19.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 16/35


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 38/2012

tat-18 ta’ Jannar 2012

li jistipula l-koeffiċjent ta' allokazzjoni applikabbli għat-talbiet għal liċenzji tal-importazzjoni mressqa mis-6 sat-13 ta’ Jannar 2012 skont il-subkwota III fil-kuntest tal-kwota tariffarja miftuħa bir-Regolament (KE) Nru 1067/2008 għall-qamħ komuni ta' kwalità għajr dik superjuri

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament "Waħdieni dwar l-OKS") (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 tal-31 ta' Awwissu 2006 li jistabbilixxi regoli komuni għall-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji għall-importazzjoni tal-prodotti agrikoli rregolati minn sistema ta' liċenzji ta' importazzjoni (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1067/2008 (3) fetaħ kwota tariffarja annwali globali għall-importazzjoni ta' 3 112 030 tunnellata qamħ komuni ta' kwalità għajr dik superjuri. Din il-kwota tinqasam f'erba' subkwoti.

(2)

L-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 1067/2008 jaqsam is-subkwota III (numru tas-serje 09.4125) f'erba' subperjodi trimestrali u ffissa l-kwantità ta' 594 597 tunnellata għas-subperjodu nru 1, għall-perjodu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Marzu 2012.

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni(UE) Nru 1324/2011 (4) jidderoga mill-Artikolu 3(3), tar-Regolament (KE) Nru 1067/2008 għas-sena 2012, u jgħaqqad is-subperjodi 1 u 2 tas-subkwota III (numru tal-ordni 09.4125) u jiffissa l-kwantità għal 1 189 194 tunnellata għas-subperjodu 1 mill-1 ta Jannar 2012 sat-30 ta’ Ġunju 2012.

(4)

Mill-komunikazzjoni magħmula skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1067/2008, jidher li t-talbiet, magħmula skont l-Artikolu 4(1)(2) tal-imsemmi Regolament, mis-13:00, ħin ta' Brussell, tas-6 ta’ Jannar 2012 sas-13:00, ħin ta' Brussell, tat-13 ta’ Jannar 2012, jeċċedu l-kwantitajiet disponibbli. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi determinat sa liema punt jistgħu jinħarġu l-liċenzji tal-importazzjoni, billi jiġi stabbilit il-koeffiċjent ta' allokazzjoni li għandu jkun applikat għall-kwantitajiet mitluba.

(5)

Jeħtieġ ukoll li ma jinħarġux liċenzji għall-importazzjoni skont is-subkwota III msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1067/2008 għas-subperjodu kurrenti tal-kwota.

(6)

Sabiex tkun żgurata ġestjoni effettiva tal-proċedura tal-ħruġ taċ-ċertifikati tal-importazzjoni, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Kull talba għal liċenzja għall-importazzjoni tas-subkwota III msemmija skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1067/2008, imressqa mis-6 ta’ Jannar 2012 mis-13:00 sat-13 ta’ Jannar 2012 fis-13:00, ħin ta' Brussell, tagħti lok għall-ħruġ ta' liċenzja għall-kwantitajiet mitluba assenjati skont il-koeffiċjent ta' allokazzjoni ta' 65,561415 %.

2.   Il-ħruġ ta' liċenzji għall-kwantitajiet mitluba mit-13 ta’ Jannar 2012 fis-13:00, ħin ta' Brussell, tas-subkwota III msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1067/2008, huwa sospiż għas-subperjodu attwali tal-kwota.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Jannar 2012.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

José Manuel SILVA RODRÍGUEZ

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13.

(3)  ĠU L 290, 31.10.2008, p. 3.

(4)  Ġu L 335, 17.12.2011, p. 65.