25.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 53/4


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 165/2012

tal-24 ta’ Frar 2012

li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Alföldi kamillavirágzat (DPO)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, l-applikazzjoni tal-Ungerija li waslet fil-21 ta’ Diċembru 2005 għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Alföldi kamillaviragzat” bħala denominazzjoni protetta tal-oriġini ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2).

(2)

Il-Ġermanja ressqet oġġezzjoni kontra din ir-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. L-oġġezzjonijiet tqiesu ammissibbli skont il-punt (c) tal-Artikolu 7(3) tiegħu. Bl-ittra tas-17 ta’ Frar 2011, il-Kummissjoni talbet lill-Partijiet ikkonċernati jilħqu qbil bejniethom skont il-proċeduri interni tagħhom.

(3)

Intlaħaq ftehim bejn l-Ungerija u l-Ġermanja, li rriżulta fit-tħassir tat-test li ġej taħt il-punt 4.2 tas-Sommarju (kif ippubblikat fil-ĠU fis-16 ta’ Lulju 2010): “Dan il-prodott niexef, il-Chamomillae anthodiumli, magħruf bħala Kamumilla Selvaġġa, huwa elenkat bħala mediċina uffiċjali fil-verżjoni aġġornata tal-Pharmacopoeia Ungeriża u l-Pharmacopoeia Ewropea, u jintuża bħala materjal bażiku prezzjuż f’pakketti u f’boroż ta’ infużjonijiet preparati mill-fjura tal-kamumilla.

(4)

Skont dan il-Ftehim, l-opponent irtira l-oppożizzjoni.

(5)

Skont l-Artikolu 16(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1898/2006 (3), emenda li titqies bħala minuri, fit-tifsira tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(5) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, ma tistax:

(a)

tirreferi għall-karatteristċi essenzjali tal-prodott;

(b)

tibdel ir-rabta;

(c)

tinkludi bidla fl-isem, jew f’xi parti tal-isem, tal-prodott;

(d)

taffettwa ż-żona ġeografika definita;

(e)

tirrappreżenta żieda fir-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ tal-prodott jew il-materja prima tiegħu.

(6)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, l-isem “Alföldi kamillaviragzat” għandu jiddaħħal fir-Reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u s-Sommarju għandu jiġi aġġornat skont dan u ppubblikat,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-denominazzjoni li tinsab fl-Anness I għal dan ir-Regolament għandha tiddaħħal fir-reġistru.

Artikolu 2

Is-sommarju aġġornat jinsab fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Frar 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

(2)   ĠU C 192, 16.7.2010, p. 10.

(3)   ĠU L 369, 23.12.2006, p. 1.


ANNESS I

Prodotti agrikoli maħsuba għall-konsum mill-bniedem fl-Anness I għat-Trattat:

Klassi 1.8:   Prodotti oħra tal-Anness I għat-Trattat (ħwawar; eċċ.)

L-UNGERIJA

Alföldi kamillavirágzat (DPO)


ANNESS II

SINTEŻI

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“ALFÖLDI KAMILLAVIRÁGZAT”

NUMRU TAL-KE: HU-PDO-0005-0516-21.12.2005

DPO (X) IĠP ( )

Din is-sinteżi tagħti l-elementi ewlenin tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott b’għan informattiv biss.

1.   Dipartiment responsabbli fl-Istat Membru:

Isem:

Földművelésügyi és Vidékfejlesztési Minisztérium – Élelmiszerlánc-elemzési Főosztály (id-Dipartiment tal-Analiżi tal-Katina tal-Ikel tal-Ministeru tal-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali)

Indirizz:

H-1055 Budapest, Kossuth Lajos tér 11, MAGYARORSZÁG/L-UNGERIJA

Tel.

(+ 36-1) 301-4419

Feks:

(+ 36-1) 301-4808

E-mail:

eniko.zobor@fvm.gov.hu

2.   Grupp:

Isem:

ALFÖLDI VADONTERMŐ KAMILLAVIRÁG GYŰJTŐK ÉS, FELDOLGOZÓK CSOPORTOSULÁSA (Grupp ta’ persuni responsabbli għall-qtugħ u l-ipproċessar tal-kamumilla salvaġġa tal-Alföld)

Indirizz:

H-1134 Budapest, Dózsa György út 144, MAGYARORSZÁG/L-UNGERIJA

Tel.

(+ 36-1) 288-6700/303

Feks:

(+ 36-1) 350-1691

E-mail:

herbaria@herbaria.hu

Kompożizzjoni:

Produtturi/proċessaturi (X) Oħrajn (X)

3.   Tip ta’ prodott:

Grupp 1.8:

Prodotti oħra tal-Anness I għat-Trattat

4.   Speċifikazzjoni:

(sinteżi tar-rekwiżiti skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

4.1.   Isem:

“Alföldi kamillavirágzat”

4.2.   Deskrizzjoni:

“Alföldi kamillavirágzat” hija fjura niexfa magħżula mill-fjura tal-kamumilla salvaġġa (Matricaria chamomilla L.), maqtugħa bl-idejn mill-ħamrija mielħa tal-Pjanura l-Kbira Ungeriża.

Il-fjura tal-“Alföldi kamillavirágzat” hija b’saħħitha, aromatika, għandha riħa ħelwa, kemm kemm morra, u waqt l-ipproċessar ma titfarrakx, fiha inqas trab u ż-żejt essenzjali tagħha jiġi ppriservat aħjar mill-mediċina tal-pjanti magħmula mill-kamumilla kkultivata.

Fiha kwantitajiet li huma notevolment ikbar – tal-inqas 20 % ħafna drabi iktar – ta’ α-bisabolol (komponent b’effetti tal-prevenzjoni u l-kura tal-infjammazzjonijiet u kontra l-ulċeri) fiż-żejt essenzjali tal-“Alföldi kamillavirágzat” minn dawk li jinsabu fil-kamumilla kkultivata.

4.3.   Żona ġeografika

Iż-żona fejn tikber, tinqata’ u tiġi pproċessata l-“Alföldi kamillavirágzat” salvaġġa tkopri ż-żona amministrattiva tal-agglomerazzjonijiet individwali fil-kontej ta’ Szabolcs-Szatmár-Bereg, Borsod-Abaúj-Zemplén, Heves, Jász-Nagykun-Szolnok, Hajdú-Bihar, Békés, Csongrád, Bács-Kiskun u Pest. L-ismijiet tal-agglomerazzjonijiet misjuba fil-kontej ġew definiti bi preċiżjoni fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott. Id-deskrizzjoni ġeografika tal-“Alföldi kamillavirágzat” tista’ tiġi applikata għal prodotti preparati mill-materjal miġbur fil-konfini amministrattivi tal-postijiet elenkati.

4.4.   Prova tal-oriġini:

L-oriġini “Alföldi kamillavirágzat” hija stabbilita mit-testijiet organolettiċi u tekniċi, kif ukoll bl-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ traċċar.

Il-proċess kollu tal-produzzjoni tal-“Alföldi kamillavirágzat” għandu jiġi implimentat taħt kundizzjonijiet stretti tal-manifattura u l-ispezzjoni. Billi s-sistema tal-assigurazzjoni tal-kwalità testendi sal-ispezzjoni tas-sors dokumentat tal-ġbir, il-vjaġġ tal-prodott minn meta jinġabar sakemm jiġi kkonsenjat il-prodott aħħari jkun jista’ jiġi identifikat u vverifikat.

L-Istandards Kummerċjali stabbiliti mill-grupp dwar ir-regoli tal-kwalità għall-pjanti mediċinali salvaġġi u l-materjali bażiċi tagħhom, jistabbilixxu l-istandards tal-kwalità għall-ġbir:

Ħafna mill-individwi responsabbli għall-ġbir, jaqtgħu l-fjuri fl-għelieqi tal-kamumilla matul l-istaġun qasir tal-ħsad tal-fjura tal-kamumilla li jdum biss ftit ġimgħat. Fir-reġjun hemm postijiet tax-xiri tal-kamumilla, fejn dawk li jaqtugħha, jgħadduha lix-xerrejja kif tkun għadha tinqata’ friska. Ix-xerrejja jittrasportaw il-prodott bħala materja prima ta’ kwalità tajba lejn l-impjanti fir-reġjun mingħajr dewmien, f’ħin li jvarja minn 4 sa 8 sigħat. Iċ-ċertifikat tat-trasport li jakkumpanja l-prodott jinkludi ittra tal-konsenja u dikjarazzjoni, li fuqha t-trasportatur jiddikjara l-isem taż-żona minn fejn għabba l-prodotti.

Il-prova tax-xiri tinħareġ skont il-kwantità u l-aċċettazzjoni tal-kwalità tal-materja prima bażika maqtugħa minn dawk l-individwi li huma responsabbli għall-qtugħ, bl-indikazzjoni tal-isem tal-post minn fejn inqatal-prodott u bil-prova tal-firma ta’ min qatagħha. Jekk il-materja bażika tasal fl-impjant tal-ipproċessar f’forma niexfa, għandu dejjem jintalab ċertifikat tal-oriġini u taż-żona tal-qtugħ.

Sabiex tiġi żgurata t-traċċabbiltà matul il-proċess tat-tnixxif, l-ammont maqtugħ, flimkien mal-lokalità minn fejn inqata’ u nxtara l-prodott għandhom jiġu ddokumentati fir-reġistru. F’kull każ, għandu jiġi mfassal rapport tal-produzzjoni dwar it-tnixxif.

Kampjun tal-kwalità medja li jittieħed mil-lottijiet ippakkjati f’kaxxi tal-kartun ta’ 10 kg waqt il-kampjunar uffiċjali jkun jirrappreżenta l-kwalità tal-lott sħiħ. Jekk il-prodott jissodisfa r-rekwiżiti tal-Pharmacopœia Ewropea u tal-verżjoni aġġornata tal-Pharmacopœia Ungeriża, u jekk jiġi stabbilit il-kontenut tal-α-bisabolol taż-żejt essenzjali meħtieġ mill-ispeċifikazzjoni tal-prodott, il-kaxxi tal-kartun jirċievu tikketta “ekoloġika”, filwaqt li l-prodott jirċievi dokument ta’ kwalifikazzjoni li jindika l-kwantità u l-kwalità In-numru tad-dokument ta’ kwalifikazzjoni huwa identifikazzjoni speċifika tal-“Alföldi kamillavirágzat” u jirreferi esklussivament għall-prodott ittestjat. Jekk il-prodott ma jissodisfax ir-rekwiżiti, dan ma jistax jinħareġ għall-konsum bħala “Alföldi kamillavirágzat”.

Għandu jinżamm reġistru għal kull waħda mill-operazzjonijiet tal-ippakkjar li titwettaq matul il-proċess li matulu l-kamumilla tiġi ppakkjata f’pakketti u f’boroż. In-numru tal-permess tad-distribuzzjoni jkun jidher flimkien mal-ammonti użati u mkejla. In-numru tal-permess u tal-manifattura speċifikati fir-reġistri tal-ippakkjar ikunu jidhru fuq il-pakkett kummerċjali tal-prodott aħħari. Din id-dejta tista’ tintuża sabiex tiġi traċċata kemm id-data tal-manifattura, kif ukoll in-numru tal-identifikazzjoni, l-ammont u l-oriġini tal-lott użat.

4.5.   Metodu tal-produzzjoni:

(a)   Il-qtugħ u t-trasport

Il-fjuri jinqatgħu f’Mejju u f’Ġunju, iżda spiss anke lejn l-aħħar ta’ April. Il-kamumilla salvaġġa tinqata’ permezz tal-użu ta’ moxt tal-kamumilla li jista’ jkun tal-injam, tal-ħadid jew tal-landa. Il-fjura tinqata’ minn maz-zokk bil-għajnuna tas-snien tal-moxt, u mbagħad tiġi mbattla fl-ixkejjer. Il-fjuri miġbura kisħin fi xkejjer jistgħu jitħallew sa 4 sigħat mingħajr ma ssirilhom l-ebda ħsara. Kwantitajiet ikbar għandhom jinfirxu f’saff ta’ bejn 15 u 20 ċm għoli u jistgħu jitqegħdu biss fi xkejjer permezz tal-użu ta’ paletta tal-injam eżatt qabel jiġu ttrasportati. Minħabba li l-fjura tal-kamumilla hija pjuttost fraġli, din ma għandhiex tingħafas jew titqalleb bla bżonn.

(b)   Tnixxif

Il-fjuri tal-kamumilla jistgħu jitnixxfu b’mod naturali jew b’mod artifiċjali.

Il-metodu tradizzjonali tat-tnixxif tal-kamumilla isir f’xi kamra ta’ fuq il-bejt. Il-fjuri mnaddfa jinfirxu f’saff għoli pulzier fil-kamra ta’ fuq il-bejt. Dawn jinxfu fi żmien li jvarja bejn ħames u sitt ijiem f’kamra ta’ fuq il-bejt li tkun arjuża u b’ventilazzjoni faċli.

Meta l-fjuri tal-kamumilla jitnixxfu b’mod artifiċjali, il-fjuri mhux ittrattati jinfirxu fuq wiċċ nadif f’saff ta’ bejn 15 u 20 ċm għoli, imbagħad jinġabru f’basktijiet jew f’mezzi tat-trasport oħrajn u jitpoġġew fuq konvejer belt. It-tnixxif jista’ jsir f’apparat li jnixxef, fuq art fejn jitnixxfu l-uċuħ tar-raba’ jew f’dik li hija magħrufa bħala “tunnel drying system” (sistema ta’ apparat tat-tnixxif).

(c)   Tneħħija taz-zokk u l-għażla tal-prodott bl-idejn

Is-sistema addattata sabiex tgħarbel, tipproċessal-fjuri niexfa tal-kamumilla li jkunu tqegħdu fuq magna li tneħħi z-zkuk, tneħħi il-petali li jkunu waqgħu, il-biċċiet u l-blanzuni, u kwalunkwe impurità oħra li jkun fadal. Ix-xfafar mobbli fil-qiegħ u fit-tarf tal-għarbiel jew tar-rombli ta’ fuq ineħħu z-zkuk, imbagħad il-prodott jasal fuq iċ-ċinga ta’ fejn jintgħażel, fejn ikun soġġett għal għażla oħra bl-idejn u jiġi ppakkjat u maħżun f’kaxxi tal-kartun ta’ 10 kg.

(d)   Ippakkjar

L-“Alföldi kamillavirágzat” huwa kkumerċjalizzat skont ir-rekwiżiti tas-saħħa u l-ħarsien tal-konsumatur:

f’boroż li jippreservaw l-aroma li jkun fihom kamumilla mitħuna

piż nett ta’ 1.2 g

f’pakketti mimlijin li jżommu l-aroma li jkun fihom fjuri sħaħ

piż nett ta’ 2 g

bħala fjuri fil-boroż f’unitajiet

ta’ 50 g,

f’kaxxi kbar tal-kartun f’unitajiet

ta’ 10 kg,

4.6.   Rabta:

Storja

Dr Ferenc Simonffy jirreferi għar-rabta bejn il-parti tan-Nofsinhar tal-pjanura l-Kbira Ungeriża u l-kamumilla salvaġġa fil-ktieb tiegħu Adatok Székkutas jelenéből és múltjából – Történelmi megemlékezés a volt vásárhelyi “Nagypusztáról” [Tagħrif mill-preżent għall-passat tas-Székkutas – Tifkira storika tal-“Puszta l-Kbira” ta’ Vásárhely], fejn jikteb li “l-kamumilla tikber l-iktar fiż-żoni mielħa tal-Puszta.” L-awtur isemmi li għadd kbir ta’ klijenti kienu jiġu mill-pajjiżi tat-Tramuntana (l-Isvezja, id-Danimarka, il-Finlandja u l-Kanada). Skont l-esperti mediċi u kimiċi ta’ dawk il-pajjiżi, “din il-pjanta ma tistax tikber b’mod artifiċjali għaliex il-kamumilla kkultivata ma fihiex is-sustanzi li jinsabu fil-kamumilla li tikber fis-salvaġġ u f’ħamrija mielħa”.

Wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, iż-żieda fid-domanda mis-suq Ġermaniż ħolqot l-isfond għas-suċċess tal-kamumilla. Il-Herbária Országos Gyógynövény és Selyemgubóforgalmi Szövetkezeti Vállalat (Il-Koperattiva tal-Kummerċ tal-Erbarju Nazzjonali tal-Pjanti Mediċinali u tad-Dud tal-Ħarir) bdiet il-produzzjoni b’apparat tat-tnixxif sempliċi fi Székkutas fil-perjodu bejn l-1936-37, u bdiet bl-impenn tal-preservazzjoni u t-tnixxif tal-ħaxix. Fit-23 ta’ Frar 1939 ir-rappreżentanti ċentrali tal-kooperattiva ddeċidew li jestendu l-attivitajiet tagħhom u jinkludu l-qtugħ u t-tnixxif industrijali tal-kamumilla u l-bini ta’ fabbrika meħtieġa għal dan il-għan.

Rabta ġeografika

L-iżvilupp tal-qtugħ, l-ipproċessar u l-bejgħ tal-kamumilla salvaġġa huwa eżempju ta’ mudell imprezzabbli tal-użu tal-flora reġjonali. Il-karatterisitiċi uniċi tal-“Alföldi kamillavirágzat” (ara 4.2) huma dovuti għall-karatteristiċi ekoloġiċi tal-ħabitat, jiġifieri l-ħamrija, in-numru tas-sigħat ta’ esponiment għar-raġġi tax-xemx u l-inżul tax-xita annwali.

Mill-pjanti li jikbru fuq il-Puszta mielħa tal-Pjanura l-Kbira Ungeriża, li hija żona xemxija ħafna u li diffiċilment tista’ tintuża għal skopijiet oħra, jinkisbu prodotti tal-aqwa kwalità. Il-“Matricaria chomomilla”, li hija l-materja bażika tal-“Alföldi kamillavirágzat”, hija kapaċi takkumula 10 mg/g ta’ mluħa tas-sodju fiċ-ċelloli tal-għeruq tagħha. Dan jispjega għaliex din kapaċi tuża l-umdità fil-ħamrija mielħa li tinsab fil-Pjanura l-Kbira, li ma tistax tintuża għal pjanti oħrajn.

In-numru ta’ sigħat ta’ raġġi tax-xemx fil-Pjanura l-Kbira jvarja bejn 2 000 u 2 100 fis-sena filwaqt li l-inżul tax-xita jvarja bejn 500 u 600 mm fis-sena. Il-livell għoli ta’ raġġi tax-xemx jirriżulta f’iktar akkumulazzjoni fil-livell tal-aġent attiv filwaqt li temp inqas xemxi jnaqqas l-akkumulazzjoni tal-aġenti attivi. Barra minn hekk, riċerka barranija kkonfermat li livelli għoljin ta’ raġġi tax-xemx u ta’ sħana (il-karatteristiċi klimatiċi ewlenin taż-żona tal-Pjanura l-Kbira) jaffettwaw b’mod pożittiv u jinfluwenzaw il-kontenut taż-żejt essenzjali tal-kamumilla (Saleh, 1973). Ir-riżultati tar-riċerka jagħtu wkoll prova li l-livelli iktar baxxi fl-inżul tax-xita jwasslu għal tnaqqis fl-għoli tal-pjanta u fid-daqs tal-fjura tal-kamumilla (Gosztola et al., 2008). Ħamrija alkalina u mielħa twassal ukoll għal nuqqas fit-tkabbir (Sztefanov et al., 2003; Balak et al., 1999). Għadd kbir ta’ proġetti ta’ riċerka li saru fl-Ungerija dwar il-kamumilla mkabbra b’mod naturali fis-salvaġġ urew li hemm differenzi drastiċi bejn il-popolazzjonijiet tal-kamumilla tan-naħa l-oħra tax-xmara Danubju u dawk taż-żoni tal-Pjanura l-Kbira, fir-rigward tal-morfoloġija u l-kontenut. Il-kamumilla li tikber fis-salvaġġ minn żoni b’ħamrija newtrali jew kemxejn aċiduża jikbru iktar b’saħħithom u jkollhom fjuri ikbar iżda ż-żejt essenzjali tagħhom ikun fih inqas kontenut ta’ α-bisabolol. Il-kamumilla maqtugħa minn żoni iktar kontinentali u mielħa tal-Pjanura l-Kbira, min-naħa l-oħra, tkun iżgħar, ikollha fjura kompatta, iżda ż-żejt essenzjali tagħha jkun fih kwantità kbira ta’ α-bisabolol li huwa l-komponent ewlieni taż-żejt essenzjali u li huwa prezzjuż għall-kura kontra l-ispażmi u l-fjammazzjonijiet. Fi kwalunkwe każ dan jilħaq livell ta’ 20 %, iżda għandu mnejn jilħaq ukoll livelli ta’ 45-58 %, skont is-sena (Gosztola et al., 2005; Sztefanov et al., 2003).

Mir-rabta bejn il-prodott u l-ambjent ġeografiku tal-Pjanura l-Kbira Ungeriża – studjata fis-sens ta’ klima u ħamrija – wieħed jista’ jistabbilixxi li l-materja bażika tal-“Alföldi kamillavirágzat” tikkonsisti f’kamumilla li tikber fi pjanti li ma jikbrux wisq, bi kwantità għolja ta’ α-bisabolol, tikber biss fil-ħabitats tal-Pjanura l-Kbira fil-kundizzjonijiet ekoloġiċi imsemmijin hawn fuq.

4.7.   Korp ta’ spezzjoni:

Isem:

Csongrád Megyei Élelmiszerlánc-biztonsági és Állategészségügyi Igazgatóság (Direttorat tas-Sikurezza tal-Katina tal-Ikel u tas-Saħħa tal-Annimali tal-Kontea ta’ Csongrád)

Indirizz:

H-6700 Szeged, Vasas Szent Péter u. 9/a, MAGYARORSZÁG/L-UNGERIJA

Tel.

(+ 36-62) 422-358; (+ 36-62) 551-850

Feks:

(+ 36-62) 426-183

E-mail:

szigetis@oai.hu; csongrad_megye@oai.hu

Isem:

Hajdú-Bihar Megyei Élelmiszerlánc-biztonsági és Állategészségügyi Igazgatóság (Direttorat tas-Sikurezza tal-Katina tal-Ikel u tas-Saħħa tal-Annimali tal-Kontea ta’ Hajdú-Bihar)

Indirizz:

H-4030 Debrecen, Diószegi út 30.

Tel.

(+ 36-52) 526-240

Feks:

(+ 36-52) 442-841

E-mail:

harsanyi@oai.hu

4.8.   Tikkettar:

Minbarra d-dettalji stabbiliti fil-leġiżlazzjoni rilevanti, dan li ġej għandu jidher ukoll fuq it-tikketta tal-konsumatur.

isem il-prodott “ALFÖLDI KAMILLAVIRÁGZAT”

l-indikazzjoni “jikber fis-salvaġġ”

“filteres tea” (boroż tat-te) jew “tasakolt tea” (pakketti tat-te) taħt l-isem tal-prodott

xbieha grafika tal-fjura tal-kamumilla

“denominazzjoni protetta tal-oriġini” jew it-taqsira tagħha (DPO),

il-logo tal-Unjoni Ewropea (wara r-reġistrazzjoni)

Jekk il-prodott jiġi ppakkjat barra miż-żona ġeografika indikata hawn fuq, għandha tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-post tal-oriġini. L-isem protett, il-logo u s-simbolu tal-Unjoni Ewropea korrispondenti għandhom jitqegħdu fuq il-pakkett tal-“Alföldi kamillavirágzat” anke f’dan il-każ.