1.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 59/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 173/2012

tad-29 ta’ Frar 2012

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 185/2010 fir-rigward ta' kjarifika u simplifikazzjoni ta' ċerti miżuri speċifiċi tas-sigurtà tal-avjazzjoni

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-esperjenza miksuba bl-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 185/2010 tal-4 ta’ Marzu 2010 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni (2) uriet il-ħtieġa ta’ emendi żgħar fil-modalitajiet ta’ implimentazzjoni ta’ ċerti standards bażiċi komuni.

(2)

Dan jikkonċerna l-kjarifika jew is-simplifikazzjoni ta’ ċerti miżuri speċifiċi tas-sigurtà tal-avjazzjoni sabiex titjieb iċ-ċarezza legali, ikun hemm standardizzazzjoni tal-interpretazzjoni komuni tal-leġiżlazzjoni u sabiex tkompli tiġi żgurata l-aħjar implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni għas-sigurtà tal-avjazzjoni.

(3)

L-emendi jikkonċernaw l-implimentazzjoni ta’ numru limitat ta’ miżuri fir-rigward tal-kontroll fuq l-aċċess, sorveljanza u rondi, skrinjar tal-passiġġieri u bagalji tal-istiva, kontrolli tas-sigurtà għall-merkanzija, posta, provvisti għal matul it-titjira u provvisti tal-ajruport, taħriġ tal-persuni u tagħmir ta’ sigurtà.

(4)

Ir-Regolament (UE) Nru 185/2010 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ċivili,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness għar-Regolament (UE) Nru 185/2010 huwa emendat skont l-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Frar 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72.

(2)  ĠU L 55, 5.3.2010, p. 1.


ANNESS

L-Anness għar-Regolament (UE) Nru 185/2010 huwa emendat kif ġej:

1.

Il-punt 1.1.3.4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.1.3.4

Kull meta persuni mhux skrinjati, jew passiġġieri u membri tal-ekwipaġġ li ġejjin minn pajjiżi terzi, minbarra dawk imsemmija fid-Dokument Mehmuż 4-B, jista’ jkun li kellhom aċċess għal partijiet kritiċi, għandha titwettaq tfittxija ta’ sigurtà minnufih fil-partijiet li setgħu ġew kontaminati sabiex jiġi żgurat, b’mod raġonevoli, li ma fihomx oġġetti projbiti.

Il-paragrafu 1 għandu jitqies li ġie sodisfat għall-inġenji tal-ajru li jkunu soġġetti għal tfittxija ta' sigurtà tal-inġenji tal-ajru.

Il-paragrafu 1 ma għandux japplika meta persuni koperti bil-punt 1.3.2 u l-punt 4.1.1.7 seta’ kellhom aċċess għal partijiet kritiċi.

Fir-rigward ta’ passiġġieri u ta’ membri tal-ekwipaġġ li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi, minbarra dawk elenkati fid-Dokument Mehmuż 4-B, il-paragrafu 1 għandu japplika biss għal dawk il-partijiet kritiċi użati minn bagalji tal-istiva skrinjati u/jew passiġġieri skrinjati li jkunu se jitilqu, li ma jkunux se jitilqu fuq l-istess inġenju tal-ajru ta’ dawn il-passiġġieri u membri tal-ekwipaġġ.”

2.

Il-paragrafu li ġej jiżdied mal-punt 1.2.2.2:

“Minflok, jista’ jingħata wkoll aċċess wara identifikazzjoni pożittiva permezz ta' verifika ta’ dejta bijometrika.”

3.

Il-paragrafu li ġej jiżdied mal-punt 1.2.2.4:

“Meta tintuża identifikazzjoni bijometrika, il-verifikazzjoni għandha tiżgura li l-persuna li tkun qed tfittex aċċess għal żoni ta’ sigurtà ristretta jkollha waħda mill-awtorizzazzjonijiet elenkati fil-punt 1.2.2.2 u li din l-awtorizzazzjoni tkun valida u ma tkunx ġiet diżattivata.”

4.

Jiddaħħal il-punt 1.2.6.9 li ġej:

“1.2.6.9

Vetturi li jintużaw biss fiż-żona tal-ajru u li ma jkollhom l-ebda permess li jsuqu f'toroq pubbliċi jistgħu jkunu eżentati mill-applikazzjoni tal-punti 1.2.6.2 sa 1.2.6.8 jekk fuq barra jkollhom immarkat b'mod ċar li huma vetturi operazzjonali użati f'dak l-ajruport.”

5.

Dan li ġej jiżdied fl-aħħar tal-Punt 1.2.7.1 (c):

“; u

(d)

id-distanzi bejn it-terminal jew il-punt ta' aċċess u l-inġenju tal-ajru li fuqu l-membri tal-ekwipaġġ ikunu waslu jew ikunu se jitilqu.”

6.

Il-punt 1.5.2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.5.2.

Il-frekwenza tat-twettiq tas-sorveljanza u l-għassa, u l-mezzi li permezz tagħhom jitwettaq dan, għandhom jiġu bbażati fuq valutazzjoni tar-riskji u għandhom jiġu approvati mill-awtorità xierqa. Dawn għandhom iqisu:

(a)

id-daqs tal-ajruport, inkluż l-għadd u n-natura tal-operazzjonijiet; u

(b)

il-lejawt tal-ajruport, b'mod partikolari l-interrelazzjoni bejn iż-żoni stabbiliti fl-ajruport; u

(c)

il-possibbiltajiet u l-limitazzjonijiet tal-mezzi għat-twettiq tas-sorveljanza, u l-għassa.

Il-partijiet tal-valutazzjoni tar-riskji relatati mal-frekwenza u l-mezzi għat-twettiq tas-sorveljanza u l-għassa għandhom, meta mitluba, jiġu provduti bil-miktub għal finijiet ta' monitoraġġ tal-konformità.”

7.

Il-punt 4.1.3.4 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

miksub minn żona tal-ajru lil hinn mill-punt fejn jiġu kontrollati l-karti tat-tlugħ, minn ħwienet li huma soġġetti għal proċeduri approvati tas-sigurtà bħala parti mill-programm tas-sigurtà tal-ajruport, bil-kundizzjoni li l-LAG ikun ippakkjat fi STEB li fih ikunu jidhru provi sodisfaċenti li jkun inxtara miż-żona tal-ajru ta' dak l-ajruport sa 24 siegħa qabel; jew”;

(b)

il-punti (e) u (f) huma sostitwiti b'dan li ġej:

“(e)

inkiseb minn ajruport ieħor tal-Unjoni, bil-kundizzjoni li l-LAG ikun ippakkjat fi STEB li fih ikunu jidhru provi sodisdaċenti li jkun inxtara miż-żona tal-ajru ta’ dak l-ajruport sa 24 siegħa qabel; jew

(f)

inkiseb abbord inġenju tal-ajru ta' trasportatur tal-ajru tal-UE, bil-kundizzjoni li l-LAG ikun ippakkjat fi STEB li fih ikunu jidhru provi sodisfaċenti li jkun inxtara abbord dak l-inġenju tal-ajru sa 24 siegħa qabel; jew”

8.

Il-punt 5.3.3.2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.3.3.2.

Bagalji tal-istiva li jsiru bagalji mhux akkumpanjati minħabba fatturi għajr dawk imsemmija fil-punt 5.3.2 għandhom jitneħħew mill-inġenju tal-ajru u jerġgħu jiġu skrinjati qabel ma jerġgħu jitgħabbew.”

9.

Il-punt 6.0.2. huwa sostitwit b'dan li ġej:

“6.0.2.

Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala oġġetti projbiti f’kunsinni tal-merkanzija u tal-posta:

apparat esplożiv u inċendjarju armat li ma jinġarrx skont ir-regoli tas-sikurezza applikabbli.”

10.

Il-punt 6.0.3 jitħassar.

11.

Il-punt 6.3.2.6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“6.3.2.6.

Id-dokumentazzjoni għandha tkun disponibbli għal spezzjoni mill-awtorità xierqa fi kwalunkwe ħin qabel ma l-kunsinna titgħabba fuq l-inġenju tal-ajru u wara, għal kemm iddum it-titjira jew għal 24 siegħa, skont liema minnhom tkun l-itwal, u għandha tipprovdi t-tagħrif li ġej:

(a)

l-identifikatur alfanumeriku uniku tal-aġent regolat kif ikun wasal mingħand l-awtorità xierqa;

(b)

identifikatur uniku tal-kunsinna, bħalma huwa n-numru tal-polza tal-ajru (house jew master);

(c)

il-kontenut tal-kunsinna, ħlief għall-kunsinni elenkati fil-punti 6.2.3 (d) u (e) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 774 finali tat-13 ta' April 2010 (*);

(d)

l-istatus tas-sigurtà tal-kunsinna, li jindika:

‘SPX’, jiġifieri sikur għall-inġenji tal-ajru tal-passiġġieri, tal-merkanzija u tal-posta; jew

‘SCO’, jiġifieri sikur għall-inġenji tal-ajru tal-merkanzija u tal-posta biss; jew

‘SHR’, jiġifieri sikur għall-inġenji tal-ajru tal-passiġġieri, tal-merkanzija u tal-posta kollha skont rekwiżiti ta' riskju għoli;

(e)

ir-raġuni li għaliha nħareġ l-istatus tas-sigurtà, li tindika:

‘KC’, jiġifieri wasal mingħand kunsinnatur magħruf; jew

‘AC’, jiġifieri wasal mingħand kunsinnatur in konto; jew

il-mezz jew il-metodu li ntuża għall-iskrinjar; jew

ir-raġunijiet għaliex il-kunsinna ġiet eżentata mill-iskrinjar.

(f)

isem il-persuna li ħarġet l-istatus tas-sigurtà, jew identifikazzjoni ekwivalenti, u d-data u l-ħin ta’ meta nħarġet;

(g)

l-identifikatur uniku li jkun wasal mingħand l-awtorità xierqa, ta' kwalunkwe aġent regolat li jkun aċċetta l-istatus tas-sigurtà mogħti lil kunsinna mingħand aġent regolat ieħor.

(*)  Mhux pubblikata.”"

12.

Il-punt 6.3.2.7. huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.3.2.7

Fil-każ tal-konsolidazzjonijiet, se jitqies li r-rekwiżiti fil-punti 6.3.2.5 u 6.3.2.6 ikunu ntlaħqu jekk:

(a)

l-aġent regolat li jagħmel il-konsolidazzjoni iżomm l-informazzjoni meħtieġa fil-punti 6.3.2.6(a) sa (g) għal kull kunsinna individwali għal kemm iddum it-titjira (titjiriet) jew għal 24 siegħa, skont liema minnhom tkun l-itwal; u

(b)

id-dokumentazzjoni li takkumpanja l-konsolidazzjoni tinkludi l-identifikatur alfanumeriku tal-aġent regolat li jkun wettaq il-konsolidazzjoni, identifikatur uniku tal-konsolidazzjoni u l-istatus ta’ sigurtà tiegħu.

Il-punt (a) ma għandux ikun meħtieġ għal konsolidazzjonijiet li jkunu dejjem soġġetti għal skrinjar jew li jkunu eżentati minn skrinjar skont il-punti 6.2.3(d) u (e) tad-Deċiżjoni C(2010) 774 jekk l-aġent regolat jagħti lill-konsolidazzjoni identifikatur uniku u jindika l-istatus ta’ sigurtà u raġuni waħda għaliex dan l-istatus ta’ sigurtà ġie maħruġ.”

13.

Il-punt 6.6.1.1 (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

il-kunsinni għandhom jiġu ppakkjati jew issiġġillati mill-aġent regolat, mill-kunsinnatur magħruf jew mill-kunsinnatur in konto sabiex jiġi żgurat li kwalunkwe tbagħbis ikun evidenti; fejn dan ma jkunx possibbli, għandhom jittieħdu miżuri alternattivi ta' protezzjoni li jiżguraw l-integrità tal-kunsinna; u”

14.

Dan li ġej huwa miżjud fl-aħħar tal-punt 6.8.2.3:

“Sa Lulju 2014, id-dikjarazzjonijiet tal-istatus tas-sigurtà skont il-punt 6.3.2.6(d) għal merkanzija jew posta marbuta mal-UE jistgħu jinħarġu mill-ACC3 jew minn trasportatur tal-ajru li jasal minn pajjiż terz elenkat fl-Anness 6Fii; minn Lulju 2014 l-aġenti regolati msemmija fil-punt 6.8.3 jistgħu huma wkoll jipprovdu dikjarazzjonijiet tal-istatus tas-sigurtà f’dan ir-rigward.”

15.

Is-seba’ inċiż tad-DOKUMENT MEHMUŻ 6-A huwa sostitwit b’dan li ġej:

“—

[isem il-kumpanija] se tiżgura li l-persunal kollu rilevanti jirċievi t-taħriġ skont il-Kapitolu 11 tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 185/2010 u jkun konxju mir-responsabbiltajiet tiegħu għas-sigurtà fil-kuntest tal-programm tas-sigurtà tal-kumpanija; u”

16.

It-tieni sentenza taħt it-titolu “Oġġetti Pprojbiti” tad-DOKUMENT MEHMUŻ 6D hija mħassra.

17.

Id-dokument mehmuż 6-E huwa sostitwit b'dan li ġej:

DOKUMENT MEHMUŻ 6-E

DIKJARAZZJONI TAT-TRASPORTATUR

Skont ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u l-atti tal-implimentazzjoni tiegħu,

Waqt il-ġbir, il-ġarr, il-ħżin u t-twassil tal-merkanzija bl-ajru/posta bl-ajru li jkunu sarulha l-kontrolli tas-sigurtà [f’isem isem l-aġent regolat/it-trasportatur tal-ajru li japplika l-kontrolli ta' sigurtà għall-merkanzija jew għall-posta/il-kunsinnatur magħruf/il-kunsinnatur in konto], nikkonferma li se jkun hemm konformità mal-proċeduri tas-sigurtà li ġejjin:

Il-persunal kollu li jittrasporta din il-merkanzija bl-ajru/posta bl-ajru se jkun irċieva taħriġ ġenerali ta' għarfien dwar is-sigurtà skont il-punt 11.2.7 tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 185/2010;

L-integrità tal-persunal kollu li jiġi rreklutat u li jkollu aċċess għall-merkanzija bl-ajru/posta bl-ajru se tkun ivverifikata. Din il-verifika għandha tinkludi tal-anqas kontroll tal-identità (jekk hu possibbli permezz ta' karta tal-identità, liċenzja tas-sewqan jew passaport li jkollhom ritratt tal-persuna) u kontroll tal-curriculum vitae u/jew ir-referenzi provduti;

Il-kompartimenti għat-tagħbija fil-vetturi se jkunu siġġillati jew imsakkra. Vetturi li jkollhom il-purtieri fil-ġnub tagħhom se jingħalqu b’mod sikur permezz ta’ ħbula tat-TIR. Il-partijiet tat-tagħbija tat-trakkijiet bi pjattaforma għall-ġarr se jinżammu taħt osservazzjoni meta l-merkanzija bl-ajru tkun qiegħda tiġi trasportata;

Minnufih qabel it-tagħbien, għandha ssir tiftixa fil-kompartiment tat-tagħbija u l-integrità ta' din it-tiftixa għandha tinżamm sa ma jintemm it-tagħbien;

Kull sewwieq se jġorr miegħu l-kartà tal-identità, il-passaport, il-liċenzja tas-sewqan jew dokument ieħor, li jkollu ritratt tal-persuna, li jkun inħareġ jew li jkun rikonoxxut mill-awtoritajiet nazzjonali;

Bejn il-ġbir u t-twassil, is-sewwieqa mhumiex se jieqfu f'postijiet li ma jkunux inklużi fl-iskeda. Meta dan ma jkunx jista’ jiġi evitat, is-sewwieq se jiċċekkja s-sigurtà tat-tagħbija u l-integrità tal-qofol u/jew tas-siġilli malli jasal lura. Jekk is-sewwieq jiskopri kwalunkwe evidenza ta' interferenza, se jinnotifika lis-superviżur tiegħu u l-merkanzija bl-ajru/posta bl-ajru mhux se titwassal mingħajr notifika waqt it-twassil tagħha;

It-trasport mhux se jingħata b'kuntratt lil parti terza, sakemm il-parti terza ma jkollhiex hija wkoll ftehim ta' trasportatur ma' [l-istess isem ta' hawn fuq tal-aġent regolat/il-kunsinnatur magħruf/il-kunsinnatur in konto, jew tal-awtorità xierqa li tkun approvat jew iċċertifikat lit-trasportatur]; u

L-ebda servizz ieħor (eż. il-ħżin) mhuwa se jingħata b'kuntratt lil kwalunkwe parti oħra għajr aġent regolat jew entità li tkun ġiet iċċertifikata jew approvata u elenkata għad-dispożizzjoni ta' dawn is-servizzi mill-awtorità xierqa.

Naċċetta responsabbiltà sħiħa għal din id-dikjarazzjoni.

Isem:

Kariga fil-kumpanija:

Isem u indirizz tal-kumpanija:

Data:

Firma:”

18.

Il-punt 8.0.4 li ġej huwa miżjud:

“8.0.4

Il-lista ta' oġġetti projbiti fi provvisti għal matul it-titjira hija l-istess bħal dik stipulata fid-Dokument Mehmuż 4-C.”

19.

Il-punt 8.1.4.2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“8.1.4.2

Sabiex tiġi nominata bħala fornitur magħruf, l-entità għandha tissottometti d-‘Dikjarazzjoni tal-impenji – fornitur magħruf tal-provvisti għal matul it-titjira’ kif tinsab fid-Dokument Mehmuż 8-B lil kull kumpanija li tforni. Din id-dikjarazzjoni għandha tiġi ffirmata mir-rappreżentant legali.

Id-dikjarazzjoni ffirmata għandha tinżamm mill-kumpanija li l-fornitur magħruf ikun qiegħed iforni bħala mezz ta' validazzjoni.”

20.

Il-punt 8.1.5. huwa sostitwit b'dan li ġej:

“8.1.5.   Il-kontrolli tas-sigurtà li għandhom jiġu applikati minn trasportatur tal-ajru, fornitur regolat u fornitur magħruf

8.1.5.1.

Trasportatur tal-ajru, fornitur regolat u fornitur magħruf tal-provvisti għal matul it-titjira għandhom:

(a)

jinnominaw persuna fil-kumpanija li tkun responsabbli għas-sigurtà; u

(b)

jiżguraw li l-persuni b'aċċess għall-provvisti għal matul it-titjira jirċievu taħriġ ġenerali ta' għarfien dwar is-sigurtà skont il-punt 11.2.7 qabel ma jingħataw aċċess għal dawn il-provvisti; u

(c)

jevitaw aċċess mhux awtorizzat fil-bini tagħhom u għall-provvisti għal waqt it-titjira; u

(d)

jiżguraw b'mod raġonevoli li l-ebda oġġett projbit ma jkun moħbi fil-provvisti għal matul it-titjira; u

(e)

japplikaw siġilli li juru sinjali tat-tbagħbis fil-vetturi kollha u/jew fil-kontejners li jittrasportaw il-provvisti għal matul it-titjira jew jipproteġuhom fiżikament.

Il-punt (e) ma għandux japplika għal waqt it-trasport li jsir fiż-żona tal-ajru.

8.1.5.2

Jekk fornitur magħruf jagħmel użu minn kumpanija oħra għat-trasport ta' provvisti li ma tkunx fornitur magħruf għat-trasportatur tal-ajru jew fornitur regolat, il-fornitur magħruf għandu jiżgura li l-kontrolli kollha ta' sigurtà imsemmija fil-punt 8.1.5.1 jiġu mħarsa.

8.1.5.3.

Il-kontrolli tas-sigurtà li għandhom jiġu applikati minn trasportatur tal-ajru jew minn fornitur regolat għandhom ikunu soġġetti wkoll għad-dispożizzjonijiet addizzjonali stipulati f’Deċiżjoni separata tal-Kummissjoni.”

21.

Is-seba' inċiż tad-DOKUMENT MEHMUŻ 8-A huwa sostitwit b'dan li ġej:

“—

[isem il-kumpanija] se tiżgura li l-persunal kollu rilevanti jirċievi t-taħriġ skont il-Kapitolu 11 tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 185/2010 u jkun konxju mir-responsabbiltajiet tiegħu għas-sigurtà fil-kuntest tal-programm tas-sigurtà tal-kumpanija; u”

22.

ID-DOKUMENT MEHMUŻ 8-B huwa sostitwit b’dan li ġej:

DOKUMENT MEHMUŻ 8-B

DIKJARAZZJONI TAL-IMPENJI

FORNITUR MAGĦRUF TAL-PROVVISTI GĦAL MATUL IT-TITJIRA

Skont ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u l-atti tal-implimentazzjoni tiegħu,

Niddikjara li,

[isem il-kumpanija] se

(a)

tinnomina persuna li tkun responsabbli għas-sigurtà fil-kumpanija; u

(b)

tiżgura li l-persuni b'aċċess għall-provvisti għal matul it-titjira jirċievu taħriġ ġenerali ta' għarfien dwar is-sigurtà skont il-punt 11.2.7 tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 185/2010 qabel ma jingħataw aċċess għal dawn il-provvisti; u

(c)

tevita aċċess mhux awtorizzat fil-bini tagħha u għall-provvisti għal matul it-titjira; u

(d)

tiżgura b'mod raġonevoli li l-ebda oġġett ipprojbit ma jkun moħbi fil-provvisti għal matul it-titjira; u

(e)

tapplika siġilli li juru sinjali tat-tbagħbis fil-vetturi kollha u/jew fil-kontejners li jittrasportaw il-provvisti għal matul it-titjira jew tipproteġihom fiżikament (dan il-punt mhuwiex se japplika waqt it-trasport fiż-żona tal-ajru).

Meta jsir użu minn kumpanija oħra għat-trasport ta’ provvisti, li mhijiex fornitur magħruf għat-trasportatur tal-ajru jew fornitur regolat, [isem il-kumpanija] se tiżgura li l-kontrolli kollha ta’ sigurtà msemmija hawn fuq jiġu mħarsa.

sabiex tiġi żgurata konformità, [isem il-kumpanija] se tikkoopera bis-sħiħ fl-ispezzjonijiet kollha, kif meħtieġ, u se tipprovdi aċċess għad-dokumenti kollha, kif jintalab mill-ispetturi;

[isem il-kumpanija] se tgħarraf lil [isem it-trasportatur tal-ajru jew tal-fornitur regolat li tforni bil-provvisti għal matul it-titjira] dwar kwalunkwe ksur serju tas-sigurtà u dwar kwalunkwe ċirkustanza suspettuża li tista’ tkun rilevanti għas-sigurtà tal-provvisti għal matul it-titjira, b’mod partikolari dwar kwalunkwe tentattiv ta’ ħabi ta’ oġġetti pprojbiti fil-provvisti;

[isem il-kumpanija] se tiżgura li l-persunal kollu rilevanti jirċievi t-taħriġ skont il-Kapitolu 11 tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 185/2010 u jkun konxju mir-responsabbiltajiet tiegħu għas-sigurtà; u

[isem il-kumpanija] se tgħarraf [lit-trasportatur tal-ajru jew lill-fornitur regolat li tforni bil-provvisti għal matul it-titjira] jekk:

(a)

twaqqaf in-negozju; jew

(b)

ma tkunx tista' tibqa' tissodisfa r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-UE rilevanti.

Naċċetta responsabbiltà sħiħa għal din id-dikjarazzjoni.

Ir-rappreżentant legali

Isem:

Data:

Firma:”

23.

Il-punt 9.0.4 li ġej huwa miżjud:

“9.0.4

Il-lista ta' oġġetti projbiti fi provvisti tal-ajruport hija l-istess bħal dik fid-Dokument Mehmuż 4-C.”

24.

Il-punt 9.1.1.1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“9.1.1.1

Il-provvisti tal-ajruport għandhom jiġu skrinjati qabel ma jitħallew jidħlu f’żoni ta’ sigurtà ristretta, sakemm

(a)

il-kontrolli tas-sigurtà meħtieġa ma jkunux ġew applikati lill-provvisti minn operatur tal-ajru li jwassal dawn il-provvisti sal-ajruport tiegħu stess u l-provvisti ma jkunux ġew protetti minn interferenza mhux awtorizzata mill-waqt li dawk il-kontrolli jkunu ġew applikati sat-twassil fiż-żona ta’ sigurtà ristretta; jew

(b)

il-kontrolli tas-sigurtà meħtieġa ma jkunux ġew applikati lill-provvisti minn fornitur magħruf u l-provvisti ma jkunux ġew protetti minn interferenza mhux awtorizzata mill-waqt li dawk il-kontrolli jkunu ġew applikati sat-twassil fiż-żona ta' sigurtà ristretta.”

25.

Il-punt 9.1.3.2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“9.1.3.2.

Sabiex tiġi nnominata bħala fornitur magħruf, l-entità għandha tissottometti d-“Dikjarazzjoni tal-impenji – fornitur magħruf tal-provvisti tal-ajruport” kif jinsabu fid-Dokument Mehmuż 9-A lill-operatur tal-ajruport. Din id-dikjarazzjoni għandha tiġi ffirmata mir-rappreżentant legali.

Id-dikjarazzjoni ffirmata għandha tinżamm mill-operatur tal-ajruport bħala mezz ta' validazzjoni.”

26.

Il-punt 9.1.4. huwa sostitwit b'dan li ġej:

“9.1.4   Kontrolli tas-sigurtà li għandhom jiġu applikati minn fornitur magħruf jew minn operatur ta’ ajruport

Fornitur magħruf tal-provvisti tal-ajruporti jew operatur ta’ ajruport li jwassal provvisti tal-ajruport fiż-żona ta’ sigurtà ristretta għandu:

(a)

jinnomina persuna li tkun responsabbli għas-sigurtà fil-kumpanija ;u

(b)

jiżgura li l-persuni b'aċċess għall-provvisti tal-ajruport jirċievu taħriġ ġenerali ta' għarfien dwar is-sigurtà skont il-punt 11.2.7 qabel ma jingħataw aċċess għal dawn il-provvisti; u

(c)

jevita aċċess mhux awtorizzat fil-bini tiegħu u għall-provvisti tal-ajruport; u

(d)

jiżgura b'mod raġonevoli li l-ebda oġġett projbit ma jkun moħbi fil-provvisti tal-ajruport; u

(e)

japplika siġilli li juru sinjali tat-tbagħbis fil-vetturi kollha u/jew fil-kontejners li jittrasportaw il-provvisti tal-ajruporti jew jipproteġihom fiżikament.

Il-punt (e) m'għandux japplika waqt it-trasport li jsir fiż-żona tal-ajru.

Jekk fornitur magħruf jagħmel użu minn kumpanija oħra għat-trasport ta' provvisti lejn l-ajruport li ma tkunx fornitur magħruf għall-operatur tal-ajruport, il-fornitur magħruf għandu jiżgura li l-kontrolli kollha ta' sigurtà msemmija f’dan il-punt jiġu mħarsa.”

27.

Id-dokument mehmuż 9-A huwa sostitwit b'dan li ġej:

DOKUMENT MEHMUŻ 9-A

DIKJARAZZJONI TAL-IMPENJI

FORNITUR MAGĦRUF TAL-PROVVISTI TAL-AJRUPORT

Skont ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u l-atti tal-implimentazzjoni tiegħu,

Niddikjara li,

[isem il-kumpanija] se

(a)

tinnomina persuna li tkun responsabbli għas-sigurtà tal-kumpanija; u

(b)

tiżgura li l-persuni b'aċċess għall-provvisti tal-ajruport jirċievu taħriġ ġenerali ta' għarfien dwar is-sigurtà skont il-punt 11.2.7 tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 185/2010 qabel ma jingħataw aċċess għal dawn il-provvisti; u

(c)

tevita aċċess mhux awtorizzat fil-bini tagħha u għall-provvisti tal-ajruport; u

(d)

tiżgura b'mod raġonevoli li l-ebda oġġett projbit ma jkun moħbi fil-provvisti tal-ajruport; u

(e)

tapplika siġilli li juru sinjali tat-tbagħbis fil-vetturi kollha u/jew fil-kontejners li jittrasportaw il-provvisti tal-ajruport jew tipproteġihom fiżikament (dan il-punt mhuwiex se japplika waqt it-trasport fiż-żona tal-ajru).

Meta jsir użu minn kumpanija oħra għat-trasport ta’ provvisti li mhijiex fornitur magħruf għall-operatur tal-ajru, [isem il-kumpanija] se tiżgura li l-kontrolli kollha ta’ sigurtà msemmija hawn fuq jiġu mħarsa.

sabiex tiġi żgurata konformità, [isem il-kumpanija] se tikkoopera bis-sħiħ fl-ispezzjonijiet kollha, kif meħtieġ, u se tipprovdi aċċess għad-dokumenti kollha, kif jintalab mill-ispetturi;

[isem il-kumpanija] se tgħarraf lil [l-operatur tal-ajruport] dwar kwalunkwe ksur serju tas-sigurtà u dwar kwalunkwe ċirkustanza suspettuża li tista’ tkun rilevanti għall-provvisti tal-ajruporti, b’mod partikolari dwar kwalunkwe tentattiv ta’ ħabi ta’ oġġetti projbiti fil-provvisti;

[isem il-kumpanija] se tiżgura li l-persunal kollu rilevanti jirċievi t-taħriġ skont il-Kapitolu 11 tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 185/2010 u jkun konxju mir-responsabbiltajiet tiegħu għas-sigurtà; u

[isem il-kumpanija] se tgħarraf lill-[operatur tal-ajruport] jekk:

(a)

twaqqaf in-negozju; jew

(b)

ma tkunx tista' tibqa' tissodisfa r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE.

Naċċetta responsabbiltà sħiħa għal din id-dikjarazzjoni.

Ir-rappreżentant legali

Isem:

Data:

Firma:”

28.

Il-punt 11.2.7 li ġej huwa miżjud:

“11.2.7   Taħriġ ta’ persuni li jeħtieġu għarfien ġenerali dwar is-sigurtà

It-taħriġ ta’ għarfien ġenerali dwar is-sigurtà jwassal għall-kompetenzi li ġejjin:

(a)

għarfien dwar atti preċedenti ta’ interferenza illeċita fl-avjazzjoni ċivili, atti terroristiċi u theddid attwali;

(b)

għarfien dwar ir-rekwiżiti legali rilevanti;

(c)

għarfien dwar l-għanijiet u l-organizzazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni fl-ambjent ta’ ħidma tagħhom, inklużi l-obbligi u r-responsabbiltajiet tal-persuni li jimplimentaw il-kontrolli tas-sigurtà;

(d)

għarfien dwar il-proċeduri tar-rappurtar; u

(e)

il-ħila li jkun hemm reazzjoni xierqa għal inċidenti relatati mas-sigurtà.

Kull persuna li tgħaddi minn taħriġ ġenerali ta’ għarfien dwar is-sigurtà tkun meħtieġa turi għarfien tas-suġġetti kollha msemmija f’dan il-punt qabel ma tieħu l-kariga.”

29.

Il-punt 11.4.2 (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

għal kompetenzi li jinkisbu matul it-taħriġ inizjali bażiku, speċifiku u ta’ għarfien dwar is-sigurtà, tal-anqas darba kull ħames (5) snin jew, f’każijiet fejn il-kompetenzi ma ġewx eżerċitati għal aktar minn sitt (6) xhur, qabel wieħed jerġa’ jibda jwettaq dmirijiet b’rabta mas-sigurtà; u”

30.

Il-punt 12.7.2.2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“12.7.2.2.

It-tagħmir kollu għall-iskrinjar tal-LAGs għandu jilħaq l-istandard 1.

L-istandard 1 għandu jiskadi fid-29 ta’ April 2016.”