5.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 99/17


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 300/2012

tat-2 ta’ April 2012

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda mehmuża mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid kwalunkwe suddiviżjoni magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet tal-Unjoni speċifiċi, bil-għan tal-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti msemmija fil-kolonna (1) tat-tabella li tinsab fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jkun stipulat li informazzjoni tariffarja li torbot u li nħarġet mill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri, rigward il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda, iżda li mhijiex skont dan ir-Regolament tkun tista’, għal perjodu ta’ tliet xhur, tibqa’ tkun invokata mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2).

(5)

Il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali ma tax opinjoni saż-żmien iffissat mill-President tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella li tinsab fl-Anness għandhom ikunu klassifikati fi ħdan in-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2) ta’ dik it-tabella.

Artikolu 2

Informazzjoni tariffarja li torbot maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tista’ tibqa’ tkun invokata għal perjodu ta’ tliet xhur taħt l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jkun vinkolanti fit-totalità tiegħu, u direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ April 2012.

Għall-Kummissjoni, F’isem il-President,

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)   ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Stand ta’ għamla rettangolari b’qies ta’ madwar 55 × 31 cm, magħmul minn ħġieġ ta’ silika oħra mgħaqqda bis-sħana, ta’ ħxuna ta’ 8 mm.

L-istand jinkludi ċilindru tal-ħġieġ għoli 5 cm b’dijametru ta’ 5,5 cm u saljatura għall-immontar (mounting bracket) iddisinjata speċifikament għal dan l-iskop.

Konsol magħmul mill-plastik ta’ għamla rettangolari ta’ qies ta’ madwar 17 × 10 × 2,5 cm huwa mqabbad mas-saljatura tal-immuntar.

L-istand jintuża bħala appoġġ għal sett tat-televixin li jitpoġġa, pereżempju, fuq mejda

 (*1) Ara l-istampa.

7020 00 10

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1, 3(b) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, u l-kliem tal-kodiċi NM 7020 00  u 7020 00 10 .

Il-preżenza tal-istand mhijiex indispensabbli għall-funzjonament ta’ sett tat-televixin tal-intestatura 8528 . Għalhekk, il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8529 bħala parti adattata biss jew prinċipalment biex tintuża mat-tagħmir tal-intestaturi 8525 sa 8528 , hija eskluża.

Għalhekk l-istand għandu jiġi klassifikat skont il-materjal kostitwenti li jagħtih il-karattru essenzjali tiegħu (tal-ħġieġ).

Għalhekk il-prodott għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 7020 00 10 bħala prodotti oħra magħmulin mill-ħġieġ ta’ silika oħra mgħaqqda bis-sħana.

Image 1

(*1)  L-istampa għandha tintuża biss għal raġunijiet ta’ informazzjoni.