5.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 99/21


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 302/2012

tal-4 ta’ April 2012

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament dwar l-OKS Unika) (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 103h u 127 flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli li tinkludi s-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat. Skont l-Artikolu 103a tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 flimkien mal-Artikolu 125e ta’ dak ir-Regolament, l-għajnuna tal-Unjoni tista’ tingħata lill-gruppi ta’ produtturi ffurmati fl-Istati Membri li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea riċentiment, fl-iktar reġjuni imbiegħda tal-Unjoni u fil-Gżejjer Minuri tal-Eġew. Dik l-għajnuna għandha tinkoraġġixxi l-formazzjoni ta’ gruppi ta’ produtturi, tiffaċilita l-operat amministrattiv tagħhom u tippermetti lill-gruppi ta’ produtturi biex jilħqu l-kriterji ta’ rikonoxximent għall-organizzazzjonijiet ta’ prodotturi, li huma l-atturi bażiċi tas-settur tal-frott u l-ħaxix.

(2)

L-Artikoli 36 sa 49 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 (2), jistabbilixxu r-regoli ddettaljati fir-rigward ta’ gruppi ta’ produtturi. Sabiex ikunu evitati sitwazzjonijiet li fihom l-operaturi artifiċjalment joħolqu l-kundizzjonijiet sabiex jiksbu pagamenti ta’ għajnuna tal-Unjoni, bl-għan li jinkisbu vantaġġi li jmorru kontra l-objettivi tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, xieraq li l-Istati Membri jintalbu jistabbilixxu regoli li jżommu lill-produtturi milli jaqilbu minn grupp ta’ produtturi għal ieħor biex jibbenefikaw mill-għajnuna tal-Unjoni għal perjodu itwal mill-perjodu msemmi fl-Artikolu 125e(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u biex iżommu lill-Istati Membri milli jirrikonoxxu entitajiet legali jew partijiet definiti b’mod ċar ta’ entitajiet bħal dawn bħala gruppi ta’ produtturi, meta dawn l-entitajiet jistgħu diġà jissodisfaw il-kriterji ta’ rikonoxximent għall-organizzazzjonijiet ta’ produtturi.

(3)

L-Artikolu 125e(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jirrikjedi li gruppi ta’ produtturi jippreżentaw pjan ta’ rikonoxximent f’fażijiet lill-Istat Membru kompetenti. L-Istati Membri għandhom jivvalutaw jekk it-tul ta’ żmien tal-pjan ta’ rikonoxximent propost huwiex twil iż-żejjed mingħajr raġuni u għandhom jitolbu modifiki meta grupp ta’ produtturi jista’ jilħaq il-kriterji ta’ rikonoxximent għall-organizzazzjonijiet ta’ produtturi qabel it-tmiem tal-perjodu tranżizzjonali msemmi fl-Artikolu 125e(1).

(4)

Skont l-Artikolu 39(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kundizzjonijiet li fuqhom il-gruppi ta’ produtturi jistgħu jitolbu tibdiliet fil-pjanijiet waqt l-implimentazzjoni tagħhom. Sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni tajba ta’ dak ir-Regolament u fl-interess tal-prevedibbiltà finanzjarja u l-ġestjoni baġitarja soda, għandhom jiġu stipulati regoli li jistipulaw perċentwali massimu għal żieda proposta tan-nefqa skont pjan ta’ rikonoxximent approvat. Madankollu, għandhom japplikaw limiti differenti għal pjanijiet ta’ rikonoxximent approvati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u fil-każ ta’ amalgamazzjonijiet ta’ gruppi ta’ produtturi.

(5)

Għal raġunijiet ta’ dixxiplina baġitarja u sabiex tkun ottimizzata l-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji b’mod sostenibbli u effettiv, xieraq li jkun previst limitu massimu għall-finanzjament tal-Unjoni tal-għajnuna biex tkun koperta parti mill-investimenti msemmija fl-Artikolu 103(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Għal raġunijiet ta’ sigurtà finanzjarja u ta’ ċertezza legali, għandha titħejja lista ta’ investimenti li ma jistgħux ikunu koperti mill-pjanijiet ta’ rikonoxximent.

(6)

Għal raġunijiet ta’ dixxiplina baġitarja, jeħtieġ ukoll li jkun previst limitu massimu għan-nefqa li għandha tkun iffinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) b’rabta mal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 103a(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u li titwaqqaf sistema ta’ notifika, li permezz tagħha, l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni fir-rigward tal-implikazzjonijiet finanzjarji tal-pjanijiet ta’ rikonoxximent qabel l-approvazzjoni tagħhom.

(7)

Sabiex ikun evitat kwalunkwe arrikkament mhux iġġustifikat meta membru jitlaq lill-grupp ta’ produtturi tiegħu u jibbenefika minn investimenti mill-impriża tiegħu stess, għandhom jiġu stabbiliti regoli li jippermettu lill-grupp ta’ produtturi biex jirkupra l-investiment jew il-valur residwu tal-investiment meta l-perjodu ta’ amortizzazzjoni jkun għadu ma skadix.

(8)

Għall-benefiċċju tal-prevedibbiltà finanzjarja u l-previżjoni baġitarja, xieraq li jkunu previsti regoli aktar dettaljati dwar in-notifiki mill-Istati Membri lill-Kummissjoni rigward l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-pjanijiet ta’ rikonoxximent tal-gruppi ta’ produtturi.

(9)

Il-verifiki għandhom isiru b’mod li jippermettu lill-Istati Membri biex jirreaġixxu malajr għal kwalunkwe abbuż possibbli li jimplika riskju għall-baġit tal-Unjoni. Għal dak l-iskop, xieraq li jissaħħu l-verifiki meta jkunu żvelati irregolaritajiet sinifikanti.

(10)

L-Artikolu 103e tar-Regolament Nru 1234/2007, jistipula li fir-reġjuni tal-Istati Membri fejn il-livell ta’ organizzazzjoni ta’ produtturi huwa partikolarment baxx, l-Istati Membri jistgħu jkunu awtorizzati mill-Kummissjoni, fuq talba sostanzjata kif dovut, biex iħallsu lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi għajnuna finanzjarja nazzjonali ekwivalenti għall-massimu ta’ 80 % tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu 103b(1)(a) ta’ dak ir-Regolament.

(11)

Skont l-Artikolu 103e tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, f’reġjuni tal-Istati Membri fejn l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi jikkummerċjalizzaw inqas minn 15 % mill-produzzjoni tal-frott u tal-ħaxix u li l-produzzjoni tal-frott u tal-ħaxix tagħhom tirrappreżenta mill-inqas 15 % tal-produzzjoni agrikola kollha tagħhom, l-assistenza finanzjarja tista’ tkun rimburżata mill-Unjoni fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat.

(12)

L-Artikolu 92(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula li l-Kummissjoni għandha tapprova jew tirrifjuta t-talba għall-awtorizzazzjoni sabiex tingħata assistenza finanzjarja nazzjonali fi żmien tliet xhur mill-preżentazzjoni tagħha. Jekk il-Kummissjoni ma tweġibx matul dan il-perjodu t-talba għandha tkun meqjusa li kienet approvata. Madankollu, il-perjodu ta’ tliet xhur jista’ jkun sospiż meta Stat Membru jagħmel talba mhux kompluta.

(13)

L-esperjenza wriet li l-proċedura għall-adozzjoni u n-notifika lill-Istat Membru ta’ Deċiżjoni tal-Kummissjoni ħafna drabi tirrikjedi iktar minn tliet xhur u li d-data attwali li minn meta talba tkun meqjusa approvata mhux dejjem tista’ tkun identifikata. Għall-benefiċċju taċ-ċertezza legali, xieraq li jkun previst li l-Kummissjoni tapprova jew tirrifjuta t-talba permezz ta’ Deċiżjoni formali.

(14)

L-Artikolu 103e tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jillimita l-proporzjon tal-assistenza finanzjarja li jista’ jkun awtorizzat għal massimu ta’ 80 % tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji magħmula mill-membri ta’ organizzazzjoni ta’ produtturi jew mill-organizzazzjoni ta’ produtturi stess. L-Artikolu 95(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jillimita l-proporzjoni tar-rimborż tal-Unjoni tal-assistenza finanzjarja nazzjonali għal 60 % tal-assistenza finanzjarja nazzjonali mogħtija lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi. Għal raġunijiet ta’ dixxiplina baġitarja, jeħtieġ li jkun stipulat limitu massimu ta’ assistenza finanzjarja nazzjonali li jista’ jkun rimborżat mill-Unjoni b’riferiment għall-ammont massimu tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni li tista’ tingħata għall-fondi operazzjonali mwaqqfa mill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi.

(15)

Għall-benefiċċju tas-simplifikazzjoni, xieraq li tkun irfinuta l-proċedura għan-notifika tal-prezzijiet tal-produtturi tal-frott u l-ħaxix fis-suq intern fuq bażi volontarja.

(16)

Għaldaqstant ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 għandu jiġi emendat skont dan.

(17)

Sabiex ikun żgurat li l-aspettattivi leġittimi tal-produtturi huma rispettati, jeħtieġ li jkun stipulat li ċerti emendi magħmula minn dan ir-Regolament ma japplikawx għall-pjanijiet ta’ rikonoxximent li kienu aċċettati qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, sabiex tkun ikkontrollata n-nefqa baġitarja u biex ikunu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn l-operaturi ekonomiċi, għandu jkun previst li pjanijiet ta’ rikonoxximent li kienu aċċettati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, għandhom ikunu trattati bl-istess mod bħall-pjanijiet ta’ rikonoxximent adottati wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, fir-rigward tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-għajnuna msemmija fl-Artikolu 103a(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, fejn il-gruppi ta’ produtturi konċernati għadhom ma tawx l-impenn finanzjarju tagħhom jew għadhom ma daħlux f’arranġamenti legalment vinkolanti ma’ partijiet terzi fir-rigward tal-investimenti rilevanti qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(18)

Sabiex tkun żgurata t-tranżizzjoni mingħajr xkiel għar-regoli l-ġodda applikabbli għar-rimborż mill-Unjoni tal-assistenza finanzjarja nazzjonali, l-emenda rilevanti magħmula minn dan ir-Regolament ma għandhiex tapplika għal sitwazzjonijiet fejn it-talba għall-awtorizzazzjoni biex titħallas l-assistenza finanzjarja nazzjonali tkun ġiet approvata mill-Kummissjoni qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, iżda meta l-Kummissjoni tkun għadha ma ddeċidietx dwar ir-rimborż. F’dawn is-sitwazzjonijiet, l-Artikolu 95(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 għandu jkompli japplika daqslikieku mhux emendat minn dan ir-Regolament.

(19)

Sabiex tkun ikkontrollata n-nefqa tal-Unjoni għas-settur tal-frott u l-ħaxix, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu.

(20)

Il-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli ma tax opinjoni fi żmien l-iskadenza stabbilita mill-President teigħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 36(2) jiżdied il-punt (e) li ġej:

“(e)

ir-regoli biex ikun evitat li produttur jibbenefika mill-assistenza tal-Unjoni għall-gruppi ta’ produtturi għal perjodu itwal minn 5 snin.”

(2)

Fl-Artikolu 37, jiżdied it-tieni paragrafu li ġej:

“L-investimenti msemmija fil-punt (c) tal-ewwel paragrafu ma għandhomx jinkludu l-investimenti elenkati fl-Anness Va”

(3)

L-Artikolu 38 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tieħu waħda mid-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi abbozz ta’ pjan ta’ rikonoxximent flimkien mal-provi dokumentati kollha. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal limitu iqsar taż-żmien.”

(b)

Il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Wara l-verifiki tal-konformità msemmija fl-Artikolu 111, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha, skont kif xieraq:

(a)

taċċetta b’mod provviżorju l-pjan u tagħti rikonoxximent preliminari;

(b)

titlob tibdiliet għall-pjan, inklużi tibdiliet b’relazzjoni mat-tul ta’ żmien tagħhom. B’mod partikolari, l-Istat Membru għandu jivvaluta jekk il-fażijiet proposti humiex twal mingħajr raġuni u għandu jitlob modifiki meta grupp ta’ produtturi jista’ jissodisfa l-kriterji ta’ rikonoxximent għall-organizzazzjonijiet ta’ produtturi qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin imsemmi fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 125e(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007;

(c)

tiċħad il-pjan, speċjalment fil-każ meta l-entitajiet legali jew partijiet definiti b’mod ċar ta’ dawn l-entitajiet li japplikaw għal rikonoxximent preliminari bħala gruppi ta’ produtturi diġà jissodisfaw il-kriterji għar-rikonoxximent bħala organizzazzjoni ta’ produtturi.

L-aċċettazzjoni provviżorja tista’, fejn ikun meħtieġ, tingħata biss jekk il-bidliet mitluba skont il-punt (b) ikunu ġew inkorporati fil-pjan.”

(c)

Jiżdiedu l-paragrafi 4, 5 u 6 li ġejjin:

“4.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tinnotifika lill-Kummissjoni, sal-1 ta’ Lulju ta’ kwalunkwe sena partikolari, dwar id-deċiżjonijiet li provviżorjament jaċċettaw il-pjanijjjiet ta’ rikonoxximent u l-implikazzjonijiet finanzjarji ta’ dawk il-pjanijiet, bl-użu tal-mudelli stabbiliti fl-Anness Vb.

5.   Ladarba jkunu stipulati l-koeffiċjenti ta’ allokazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 47(4), l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tipprovdi lill-grupi ta’ produtturi kkonċernati b’opportunità li jemendaw jew jirtiraw il-pjanijiet ta’ rikonoxximent tagħhom Meta grupp ta’ produtturi ma jirtirax il-pjan tiegħu, l-awtorità kompetenti għandha taċċetta dan il-pjan b’mod definit suġġett għal tali emendi li l-awtorità kompetenti tista’ tikkunsidra neċessarji.

6.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tgħarraf lill-entità legali jew lill-parti ta’ -entità legali ddefinita b’mod ċar bid-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafi 3 u 5”.

(4)

Fl-Artikolu 39, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li bihom il-gruppi ta’ produtturi jistgħu jitolbu li jsiru bidliet fil-pjanijiet matul l-implimentazzjoni tagħhom. Dawn it-talbiet għandu jkollhom magħhom il-provi dokumentati kollha meħtieġa.

L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar il-kundizzjonijiet li bihom il-pjanijiet ta’ rikonoxximenti jistgħu jkunu emendati matul taqsima annwali jew taqsima semestrali mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru. Dawn il-bidliet għandhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna biss jekk il-grupp tal-produtturi jgħarraf lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru bihom minnufih.

Il-gruppi ta’ produtturi jistgħu jkunu awtorizzati mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, matul sena partikolari u fir-rigward ta’ dik is-sena, li jżidu l-ammont totali tan-nefqa stabbilita fil-pjan ta’ rikonoxximent b’massimu ta’ 5 % tal-ammont totali approvat inizjalment jew li jnaqqsuh b’perċentwali massimu li għandu jkun stabbilit mill-Istati Membri, fiż-żewġ każijiet, sakemm l-objettivi kumplessivi tal-pjan ta’ rikonoxximent jinżammu u sakemm in-nefqa kumplessiva tal-Unjoni fil-livell tal-Istat Membru kkonċernat ma taqbiżx l-ammont tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni allokata għal dak l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 47(4).

Fil-każ ta’ amalgamazzjonijiet ta’ gruppi ta’ produtturi kif imsemmi fl-Artikolu 48, il-limitu ta’ 5 % għandu japplika għall-ammont totali tan-nefqa stabbilit fil-pjanijiet ta’ rikonoxximent tal-gruppi ta’ produtturi amalgamati.”

(5)

Fl-Artikolu 44, jiżdied it-tielet paragrafu kif ġej:

“L-investimenti jistgħu jkunu implimentati fuq azjendi individwali u/jew binjiet ta’ membri produtturi tal-grupp ta’ produtturi, sakemm dawn jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-pjan ta’ rikonoxximent. Jekk il-membru jitlaq mill-grupp ta’ produtturi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-investiment u l-valur residwu tiegħu, meta l-perjodu ta’ ammortizzazzjoni għadu ma skadix, jiġi rkuprat.”

(6)

L-Artikolu 47 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 47

Kontribuzzjoni tal-Unjoni

1.   Suġġett għall-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-għajnuna kif imsemmija fl-Artikolu 103a(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandu jammonta għal:

(a)

75 % fir-reġjuni li huma eliġibbli skont l-Objettiv ta’ Konverġenza; kif ukoll

(b)

50 % f’reġjunijiet oħra.

L-Istat Membru jista’ jħallas l-għajnuna nazzjonali tiegħu bħala ħlas b’rata fissa. Mhux se tkun meħtieġa fl-applikazzjoni l-inklużjoni ta’ provi dwar l-użu tal-għajnuna.

2.   Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-għajnuna kif imsemmija fl-Artikolu 103a(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, mogħti f’termini ta’ għotja kapitali jew ta’ ekwivalenti ta’ għotja kapitali, m’għandux ikun ta’ iktar minn, bħala perċentwali tal-ispejjeż eliġibbli tal-investiment:

(a)

50 % fir-reġjuni li huma eliġibbli skont l-Objettiv ta’ Konverġenza; kif ukoll

(b)

30 % fir-reġjuni l-oħra.

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jintrabtu li jikkontribwixxu tal-inqas 5 % tal-ispejjeż eliġibbli tal-investiment.

Il-benefiċjarji tal-għajnuna għall-ispejjeż eliġibbli tal-investiment għandhom iħallsu tal-inqas:

(a)

25 % fir-reġjuni li huma eliġibbli skont l-Objettiv ta’ Konverġenza; kif ukoll

(b)

45 % fir-reġjuni l-oħra.

3.   Suġġett għall-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-għajnuna msemmi fl-Artikolu 103a(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandu jkun determinat għal kull grupp ta’ produtturi abbażi tal-valur tiegħu ta’ produzzjoni kkumerċjalizzata u għandu jkun suġġett għar-regoli li ġejjin:

(a)

fir-rigward ta’ gruppi ta’ produtturi fi Stati Membri li saru Membri tal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 jew wara, ma għandu japplika l-ebda limitu fl-ewwel sentejn tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ rikonoxximent tagħhom, u għandu japplika limitu ta’ 70 %, 50 % u 20 % tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata fit-tielet, fir-raba’ u fil-ħames sena ta’ implimentazzjoni tal-pjan ta’ rikonoxximent tagħhom rispettivament;

(b)

fir-rigward ta’ gruppi ta’ produtturi fir-reġjuni l-iktar imbiegħda tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 349 tat-Trattat jew fil-Gżejjer Minuri tal-Eġew kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 (*1), il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għandha tkun limitata għal 25 %, 20 %, 15 %, 10 % u 5 % tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata fl-ewwel, fit-tieni, fit-tielet, fir-raba’ u fil-ħames sena tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ rikonoxximent tagħhom rispettivament.

4.   In-nefqa totali għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni għal għajnuna msemmija fl-Artikolu 103a tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 ma għandhiex taqbeż l-EUR 10 000 000 għal kull sena kalendarja.

Abbażi tan-notifiki msemmija fl-Artikolu 38(4), il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi koeffiċjenti ta’ allokazzjoni u tistabbilixxi t-total disponibbli tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għal kull Stat Membru kull sena abbażi ta’ dawk il-koeffiċjenti. Jekk għal kwalunkwe sena, l-ammont totali li jirriżulta min-notifiki msemmija fl-Artikolu 38(4), ma jaqbiżx l-ammont masimu tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, il-koeffiċjent tal-allokazzjoni għandu jkun stabbilit fil-livell ta’ 100 %

Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għandha tingħata skont il-koeffiċjent tal-allokazzjoni msemmi fit-tieni subparagrafu. Ma għandha tingħata l-ebda kontribuzzjoni tal-Unjoni fir-rigward ta’ pjanijiet ta’ rikonoxximent li ma kinux innotifikati skont l-Artikolu 38(4).

Ir-rata tal-kambju applikabbli għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni għal kull Stat Membru għandha tkun l-iktar rata riċenti ippubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew qabel id-data prevista fl-Artikolu 38(4).

(*1)   ĠU L 265, 26.9.2006, p. 1.” "

(7)

Fl-Artikolu 92, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-Kummissjoni għandha tapprova jew tiċħad it-talba permezz ta’ Deċiżjoni fi żmien tliet xhur. Dak il-perjodu għandu jibda fil-ġurnata wara dik meta l-Kummissjoni tkun irċeviet talba kompluta. Jekk il-Kummissjoni ma titlobx informazzjoni addizzjonali fi żmien il-perjodu ta’ tliet xhur, it-talba għandha tkun meqjusa kompluta.”

(8)

Fl-Artikolu 95(4), tiżdied is-sentenza li ġejja:

“L-ammont rimborżat ma għandux jaqbeż 48 % tal-assistenza finanzjarja msemmija fl-Artikolu 103b(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.”

(9)

Fl-Artikolu 97, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

sal-31 ta’ Jannar ta’ kwalunkwe sena, l-ammonti finanzjarji li jikkorrispondu għal kull perjodu annwali li jmiss tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ rikonoxximent inkluża s-sena ta’ implimentazzjoni kurrenti. Għandhom jingħataw l-ammonti approvati jew dawk stmati. In-notifika għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja għal kull grupp ta’ produtturi u kull perjodu annwali li jmiss tal-implimentazzjoni tal-pjan:

(i)

l-ammont totali tal-perjodu annwali tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ rikonoxximent, il-kontribuzzjonijiet mill-Unjoni, l-Istati Membri u l-gruppi ta’ produtturi u/jew il-membri tal-gruppi ta’ produtturi;

(ii)

it-tqassim tal-għajnuna msemmija rispettivament fl-Artikolu 103a(1)(a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.”

(10)

Fl-Artikolu 98, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   In-notifiki msemmija fil-paragrafu 3 għandhom isiru skont il-mudelli li l-Kummissjoni tkun għamlet disponibbli għall-Istati Membri. Dawn il-mudelli ma għandhomx japplikaw sakemm ma jkunx ġie infurmat il-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli.”

(11)

Fl-Artikolu 112, jiddaħħlu l-paragrafi 3a u 3b li ġejjin:

“3a.   Ir-riżultati tal-verifiki fuq il-post imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom ikunu evalwati biex ikun stabbilit jekk kwalunkwe problema li tinqala’ hijiex ta’ natura sistemika, bil-possibbiltà ta’ irregolaritajiet fir-rigward ta’ azzjonijiet, benefiċjarji jew entitajiet simili. L-evalwazzjoni għandha tidentifika wkoll il-kawżi ta’ dawn is-sitwazzjonijiet, kwalunkwe eżami ieħor li jista’ jkun meħtieġ, u l-azzjoni korrettiva u preventiva meħtieġa.

Jekk il-verifiki jiżvelaw irregolaritajiet sinifikanti f’reġjun jew f’parti minn reġjun jew għal grupp ta’ produtturi speċifiku, l-Istat Membru għandu jwettaq verifiki addizzjonali matul is-sena kkonċernata u għandu jżid il-perċentwali ta’ applikazzjonijiet korrispondenti li għandhom ikunu vverifikati fis-sena ta’ wara.

3b.   L-Istat Membru għandu jiddeċiedi liema gruppi ta’ produtturi għandhom isirulhom il-verifiki fuq il-post abbażi ta’ analiżi tar-riskju.

L-analiżi tar-riskju għandha tqis b’mod partikulari:

(a)

l-ammont tal-għajnuna;

(b)

ir-riżultati tal-verifiki fis-snin ta’ qabel;

(c)

element li jiżgura l-każwalità; kif ukoll

(d)

parametri oħra li jridu jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.”

(12)

Jiżdied l-Anness Va, kif stipulat fl-Anness I għal dan ir-Regolament.

(13)

Jiżdied l-Anness Vb, kif stabbilit fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.   Il-punti (2), (3)(b) u (12) tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament ma għandhomx japplikaw għal pjanijiet ta’ rikonoxximent li kienu aċċettati qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-punt 6 tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, fir-rigward tal-Artikolu 47(3) u (4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, ma għandux japplika għal pjanijiet ta’ rikonoxximent li kienu aċċettati qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u li fir-rigward tiegħu jew:

(a)

il-grupp ta’ produtturi kkonċernat diġà ta l-impenn finanzjarju tiegħu inkella daħal f’arranġament legalment vinkolanti ma’ partijiet terzi fir-rigward ta’ investimenti rilevanti msemmja fl-Artikolu 103a(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, jew

(b)

il-pjan ta’ rikonoxximent konċernat ikopri biss l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 103a(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

3.   Għal pjanijiet ta’ rikonoxximent aċċettati qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament iżda li fir-rigward tiegħu il-grupp ta’ produtturi għadu ma kkommettix ruħu finanzjarjament jew għadu ma daħalx f’arranġamenti legalment vinkolanti ma’ partijiet terzi fir-rigward ta’ investimenti rilevanti qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

sal-1 ta’ Lulju 2012, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tinnotifika lill-Kummissjoni dwar pjanijiet ta’ rikonoxximent li għalihom japplika dan il-paragrafu;

(b)

meta tistabbilixxi l-koeffiċjenti ta’ allokazzjoni f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 47(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra n-notifiki li jkunu waslu skont il-punt (a) ta’ dan il-paragrafu. Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-għajnuna msemmija fl-Artikolu 103a(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandha tingħata f’konformità ma’ dawk il-koeffiċjenti ta’ allokazzjoni;

(c)

il-koeffiċjenti ta’ allokazzjoni kif stipulat f’konformità mat-tieni sunparagrafu tal-Artikolu 47(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, ma għandhomx japplikaw fir-rigward tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 103a(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007;

(d)

ladarba jkunu stipulati l-koeffiċjenti ta’ allokazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 47(4) tar-Regolament ta’ Imlimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tipprovdi lill-gruppi ta’ produtturi li għalihom japplika dan il-paragrafu b’opportunità li jemendaw jew jirtiraw il-pjanijiet ta’ rikonoxximent tagħhom. Fil-każ ta’ rtirar, in-nefqa imġarrba mill-grupp ta’ produtturi wara l-aċċettazzjoni inizjali tal-pjan fir-rigward tal-formazzjoni u l-amministrazzjoni tiegħu, għandha tkun rimborżata mill-Unjoni sa ammont li ma jaqbiżx it-3 % tal-għajnuna li l-grupp ta’ produtturi jkun intitolat għaliha skont l-Artikolu 103a(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, jekk il-pjan ta’ rikonoxximent tagħhom ikun ġie implimentat.

4.   Il-punt (8) tal-Artikolu 1 ma għandux japplika għal każijiet meta t-talba għall-awtorizzazzjoni biex titħallas l-assistenza finanzjarja nazzjonali tkun approvata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 92(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, iżda meta l-Kummissjoni tkun għadha ma ddeċidietx dwar ir-rimborż tal-Unjoni tal-assistenza finanzjarja nazzjonali skont l-Artikolu 95 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011.

Artikolu 3

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ April 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)   ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS I

“ANNESS Va

INVESTIMENTI MHUX ELIĠIBBLI MSEMMIJA FIT-TIENI PARAGRAFU TAL-ARTIKOLU 37

1.

Investimenti f’mezzi ta’ trasport li se jintużaw għall-kummerċjalizzazzjoni jew id-distribuzzjoni mill-grupp ta’ produtturi, għajr għal:

(a)

investimenti f’mezzi interni tat-trasport; fil-mument tax-xiri, il-grupp ta’ produtturi għandu jiġġustifika b’mod xieraq mal-Istat Membru kkonċernat li l-investimenti għandhom jintużaw biss għat-trasport intern.

(b)

tagħmir addizzjonali ta’ fuq il-vetturi għall-ħżin imkessaħ jew mezzi tat-trasport f’atmosfera kkontrollata.

2.

Xiri ta’ art li tiswa’ iktar minn 10 % tal-infiq kollu eliġibbli fuq l-operazzjoni kkonċernata u li mhijiex mibnija, għajr meta x-xiri jkun meħtieġ sabiex jitwettaq investiment inkluż fil-pjan ta’ rikonoxximent;

3.

Tagħmir sekondaman li kien mixtri permezz ta’ assistenza mill-Unjoni jew dik nazzjonali matul is-seba’ snin preċedenti.

4.

Kiri, sakemm l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru taċċetta l-kiri bħala alternattiva għax-xiri ġġustifikata ekonomikament.

5.

Xiri ta’ proprjetà ta’ beni immobbli li kienet mixtrija permezz ta’ assistenza mill-Unjoni jew nazzjonali matul l-10 snin preċedenti.

6.

Investimenti f’ishma.

7.

Investimenti jew tipi simili ta’ azzjonijiet barra l-ażjendi u/jew il-binjiet ta’ grupp ta’ produtturi jew tal-membri tiegħu.”

ANNESS II

“ANNESS Vb

Mudelli għan-notifika għal kull grupp ta’ produtturi kif imsemmi fl-Artikolu 38(4)

Image 1
Test ta 'immaġni
Image 2
Test ta 'immaġni