112.

(5)  ĠU L 340, 19.12.2008, p. 17.