15.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 75/6


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 220/2012

tal-14 ta’ Marzu 2012

li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 967/2006 rigward l-iskadenzi għall-komunikazzjoni tal-kwantitajiet taz-zokkor trasferiti ’l quddiem mis-sena tas-suq 2011/2012

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) [Ir-Regolament dwar l-OKS Unika] (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 85, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 967/2006 tad-29 ta’ Ġunju 2006 jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 fir-rigward tal-produzzjoni taz-zokkor li taqbeż il-kwota (2), jistabbilixxi skadenzi li fihom l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-kwantitajiet taz-zokkor li se jittrasferixxu għas-sena tas-suq li jmiss.

(2)

Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 63(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 214/2012 (3) estiża, għas-sena tas-suq 2011/2012, il-limiti taż-żmien li fihom l-Istati Membri jiddeterminaw l-iskadenza li fiha l-operaturi għandhom jikkomunikaw id-deċiżjoni tagħhom lill-Istati Membri sabiex jittrasferixxu ‘l quddiem il-produzzjoni taz-zokkor żejjed.

(3)

Konsegwentament, l-iskadenzi li fihom l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-kwantitajiet li jkunu sejrin jittrasferixxu għas-sena ta’ wara, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 967/2006, għandhom jiġu trasferiti kif xieraq.

(4)

Huwa għalhekk meħtieġ li ssir deroga, għas-sena tas-suq 2011/2012, mill-iskadenzi ffissati fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 967/2006.

(5)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Permezz ta’ deroga mill-punti (a) u (b) tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 967/2006, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Settembru 2012, il-kwantitajiet ta’ zokkor tal-pitravi u tal-kannamieli mis-sena tas-suq 2011/2012 li għandhom jiġu trasferiti għas-sena tas-suq li jmiss.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jiskadi fit-30 ta’ Settembru 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Marzu 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)   ĠU L 176, 30.6.2006, p. 22.

(3)   ĠU L 74, 14.3.2012, p. 3.