|
16.2.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 43/1 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 129/2012
tat-13 ta’ Frar 2012
li japprova emendi minuri fl-ispeċifikazzjoni ta’ denominazzjoni elenkata fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Queso Manchego (DPO)]
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari t-tieni sentenza tal-Artikolu 9(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni ta’ Spanja għall-approvazzjoni ta’ emendi fl-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Queso Manchego”, irreġistrata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 (2), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 561/2009 (3). |
|
(2) |
L-applikazzjoni tikkonċerna l-emendi għall-metodu ta’ produzzjoni tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Queso Manchego” u tinvolvi tibdiliet fid-dokument uniku. |
|
(3) |
Il-Kummissjoni eżaminat l-emenda kkonċernata u kkonkludiet li hija ġġustifikata. Billi din hija emenda minuri, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, il-Kummissjoni tista’ tapprovaha mingħajr rikors għall-proċedura stipulata fl-Artikoli 5, 6 u 7 tal-istess Regolament, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Queso Manchego” hija b’dan emendata skont l-Anness I għal dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Il-verżjoni kkonsolidata tad-dokument uniku li fih il-punti prinċipali tal-ispeċifikazzjoni hija stipulata fl-Anness II għal dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Frar 2012.
Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,
Dacian CIOLOȘ
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.
ANNESS I
L-emendi li ġejjin għall-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Queso Manchego” ġew approvati:
Materja prima
B’rabta mal-karatteristiċi analitiċi tal-ħalib, ġew aġġornati l-parametri ta’ referenza b’konsegwenza tat-testijiet sistematiċi applikati mil-laboratorju uffiċjali, fejn jintbagħtu l-kampjuni miġbura mill-azjendi tat-trobbija. Il-kontenut u d-densità tal-lattożju mhux se jibqgħu jiġu ddeterminati għaliex dawn m’għandhomx x’jaqsmu mal-kwalità tal-prodott aħħari, u l-analiżi tagħhom kienet tissejjes fuq metodu ta’ produzzjoni li m’għadux jirrifletti l-iżviluppi li saru fl-azjendi tat-trobbija.
Min-naħa l-oħra, il-kejl tal-aċidità tal-ħalib isir bid-determinazzjoni tal-livell tal-pH u mhux fi gradi Dornic, u għaldaqstant sar tibdil xieraq fl-ispeċifikazzjonijiet.
Barra minn hekk, b’konsegwenza tal-progress teknoloġiku li sar fl-industriji tal-produzzjoni, il-proċess isir b’livell ogħla ta’ kontroll f’dak li jirrigwarda l-parametri deċiżivi għall-kwalità aħħarija, u b’hekk għal ċerti stadji tal-produzzjoni l-verżjoni l-qadima tal-ispeċifikazzjoni m’għadhiex tgħodd.
Skont dan kollu, qed tiġi emendata t-taqsima li ġejja:
Taqsima E – Il-metodu ta’ produzzjoni
Fl-istadju ta’ “qtugħ il-baqta”, tneħħa l-kriterju tad-daqs tal-granuli tal-baqta li jinkisbu mal-qtugħ tagħha, għax jitqies li dan il-kriterju għandu jiġi stabbilit minn kull industrija skont il-proċess li ssegwi. Il-baqta għandu jkollha l-konsistenza xierqa biex isir tqattir sewwa, skont it-tip tal-ġobon prodott. Dan ma għandux jiġi ddeterminat mill-indikazzjoni tad-daqs preċiż tal-granuli, iżda permezz ta’ kontrolli waqt il-produzzjoni, kif ukoll bl-esperjenza tal-produttur.
Fl-istadju tal-“ippressar”, ġie inkluż il-ħin stabbilit għall-ippressar; li fl-ispeċifikazzjoni attwali dan jissemma fl-istadju tat-tneħħija minn ġol-forom, u dan huwa żball. Qed jiġi ddefinit ħin ta’ ppressar ta’ bejn siegħa u sitt sigħat. Din il-firxa ta’ ħin għall-ippressar inbidlet minn dik stabbilita inizjalment, minħabba l-avvanzi teknoloġiċi li saru fis-sistema tal-ippressar, li m’għadhiex teħtieġ perjodi daqstant twal li jistgħu jolqtu ħażin il-prodott meta jkun ta’ daqs żgħir. Dan il-perjodu qed jiġi ddefinit bħala xieraq għal kull daqs differenti tal-prodott u għal kull mudell ta’ ppressar, u b’hekk l-operatur jista’ jiddefinixxi l-aqwa mument għat-tneħħija tal-prodott minn ġol-forom u għat-tmelliħ tiegħu. Dan il-mument għandu jiġi ddeterminat mhux skont l-għadd ta’ sigħat meħudin, iżda billi jitkejjel il-pH, li huwa l-valur li jindika l-qagħda tal-prodott.
L-istadji tal-“maturazzjoni” u l-“preżervazzjoni” tgħaqqdu fi stadju għalih - il-“maturazzjoni”. L-istadju tal-preżervazzjoni tneħħa għax il-maturazzjoni ma tiqafx meta l-prodott jiddaħħal fil-kmamar tal-preżervazzjoni; jiġifieri, il-maturazzjoni tkompli tul il-ħajja tal-prodott, u jkompli jimmatura dejjem jekk jinżamm f’kundizzjonijiet ta’ temperatura u umdità relattiva kkontrollati. Għaldaqstant, iż-żewġ stadji tgħaqqdu f’wieħed, u ġiet stabbilita temperatura ta’ bejn 3 °C u 16 °C u umdità ta’ bejn 75 % u 90 %.
Fejn tidħol it-temperatura, il-valur minimu nbidel minn 1 °C għal 3 °C, temperatura li hija iktar xierqa biex jinżamm il-prodott u li tiggarantixxi r-rispett tar-rekwiżiti tas-saħħa (billi bit-temperatura ta’ 1 °C il-prodott jista’ jitħassar). Għall-valur massimu, ġiet stabbilita t-temperatura ta’ 16 °C bħala l-valur ta’ referenza sabiex tiggarantixxi l-maturazzjoni tal-prodott u l-iżvilupp tiegħu fl-aqwa kundizzjonijiet għall-karatteristiċi organolettiċi tiegħu.
Il-firxa stabbilita għall-umdità hija valur globali li jgħodd għaż-żewġ stadji li huma.
ANNESS II
DOKUMENT UNIKU
IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006
“QUESO MANCHEGO”
Nru tal-KE: ES-PDO-0217-0087-6.12.2010
IĠP ( ) DPO ( X )
1. L-isem
“Queso Manchego”
2. Stat Membru
Spanja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
|
Klassi 1.3. |
Ġobon. |
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)
Ġobon ippressat magħmul mill-ħalib tan-nagħġa tar-razza “Manchega”, immaturat għal tal-anqas 30 jum fil-każ ta’ ġobniet li jiżnu sa 1,5 kg, u għal bejn 60 jum u massimu ta’ sentejn fil-każ ta’ ġobniet akbar.
Il-“Queso Manchego” jista’ jiġi magħmul kemm b’ħalib pasturizzat kif ukoll b’ħalib mhux ipproċessat. Fit-tieni każ, it-tikketta tista’ ġġorr it-terminu “Artesano” (artiġjanali).
Il-“Queso Manchego” huwa ġobon xaħmi, li wara l-maturazzjoni jikseb dawn il-karatteristiċi fiżiċi:
|
— |
għamla: ċilindrika b’wiċċ ċatt, |
|
— |
għoli massimu: 12 cm, |
|
— |
dijametru massimu: 22 cm, |
|
— |
proporzjon tad-dijametru/tal-għoli: bejn 1,5 u 2,2, |
|
— |
piż minimu: 0,4 kg, |
|
— |
piż massimu: 4,0 kg, |
Il-karatteristiċi fiżikokimiċi tal-ġobon huma kif ġej:
|
— |
pH 4,8 sa 5,8, |
|
— |
materja niexfa: minimu ta’ 55 %, |
|
— |
xaħam: minimu ta’ 50 % tal-materja niexfa, |
|
— |
total ta’ proteina fil-materja niexfa: minimu ta’ 30 %, |
|
— |
klorur tas-sodju: massimu ta’ 2,3 %. |
Karatteristiċi tat-taħlita:
|
— |
konsistenza: soda u kompatta, |
|
— |
kulur: ivarja mill-abjad sa lewn l-avorju jagħti fl-isfar, |
|
— |
riħa: tal-ħalib, intensament qarsa u persistenti, bi sfumaturi pikkanti li jibqgħu jiżdiedu fil-ġobniet immaturati għal żmien twil, |
|
— |
togħma: kemxejn qarsa, qawwija u mimlija, li ssir pikkanti f’ġobniet immaturati għal żmien twil. il-ħalib tan-nagħaġ tar-razza “Manchega” jħalli togħma residwali pjaċevoli u partikulari, |
|
— |
dehra: ħoloq żgħar imqassmin b’mod mhux uniformi, għalkemm jista’ jagħti l-każ li ma jkunux preżenti. |
|
— |
konsistenza: elastiċità baxxa li għandha mill-butir u mid-dqiq; f’ġobniet immaturati ħafna taf issir imrammla. |
Il-limiti mikrobijoloġiċi huma kif ġej:
|
— |
Escherichia coli: massimu ta’ 1 000 kolonja f’kull gramma, |
|
— |
Staphylococcus aureus: massimu ta’ 100 kolonja f’kull gramma, |
|
— |
Salmonella: assenza f’25 gramma, |
|
— |
Listeria: assenza f’25 gramma. |
Il-ġobon itiegħem kemxejn qares, qawwi u mimli, u jsir pikkanti meta mmaturat għal żmien twil. Il-ħalib tan-nagħaġ tar-razza “Manchega” jħalli togħma residwali pjaċevoli u partikulari.
3.3. Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
Il-“Queso Manchego” jsir bil-ħalib tan-nagħaġ tar-razza “Manchega”, bit-tames naturali jew enżimi koagulanti oħrajn awtorizzati, u bil-klorur tas-sodju.
Il-ħalib għandu jkun għalkollox nieqes minn prodotti mediċinali, li jistgħu jolqtu ħażin il-produzzjoni, il-maturazzjoni u l-preżervazzjoni tal-ġobon.
Il-“Queso Manchego” jista’ jiġi magħmul kemm b’ħalib pasturizzat kif ukoll b’ħalib mhux ipproċessat. Fit-tieni każ, it-tikketta jaf iġġorr l-isem “Artesano”.
Il-karatteristiċi analitiċi tal-ħalib huma kif ġej:
|
— |
xaħam: minimu ta’ 6.5 %, |
|
— |
proteini: minimu ta’ 4.5 %, |
|
— |
materja niexfa li tista’ tintuża: minimu ta’ 11 %, |
|
— |
pH 6,5-7, |
|
— |
temperatura tal-iffriżar: ≤ -0,550 °C |
3.4. Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)
In-nagħaġ tar-razza “Manchega” jirgħa u jgawdi mir-riżorsi naturali tar-reġjun matul is-sena kollha. Meta jkun fil-maqjel, id-dieta tiegħu tiġi supplimentata b’għalf ikkonċentrat, bil-ħuxlief u bi prodotti sekondarji.
Fejn tidħol it-trobbija tan-nagħaġ, ta’ min jissemmew it-tipi ta’ mergħa li jinsabu fil-wesgħat tal-isteppa tal-blat (matorrales), li jinkludu: Mendicago mínima, Scorpirus subillosa, Astrafalus stella, Astrafalus sesamus, eċċ.
L-hekk imsejħa “madajales” huma l-aktar mergħat ta’ siwi għan-nagħaġ. Dawn huma magħmulin minn mergħat bil-basla u kwantitajiet sinifikanti ta’ legumi, bħal Mendicago rigidula, Medicago lupulina, Mendicago trunculata, Trigonella polyderata, Coronilla scorpoides, eċċ.
Fil-wiċċ tal-ħamrija profonda u aktar friska jistgħu jidhru l-“fenelares”, li huma mergħat sfieq bi prevalenza ta’ pjanti perenni u bijennali, fosthom partikularment il-ħaxixa Brachypodium phoenicoides.
3.5. Stadji speċifiċi fil-produzzjoni li għandhom isiru fiż-żona ġeografika ddefinita
—
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.
Il-ġobniet protetti mid-Denominazzjoni tal-Oriġini “Queso Manchego” jistgħu jiġu ttrasportati u jitqiegħdu fis-suq mill-azjendi li jipproduċu l-ġobon u mill-impriżi rreġistrati biss f’kontenituri li ma jaffettwawx il-kwalità tagħhom.
Il-“Queso Manchego” għandu jiġi kkummerċjalizzat dejjem bil-qoxra, li tista’ tkun ġiet maħsula minn qabel.
Barra minn hekk, il-“Queso Manchego” jista’ jinkesa bil-paraffin jew b’sustanzi oħra trasparenti u inattivi awtorizzati legalment, jew inkella jintbell fiż-żejt taż-żebbuġa, dejjem jekk il-qoxra żżomm il-lewn u d-dehra naturali tagħha u t-tikketta tal-kaseina tibqa’ tinqara.
Fl-ebda każ ma għandhom jintużaw sustanzi li jsewdu l-qoxra.
Il-“Queso Manchego” jista’ jiġi kkummerċjalizzat imqatta’ f’biċċiet, imfettet jew maħkuk, dejjem jekk ikun ippakkjat u l-oriġini tiegħu tista’ tiġi identifikata. Din l-operazzjoni tista’ ssir barra miż-żona tal-oriġini minn impriżi li jkunu aċċettaw u huma konformi mal-protokoll stabbilit, bil-għan li l-proċeduri li jgħaddi minnhom il-“Queso Manchego” jkunu garantiti u traċċabbli.
Il-kontenituri użati għandhom ikunu konformi mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.
3.7. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
Huwa obbligatorju li fuq it-tikketta jidher il-kliem li ġej: Denominación de Origen “Queso Manchego” (Denominazzjoni tal-Oriġini “Queso Manchego”). Jekk il-ġobon ikun sar mill-ħalib nej, dan jista’ jiġi indikat fuq it-tikketta permezz tal-kelma “Artesano” (artiġjanali).
Il-prodott maħsub għall-konsum għandu jkollu tikketta oħra b’numru maħruġa mill-Bord Regolatorju, li titwaħħal mill-impriżi reġistrati b’mod li ma tistax tintuża mill-ġdid. Barra minn hekk, kull ġobna tal-“Queso Manchego” għandu jkollha fuq naħa waħda tikketta tal-kaseina b’numru tas-serje, li titwaħħal fl-istadju tal-għoti tal-għamla u l-ippressar tal-ġobna.
4. Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
L-entitajiet lokali koperti mid-Denominazzjoni tal-Oriġini “Queso Manchego” huma: 45 mill-provinċja ta’ Albacete, 84 mill-provinċja ta’ Ciudad Real, 156 mill-provinċja ta’ Cuenca u 122 mill-provinċja ta’ Toledo.
Iż-żoni li ġejjin ġew inklużi wkoll: Alcoba de los Montes u El Robledo, fil-provinċja ta’ Ciudad Real; Albadalejo del Cuende, Villarejo de la Peñuela, Villarejo-Sobrehuerta u Villar del Horno, fil-provinċja ta’ Cuenca.
5. Rabta maż-żona ġeografika
5.1. Speċifiċità taż-żona ġeografika
Ir-reġjun naturali ta’ La Mancha jinsab fin-naħa tan-Nofsinhar tal-plateau ċentrali tal-peniżola, u huwa kkaratterizzat minn riliev baxx li jinżel sal-Atlantiku.
La Mancha hija altipjan b’ħamrija taflija u b’ħafna ġir, u l-mergħat tagħha huma magħmula minn substrati għanja fil-ġir u fil-lom.
Iż-żona għandha klima estrema u tesperjenza varjazzjonijiet wesgħin karatteristiċi ta’ klima kontinentali, bi xtiewi kesħin ħafna u sjuf sħan. It-temperatura xi kultant tilħaq 40 °C, xi drabi tvarja b’20 °C matul il-ġurnata u b’50 °C matul is-sena. Fiż-żona hemm nuqqas ta’ xita, u dan jagħmel ir-reġjun wieħed mill-iktar żoni nexfin fi Spanja. L-ambjent estremament xott taż-żona għandu umdità relattiva ta’ madwar 65 %.
Ir-razza “Manchega” hija l-aktar waħda adattata għall-kundizzjonijiet tat-temp u tal-ħamrija ta’ La Mancha.
5.2. Speċifiċità tal-prodott
Ġobon ippressat, bil-qoxra iebsa u b’kompożizzjoni wtiqa u kompatta, ta’ lewn li jvarja bejn l-abjad u kulur l-avorju jagħti fl-isfar, b’riħa intensa u persistenti, b’togħma kemxejn qarsa, qawwija u mimlija, u b’elastiċità baxxa li għandha mill-butir u mid-dqiq.
5.3. Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għall-IĠP)
Il-kundizzjonijiet tat-temp u tal-ħamrija tar-reġjun kellhom influwenza kbira fuq il-proċessi tas-selezzjoni naturali, li wasslu biex ir-razza “Manchega” tkun l-aktar razza tan-nagħaġ adattata għar-reġjun. B’hekk, dan in-nagħaġ jipproduċi ħalib li jagħti lill-“Queso Manchego” l-lewn, ir-riħa, it-togħma u l-konsistenza partikulari tiegħu.
Il-ġobon ilu jsir mill-ħalib tan-nagħaġ tar-razza “Manchega” mill-qedem, u mal-milja tas-sekli l-metodi ta’ produzzjoni dejjem immiraw li jsaħħu kemm jistgħu l-kwalitajiet ta’ dan il-ġobon tradizzjonali ta’ La Mancha.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni
(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)
http://docm.jccm.es/portaldocm/descargarArchivo.do?ruta=2009/10/20/pdf/2010_17415.pdf&tipo=rutaDocm”.