21.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 18/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 52/2012

tal-20 ta’ Jannar 2012

li jemenda l-Anness II mar-Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-annotazzjoni għall-Istati Uniti fil-lista tal-pajjiżi u t-territorji terzi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar il-ħtiġiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE (1), u b’ mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 jistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi u r-regoli applikabbli għall-kontrolli ta’ tali movimenti. Dan japplika għall-movimenti mhux kummerċjali bejn l-Istati Membri jew minn pajjiżi terzi ta’ annimali domestiċi tal-ispeċi elenkati fl-Anness I miegħu.

(2)

Il-Parti C tal-Anness II mar-Regolament (KE) Nru 998/2003 telenka l-pajjiżi u t-territorji terzi li huma ħielsa mill-idrofobija u l-pajjiżi u t-territorji terzi, inklużi l-Istati Uniti, fejn ir-riskju li tidħol l-idrofobija fl-Unjoni bħala riżultat ta’ movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi minn dawn il-pajjiżi u territorji terzi, instab li mhuwiex ikbar mir-riskju assoċjat ma’ tali movimenti bejn l-Istati Membri.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 998/2003, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 18/2006 (2), jinkludi l-Gwam fl-annotazzjoni għall-Istati Uniti fil-lista stipulata fil-Parti C tal-Anness II mar-Regolament (KE) Nru 998/2003.

(4)

L-Istati Uniti informat lill-Kummissjoni li hi wkoll tapplika kundizzjonijiet nazzjonali għall-annimali tal-ispeċi elenkati fl-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 998/2003 meta dawn l-annimali jiċċaqilqu għal raġunijiet mhux kummerċjali bejn l-Istati Uniti u s-Samoa Amerikana, il-Gżejjer Marjana tat-Tramuntanta, il-Puerto Riko, u l-Gżejjer Verġni tal-Istati Uniti.

(5)

Għaldaqstant huwa xieraq li dawn it-territorji addizzjonali jiġu inklużi fl-annotazzjoni għall-Istati Uniti fil-Parti C tal-Anness II mar-Regolament (KE) Nru 998/2003.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(7)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fil-Parti C tal-Anness II mar-Regolament (KE) Nru 998/2003, l-annotazzjoni għall-Istati Uniti tal-Amerika qed tinbidel b’dan li ġej:

“US

L-Istati Uniti tal-Amerika (inkluż AS – Is-Samoa Amerikana, GU – Il-Gwam, MP – Il-Gżejjer Marjana tat-Tramuntana, PR – Puerto Riko u VI – Il-Gżejjer Verġni tal-Istati Uniti)”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Jannar 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 146, 13.6.2003, p. 1.

(2)   ĠU L 4, 7.1.2006, p. 3.