12.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 8/29


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 16/2012

tal-11 ta’ Jannar 2012

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti dwar l-ikel iffriżat li joriġina mill-annimali maħsub għall-konsum mill-bniedem

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

Il-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 jistabbilixxi regoli dwar l-iġjene tal-ikel li joriġina mill-annimali għall-operaturi fin-negozju tal-ikel. L-operaturi fin-negozju tal-ikel huma meħtieġa jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness II tiegħu.

(2)

L-esperjenza miskuba mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 uriet ċerti diffikultajiet fir-rigward tal-ħażna tal-ikel li joriġina mill-annimali. Jekk id-data tal-iffriżar inizjali ta’ tali ikel tkun indikata, l-operaturi fin-negozju tal-ikel ikunu jistgħu jiġġudikaw aħjar jekk l-ikel huwiex tajjeb għall-konsum mill-bniedem.

(3)

Id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Marzu 2000 fuq l-approssimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u reklamar ta’ oġġetti tal-ikel (2) tikkonċerna l-ittikkettjar tal-oġġetti tal-ikel li għandhom jiġu kkunsenjati bħala tali lill-konsumatur finali u ċerti aspetti relatati mal-preżentazzjoni u r-reklamar tagħhom. Madankollu, dik id-Direttiva ma tapplikax għall-istadji ta’ qabel il-produzzjoni tal-ikel.

(4)

Barra minn hekk, l-infurzar tal-konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 mill-awtoritajiet kompetenti wera li huma meħtieġa rekwiżiti aktar dettaljati fir-rigward tal-produzzjoni u l-iffriżar tal-ikel li joriġina mill-annimali fl-istadji tal-produzzjoni qabel il-konsenja bħala tali lill-konsumatur finali.

(5)

Għalhekk, l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 għandu jiġi emendat sabiex jinkludi r-rekwiżiti li japplikaw għall-ikel iffriżat li joriġina mill-annimali.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 għandu, għalhekk, jiġi emendat kif xieraq.

(7)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Jannar 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.

(2)  ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29.


ANNESS

It-Taqsima IV li ġejja tiżdied mal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004:

“TAQSIMA IV:   REKWIŻITI LI JAPPLIKAW GĦALL-IKEL IFFRIŻAT LI JORIĠINA MILL-ANNIMALI

1.

Għall-finijiet ta’ din it-Taqsima, ‘id-data tal-produzzjoni’ tfisser:

(a)

id-data tat-tbiċċir fil-każ ta’ karkassi, nofs karkassi u kwart ta’ karkassi;

(b)

id-data tal-qtil fil-każ ta’ iġsma tal-kaċċa salvaġġa;

(c)

id-data tal-ħsad jew tal-qbid, fil-każ ta’ prodotti tas-sajd;

(d)

id-data tal-ipproċessar, il-qtugħ, l-ikkappuljar jew il-preparazzjoni, kif xieraq, għal kull ikel ieħor li joriġina mill-annimali.

2.

Sal-istadju li fih l-ikel jiġi ttikkettjat skont id-Direttiva 2000/13/KE jew jintuża għall-ipproċessar ulterjuri, l-operaturi fin-negozju tal-ikel għandhom jiżguraw li fil-każ tal-ikel iffriżat li joriġina mill-annimali maħsub għall-konsum mill-bniedem, l-informazzjoni li ġejja tkun magħmula disponibbli lill-operatur fin-negozju tal-ikel li lilu jiġi pprovdut l-ikel u lill-awtorità kompetenti fuq talba tagħha:

(a)

id-data tal-produzzjoni, u

(b)

id-data tal-iffriżar, jekk tkun differenti mid-data tal-produzzjoni.

Meta oġġett tal-ikel isir minn lott ta’ materja prima b’dati differenti tal-produzzjoni u tal-iffriżar, id-dati l-aktar antiki tal-produzzjoni u/jew tal-iffriżar, kif xieraq, għandhom ikunu disponibbli.

3.

Il-fornitur tal-ikel iffriżat jagħżel il-forma xierqa li fiha għandha tingħata l-informazzjoni, iżda l-informazzjoni rikjesta fil-paragrafu 2 għandha tkun disponibbli b’mod ċar u mingħajr ekwivoċi u għandha tkun tista’ tinsab mill-operatur tan-negozju li lilu jiġi pprovdut l-ikel.”