27.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 299/5


DIRETTIVA 2012/28/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta' Ottubru 2012

dwar ċerti użi permessi ta’ xogħlijiet orfni

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 53(1), 62 u 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Libreriji, stabbilimenti edukattivi u mużewijiet li huma aċċessibbli għall-pubbliku, u kif ukoll arkivji, istituzzjonijiet tal-wirt ċinematografiku jew awdjo u organizzazzjonijiet tax-xandir pubbliku, stabbiliti fl-Istati Membri huma impenjati fid-diġitizzazzjoni fuq skala kbira tal-kollezzjonijiet jew arkivji tagħhom biex joħolqu Libreriji Diġitali Ewropej. Huma jikkontribwixxu għall-konservazzjoni u d-disseminazzjoni tal-wirt kulturali Ewropew, li huwa importanti wkoll għall-ħolqien ta’ Libreriji Diġitali Ewropej bħall-Europeana. It-teknoloġiji għad-diġitizzazzjoni massiva ta’ materjal stampat u għat-tiftix u l-indiċjar isaħħu l-valur tar-riċerka tal-kollezzjonijiet tal-libreriji. Il-ħolqien ta’ libreriji online kbar jiffaċilita għodod elettroniċi ta’ tiftix u riċerka li jiftħu sorsi ġodda ta’ esplorazzjoni għar-riċerkaturi u l-akkademiċi u li kieku ma jkunx hekk, ikollhom jikkuntentaw b’metodi ta’ riċerka aktar tradizzjonali u analoġiċi.

(2)

Il-ħtieġa li jiġi promoss il-moviment liberu tal-konoxxenza u l-innovazzjoni fis-suq intern hija komponent importanti tal-Istrateġija Ewropa 2020, kif spjegat fil-Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Ewropa 2020: Strateġija għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv”, li tinkludi, bħala waħda mill-inizjattivi ewlenin, l-iżvilupp ta’ Aġenda Diġitali għall-Ewropa.

(3)

Il-ħolqien ta’ qafas legali li jiffaċilita d-diġitizzazzjoni u d-disseminazzjoni ta’ xogħlijiet u materjal ieħor li huma protetti bid-dritt tal-awtur jew bi drittijiet relatati u li għalihom ma ġie identifikat l-ebda detentur tad-dritt jew li għalihom id-detentur tad-dritt, anki jekk ġie identifikat, ma ġiex lokalizzat, l-hekk imsejħa xogħlijiet orfni, huwa azzjoni ewlenija tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, kif spjegat fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem "Aġenda Diġitali għall-Ewropa". Din id-Direttiva tindirizza l-problema speċifika tad-determinazzjoni legali tal-istatus ta' xogħlijiet orfni u tal-konsegwenzi tiegħu f’dak li jirrigwarda l-utenti permessi u l-użi permessi ta' xogħolijiet jew fonogrammi li jkunu meqjusin bħala xogħolijiet orfni.

(4)

Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal soluzzjonijiet speċifiċi li qed jiġu żviluppati fl-Istati Membri biex jindirizzaw kwistjonijiet akbar tad-diġitizzazzjoni massiva, bħal fil-każ tal-hekk imsejħa “xogħlijiet li mhumiex fil-kummerċ”. Dawn is-soluzzjonijiet iqisu l-ispeċifiċitajiet tat-tipi differenti ta’ kontenut u utenti differenti u jibnu fuq il-kunsens tal-persuni interessati rilevanti. Dan l-approċċ ġie segwit ukoll fil-Memorandum ta’ Qbil dwar prinċipji ewlenin dwar diġitizzazzjoni u tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħlijiet li mhumiex fil-kummerċ, iffirmat fl-20 ta’ Settembru 2011 minn rappreżentanti tal-libreriji, awturi, pubblikaturi u organizzazzjonijiet tal-ġestjoni tad-drittijiet kollettivi Ewropej u attestat mill-Kummissjoni. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal dak il-Memorandum ta’ Qbil, li jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li ftehimiet volontarji konklużi bejn utenti, detenturi tad-drittijiet u organizzazzjonijiet tal-ġestjoni tad-drittijiet kollettivi dwar liċenzji għall-użu ta’ xogħlijiet li mhumiex fil-kummerċ abbażi tal-prinċipji li jinsabu fih igawdu miċ-ċertezza legali meħtieġa fil-kuntest nazzjonali u f’dak transkonfinali.

(5)

Id-dritt tal-awtur huwa l-bażi ekonomika għall-industrija kreattiva, peress li jistimula l-innovazzjoni, il-kreazzjoni, l-investiment u l-produzzjoni. Id-diġitizzazzjoni u d-disseminazzjoni ta’ xogħlijiet fuq skala kbira huma għalhekk mezz ta’ protezzjoni tal-wirt kulturali Ewropew. Id-dritt tal-awtur huwa għodda importanti biex jiġi żgurat li s-settur kreattiv ikun ippremjat għall-ħidma tiegħu.

(6)

Id-drittijiet esklussivi tad-detenturi tad-drittijiet li jirriproduċu ix-xogħoljiet tagħhom u materjal protett ieħor u li jagħmluhom disponibbli għall-pubbliku, kif armonizzati skont id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (3), jeħtieġu l-kunsens minn qabel tad-detenturi tad-drittijiet għad-diġitizzazzjoni jew għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

(7)

Fil-każ ta’ xogħlijiet orfni, m'huwiex possibbli li jinkiseb tali kunsens bil-quddiem biex isiru atti ta’ riproduzzjoni jew tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

(8)

Approċċi differenti fl-Istati Membri għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ xogħol bħala xogħol orfni jistgħu joħolqu ostakoli għall-funzjonament tas-suq intern u l-użu u l-aċċess transkonfinali fir-rigward ta’ xogħlijiet orfni. Dawn l-approċi differenti jistgħu jirriżultaw ukoll f’restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-oġġetti u s-servizzi li jinkorporaw kontenut kulturali. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi żgurat ir-rikonoxximent reċiproku ta’ tali status, għaliex dan jippermetti aċċess għal xogħlijiet orfni fl-Istati Membri kollha.

(9)

B’mod partikolari, huwa meħtieġ approċċ komuni biex jiġu determinati l-istatus ta’ xogħol orfni u l-użi permessi ta' xogħlijiet orfni biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali fis-suq intern fir-rigward tal-użu ta’ xogħlijiet orfni minn libreriji, stabbilimenti edukattivi u mużewijiet li huma aċċessibbli għall-pubbliku u kif ukoll minn arkivji, istituzzjonijiet tal-wirt ċinematografiku jew awdjo u organizzazzjonijiet tax-xandir pubbliku.

(10)

Xogħlijiet ċinematografiċi jew awdjoviżivi u fonogrammi li jinsabu fl-arkivji ta' organizzazzjonijiet ta' xandir pubbliku u dawk prodotti minnhom jinkludu xogħlijiet orfni. B'kont meħud tal-pożizzjoni speċjali li x-xandara għandhom bħala produtturi ta' fonogrammi u materjal awdjoviżiv u l-ħtieġa li jiġu adottati miżuri biex ikun hemm limitu għall-fenomenu tax-xogħlijiet orfni fil-ġejjieni, huwa xieraq li tiġi ffissata data ta' għeluq għall-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għal xogħlijiet u fonogrammi fl-arkivji ta' organizzazzjonijiet tax-xandir.

(11)

Xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi u fonogrammi fl-arkivji ta' organizzazzjonijiet ta' xandir pubbliku u prodotti minnhom għandhom għall-finijiet ta' din id-Direttiva jiġu kkunsidrati li jinkludu xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi u fonogrammi li huma kkummissjonati minn dawn l-organizzazzjonijiet għall-isfruttar esklussiv min-naħa tagħhom jew minn organizzazzjonijiet oħra koproduċenti ta’ xandir pubbliku. Xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi u fonogrammi fl-arkivji ta' organizzazzjonijiet ta' xandir pubbliku li ma jkunux ġew prodotti jew ikkummissjonati minn tali organizzazzjonijiet iżda li dawk l-organizzazzjonijiet ikunu ġew awtorizzati jużawhom skont ftehim ta’ liċenzjar m’għandhomx jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(12)

Għal raġunijiet ta’ rispett reċiproku inter-Statali, din id-Direttiva għandha tapplika biss għal xogħlijiet u fonogrammi li ġew ippubblikati għall-ewwel darba fit-territorju ta’ Stat Membru jew, fin-nuqqas tal-pubblikazzjoni, li xxandru għall-ewwel darba fit-territorju ta’ Stat Membru jew, fin-nuqqas ta’ pubblikazzjoni jew xandir, li saru pubblikament aċċessibbli mill-benefiċjarji ta’ din id-Direttiva bil-kunsnes tad-detenturi tad-drittijiet. F'dan l-aħħar każ, din id-Direttiva għandha tapplika biss dment li jkun raġonevoli li wieħed jippreżumi li d-detenturi tad-drittijiet ma jopponux l-użu permess b’din id-Direttiva.

(13)

Qabel ma xogħol jew fonogramma jkunu jistgħu jiġi kkunsidrati bħala xogħol orfni, għandha ssir tfittxija diliġenti bona fide għad-detentur tad-drittijiet fix-xogħol jew fonogramma, inklużi detenturi tad-drittijiet f'xogħlijiet u materjal protett ieħor li jkunu mdaħħla jew inkorporati fix-xogħol jew fonogramma. Għandu jkun permess għall-Istati Membri sabiex jipprovdu li tali tiftix diligenti jkun jista' jsir mill-organizzazzjonijiet imsemmija f'din id-Direttiva jew minn organizzazzjonijiet oħrajn. Dawn l-organizzazzjonijiet oħrajn jistgħu jitolbu ħlas għas-servizz ta’ tfittxija diliġenti.

(14)

Huwa xieraq li jsir provvediment għal approċċ armonizzat dwar tali tfittxija diliġenti biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-dritt tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fl-Unjoni. Tfittxija diliġenti għandha tinvolvi l-konsultazzjoni ta’ sorsi li jipprovdu tagħrif dwar ix-xogħlijiet u materjal protett ieħor kif determinat, b'konformità ma’ din id-Direttiva, mill-Istat Membru fejn għandha ssir it-tfittxjia diliġenti. Huma u jagħmlu hekk, l-Istati Membri jistgħu jirriferu għal-linji gwida dwar it-tiftix diliġenti miftiehmin fi ħdan il-Grupp ta’ Ħidma ta’ Livell Għoli dwar il-Libreriji Diġitali stabbilit bħala parti mill-inizjattiva għal librerija diġitali i2010.

(15)

Sabiex ma jkunx hemm duplikazzjoni tal-isforzi ta’ tiftix, tfittxija diliġenti għandha ssir biss f’dak l-Istat Membru fejn ix-xogħol jew fonogramma jkunu ġew ippubblikati għall-ewwel darba jew, f'każijiet fejn ma tkun seħħet l-ebda pubblikazzjoni, fejn ikunu xxandru għall-ewwel darba. It-tfittxija diliġenti fir-rigward ta' xogħlijiet ċinematografiċi jew awdjoviżivi li l-produttur tagħhom ikollu l-kwartieri ġenerali jew ir-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru għandha ssir f’dak l-Istat Membru. Fil-każ ta’ xogħlijiet ċinematografiċi jew awdjoviżivi li huma koprodotti minn produtturi stabbiliti fi Stati Membri differenti, it-tfittxija diliġenti għandha ssir f’kull wieħed minn dawk l-Istati Membri. Fir-rigward ta’ xogħlijiet u fonogrammi li la jkunu ġew ippubblikati u lanqas imxandra iżda li saru pubblikament aċċessibbli mill-benefiċjarji ta’ din id-Direttiva bil-kunsens tad-detenturi tad-drittijiet, it-tfittxija diliġenti għandha ssir fl-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-organizzazzjoni li għamlet dak ix-xogħol jew fonogramma pubblikament aċċessibbli bil-kunsens tad-detenturi tad-drittijiet. It-tiftix diliġenti għad-detenturi tad-drittijiet ta’ xogħlijiet u materjal protett ieħor li jkunu mdaħħla jew inkorporati f’xogħol jew fonogramma għandu jsir fl-Istat Membru fejn issir it-tfittxija diliġenti għax-xogħol jew fonogramma li fihom jkun imdaħħal jew inkorporat ix-xogħol jew materjal protett ieħor. Għandhom jiġu kkonsultati wkoll sorsi ta’ informazzjoni disponibbli f’pajjiżi oħrajn jekk ikun hemm evidenza li tindika li f’dawk il-pajjiżi l-oħrajn ikun hemm informazzjoni rilevanti dwar detenturi tad-drittijiet. It-twettiq ta' tiftix diliġenti jista’ jiġġenera informazzjoni ta’ tipi varji, bħal rekord tat-tfittxija u r-riżultat tat-tfittxija. Ir-rekord tat-tfittxija għandu jinżamm fejn ġie ffajljat bil-għan li l-organizzazzjonijiet rilevanti jkunu jistgħu jissostanzjaw li t-tfittxija kienet waħda diliġenti.

(16)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet ikkonċernati jżommu rekords tat-tfittxijiet diliġenti tagħhom u tar-riżultati ta’ dawn it-tfittxijiet, li jikkonsistu b’mod partikolari fi kwalunkwe deċiżjoni li xogħol jew fonogramma għandhom jitqiesu bħala xogħol orfni fis-sens ta’ din id-Direttiav, kif ukoll informazzjoni dwar il-bidla tal-istatus u dwar l-użu li dawk l-organizzazzjonijiet jagħmlu mix-xogħljiet orfni, jinġabru u jsiru disponibbli għall-pubbliku ġenerali, b’mod partikolari permezz tar-reġistrazzjoni tal-informazzjoni rilevanti f’bażi ta’ data online. Fid-dawl, b’mod partikolari, tad-dimensjoni pan-Ewropea, u biex ma jkunx hemm duplikazzjoni tal-isforzi, huwa f’loku li jsir provvediment għall-ħolqien ta' bażi ta’ data online waħdanija għall-Unjoni li jkun fiha tali informazzjoni u li titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’mod trasparenti. Dan jista' jippermetti li kemm l-organizzazzjonijiet li jagħmlu t-tiftix diliġenti kif ukoll id-detenturi tad-drittijiet ikollhom aċċess faċli għal tali informazzjoni. Il-bażi ta’ data jista’ jkollha rwol importanti wkoll biex tipprevjeni u ġġib fi tmiemhom vjolazzjonijiet possibbli tad-dritt tal-awtur, partikolarment fil-każ ta’ bidla fl-istatus ta’ xogħol orfni fir-rigward tax-xogħlijiet u l-fonogrammi. Taħt ir-Regolament (UE) Nru 386/2012 (4), l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (l-"Uffiċċju") huwa fdat b’ċerti kompiti u attivitajiet, iffinanzjati bl-użu tal-mezzi baġitarji proprji tiegħu, bil-għan li jiffaċilita u jappoġġa l-attivitajiet ta' awtoritajiet nazzjonali, tas-settur privat u tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-ġlieda kontra, inkluż il-prevenzjoni ta', ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

B’mod partikolari, skont il-punt (g) tal-Artikolu 2(1) ta’ dak ir-Regolament, dawk il-kompiti jinkludu l-forniment ta' mekkaniżmi li jgħinu fit-titjib tal-iskambju elettroniku ta’ informazzjoni rilevanti bejn l-awtoritajiet ikkonċernati tal-Istati Membri u t-trawwim tal-kooperazzjoni bejn dawk l-awtoritajiet. Għaldaqstant huwa xieraq li jingħata f'idejn l-Uffiċċju l-kompitu li jistabbilixxi u jamministra l-bażi ta’ data Ewropea li jkun fiha l-informazzjoni relatata max-xogħlijiet orfni msemmijin f’din id-Direttiva.

(17)

Jista' jkun hemm diversi detenturi tad-dritt fir-rigward ta' xogħol jew fonogramma partikolari, u xogħlijiet u fonogrammi jistgħu huma stess inkludu xogħlijiet oħrajn jew materjal protett. Din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa d-drittijiet ta’ detenturi tad-drittijiet identifikati u lokalizzati. Jekk tal-anqas detentur tad-drittijiet wieħed ikun ġie identifikat u lokalizzat, ix-xogħol jew fonogramma m’għandhomx jitqiesu bħala xogħol orfni. Il-benefiċjarji ta’ din id-Direttiva għandu jkollhom biss il-permess li jużaw xogħol jew fonogramma li fihom detentur jew detenturi tad-drittijiet ma jkunux identifikati jew lokalizzati, jekk ikunu awtorizzati jwettqu l-atti li bihom jirriproduċu u li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku koperti bl-Artikoli 2 u 3 rispettivament tad-Direttiva 2001/29/KE minn dawk id-detenturi tad-drittijiet li jkunu ġew identifikati u lokalizzati, inklużi detenturi tad-drittijiet f’xogħlijiet u materjal protett ieħor li jkunu mdaħħla jew inkorporati fix-xogħlijiet jew fonogrammi. Id-detenturi tad-drittijiet li jkunu ġew identifikati u lokalizzati jistgħu jagħtu din l-awtorizzazzjoni biss f’konnessjoni mad-drittijiet li tagħhom huma stess ikunu detenturi, jew minħabba li dawk id-drittijiet ikunu d-drittijiet proprji tagħhom jew minħabba li dawk id-drittijiet ikunu ġew trasferiti lilhom, u ma għandhomx ikunu jistgħu jawtorizzaw taħt din id-Direttiva kwalunkwe użu f’isem detenturi tad-drittijiet li ma jkunux ġew identifikati jew lokalizzati. B’mod korrispondenti, meta detenturi tad-drittijiet li qabel ma jkunux ġew identifikati jew lokalizzati jippreżentaw ruħhom biex jasserixxu drittijiethom fix-xogħol jew fonogramma, l-użu skont il-liġi tax-xogħol jew fonogramma mill-benefiċjajri jista' jkompli biss jekk dawk id-detenturi tad-drittijiet jagħtu l-awtorizzazzjoni tagħhom għal dan taħt id-Direttiva 2001/29/KE fir-rigward ta' drittijiet li tagħhom huma jkunu d-detenturi.

(18)

Id-detenturi tad-drittijiet għandhom ikunu intitolati li jtemmu l-istatus ta’ xogħol orfni fil-każ li jippreżentaw ruħhom biex jasserixxu drittijiethom fix-xogħol jew materjal protett ieħor. Id-detenturi li jtemmu l-istatus ta’ xogħol orfni ta’ xogħol jew materjal protett ieħor għandhom jirċievu kumpens ġust għall-użu li jkun sar mix-xogħlijiet tagħhom jew mill-materjal protett ieħor taħt din id-Direttiva, li għandu jiddeterminah l-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-organizzazzjoni li tuża x-xogħol orfni. L-Istati Membri għandhom ikunu liberi li jiddetereminaw iċ-ċirkostanzi li bihom il-pagament ta’ tali kumpens jista’ jiġi organizzat, inkluż iż-żmien preċiż meta l-pagament isir dovut. Sabiex jiġi determinat il-livell possibli ta’ kumpens ġust, għandhom jitqiesu debitament, inter alia, l-objettivi tal-Istati Membri rigward il-promozzjoni kulturali, in-natura mhux kummerċjali tal-użu min-naħa tal-organizzazzjoniiet inkwistjoni sabiex jilħqu l-għanijiet relatati mal-missjonijiet tagħhom ta’ servizz pubbliku, bħall-promozzjoni tat-tagħlim u d-disseminazzjoni tal-kultura, u l-ħsara possibbli lid-detenturi tad-drittijiet.

(19)

Jekk, wara tfittxija li ma kenitx diliġenti, tkun saret identifikazzjoni żbaljata ta’ xogħol jew fonogramma bħala xogħol orfni, għandhom jibqgħu disponibbli r-rimedji għall-ksur tad-dritt tal-awtur fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, previsti taħt id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti u l-liġi tal-Unjoni.

(20)

Sabiex jiġu promossi t-tagħlim u d-disseminazzjoni tal-kultura, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għal eċċezzjoni jew limitazzjoni b’żieda ma’ dawk provduti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29/KE. Dik l-eċċezzjoni jew dak il-limitu għandhom jippermettu lil ċerti organizzazzjonijiet, kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 5(2)(c) tad-Direttiva 2001/29/KE u istituzzjonijiet tal-wirt ċinematografiku jew awdjo li joperaw mingħajr skop ta' profitt, kif ukoll organizzazzjonijiet tax-xandir pubbliku, li jirriproduċu u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku, fis-sens ta' dik id-Direttiva, xogħlijiet orfni, sakemm tali użu jissodisfa l-missjoni ta’ interess pubbliku tagħhom, b’mod partikolari l-konservazzjoni, ir-restawr u l-għoti ta’ aċċess kulturali u edukattiv għall-kollezzjonijiet tagħhom, inklużi l-kollezzjonijiet diġitali tagħhom. L-istituzzjonijiet tal-wirt ċinematografiku jew awdjo għandhom, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ikopru organizzazzjonijiet nominati mill-Istati Membri biex jiġbru, jikkatalogaw u jirrestawraw films u xogħlijiet awdjoviżivi oħrajn jew fonogrammi li jagħmlu parti mill-wirt kulturali tagħhom. Organizzazzjonijiet ta' xandir pubbliku, għall-finijiet ta' din id-Direttiva, ikopru xandara b'mandat ta' servizz pubbliku kif konferit, definit u organizzat minn kull Stat Membru. L-eċċezzjoni jew limitazzjoni stabbilita b’din id-Direttiva biex tippermetti l-użu ta’ xogħlijiet orfni hija mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet provduti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29/KE. Hija tista' tiġi applikata biss f’ċerti każijiet speċjali li ma jkunux konfliġġenti mal-isfruttar normali tax-xogħol jew tal-materjal protett ieħor u li ma jippreġudikawx l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet b’mod li ma jkunx raġonevoli.

(21)

Bħala inċentiv għad-diġitizzazzjoni, il-benefiċjarji ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu jistgħu jkollhom introjtu relattivament għall-użu li jagħmlu ta’ xogħlijiet orfni taħt din id-Direttiva sabiex jilħqu għanijiet relatati mal-missjonijiet tagħhom ta’ interess pubbliku, inkluż dawk fil-kuntest ta’ ftehimiet ta’ sħubija bejn is-settur pubbliku u l-privat.

(22)

L-arranġamenti kuntrattwali jista' jkollhom rwol fit-tkattir tad-diġitizzazzjoni tal-wirt storiku Ewropew fis-sens li libreriji, istituzzjonijiet edukattivi u mużewijiet li huma aċċessibbli għall-pubbliku u kif ukoll arkivji, istituzzjonijiet tal-wirt ċinematografiku jew awdjo u organizzazzjonijiet tax-xandir pubbliku, għandhom jitħallew, bil-ħsieb li jagħmlu l-użi permessi taħt din id-Direttiva, jikkonkludu ftehimiet ma’ sħab kummerċjali għad-diġitizzazzjoni tax-xogħlijiet orfni u biex jagħmluhom disponibbli għall-pubbliku. Dawn l-arranġamenti jistgħu jinkludu kontribuzzjonijiet finanzjarji minn dawn is-sħab. Dawn il-ftehimiet m’għandhom jimponu l-ebda restrizzjoni fuq il-benefiċjarji ta’ din id-Direttiva rigward l-użu ta' xogħlijiet orfni min-naħa tagħhom u m'għandhom jagħtu lis-sieħeb kummerjali l-ebda dritt li juża, jew jikkontrolla l-użu ta', ix-xogħlijiet orfni.

(23)

Sabiex jitrawwem l-aċċess taċ-ċittadini tal-Unjoni għall-wirt kulturali tal-Ewropa, huwa meħtieġ ukoll li jiġi żgurat li xogħlijiet orfni li jkunu ġew diġitizzati u jkunu saru disponibbli għall-pubbliku f’xi Stat Membru jistgħu jsiru disponibbli għall-pubbliku wkoll fi Stati Membri oħrajn. Libreriji, istituzzjonijiet edukattivi u mużewijiet li huma aċċessibbli għall-pubbliku u kif ukoll arkivji, istituzzjonijiet tal-wirt ċinematografiku jew awdjo u organizzazzjonijiet tax-xandir pubbliku li jużaw xogħlijiet orfni biex jissodisfaw missjonijiet ta' interess pubbliku għandhom ikunu jistgħu jagħmlu x-xogħlijiet disponibbli għall-pubbliku fi Stati Membri oħrajn.

(24)

Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti eżistenti fl-Istati Membri fir-rigward tal-ġestjoni ta’ drittijiet bħal liċenzji kollettivi estiżi, preżunzjonijiet legali ta’ rappreżentanza jew trasferiment, ġestjoni kollettiva jew arranġamenti simili jew kombinazzjoni tagħhom, inklużi dawk għad-diġitizzazzjoni tal-massa.

(25)

Ladarba l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali fir-rigward tal-użu ta’ xogħlijiet orfni, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista', għalhekk, minħabba l-ħtieġa ta' uniformità tar-regoli li jiggvernaw l-użu ta’ xogħlijiet orfni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif previst fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett u ambitu

1.   Din id-Direttiva tikkonċerna ċerti użi li jsiru minn xogħlijiet orfni minn libreriji, stabbilimenti edukattivi u mużewijiet li huma aċċessibbli għall-pubbliku, u kif ukoll minn arkivji, istituzzjonijiet tal-wirt ċinematografiku jew awdjo u organizzazzjonijiet tax-xandir pubbliku, stabbiliti fl-Istati Membri, biex jintlaħqu għanijiet relatati mal-missjonijiet tagħhom ta’ interess pubbliku.

2.   Din id-Diretiva għandha tapplika għal:

(a)

xogħlijiet ippubblikati f’forma ta’ kotba, ġurnali, gazzetti, rivisti jew kitbiet oħra li jinsabu f’kollezzjonijiet ta’ libreriji, stabbilimenti edukattivi jew mużewijiet li huma aċċessibbli għall-pubbliku kif ukoll fil-kollezzjonijiet ta’ arkivji jew ta’ istituzzjonijiet tal-wirt ċinematografiku jew awdjo oħra;

(b)

xogħlijiet ċinematografiċi jew awdjoviżivi u fonogrammi li jinsabu f’kollezzjonijiet ta’ libreriji, stabbilimenti edukattivi jew mużewijiet li huma aċċessibbli għall-pubbliku kif ukoll fil-kollezzjonijiet ta’ arkivji jew ta’ istituzzjonijiet tal-wirt ċinematografiku jew awdjo; u

(c)

xogħlijiet ċinematografiċi jew awdjoviżivi u fonogrammi prodotti minn organizzazzjonijiet tax-xandir pubbliku sa u inkluż il-31 ta' Diċembru 2002 u miżmuma fl-arkivji tagħhom;

li huma protetti bid-dritt tal-awtur jew bi drittijiet relatati u li jkunu ġew ippubblikati għall-ewwel darba fi Stat Membru jew, fin-nuqqas ta’ pubblikazzjoni, ixxandru għall-ewwel darba fi Stat Membru.

3.   Din id-Direttiva tapplika wkoll għal xogħlijiet u fonogrammi msemmija fil-paragrafu 2 li qatt ma jkunu ġew ippubblikati jew imxandra iżda li jkunu saru pubblikament aċċessibbli mill-organizzazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 bil-kunsens tad-detenturi tad-drittijiet, dment li jkun raġonevoli li wieħed jippreżumi li d-detenturi tad-drittijiet ma jopponux l-użi msemmija fl-Artikolu 6. L-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu għal xogħlijiet u fonogrammi li jkunu ġew depożitati ma’ dawn l-organizzazzjonijiet qabel id-29 ta’ Ottubru 2014.

4.   Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għal xogħlijiet u materjal protett ieħor li jkunu mdaħħla jew inkorporati jew li jikkostitwixxu parti integrali fix-xogħlijiet jew fil-fonogrammi msemmija fil-paragrafi 2 u 3.

5.   Din id-Direttiva ma tinċidi fuq ebda arranġament fir-rigward tal-ġestjoni tad-drittijiet fil-livell nazzjonali.

Artikolu 2

Xogħlijiet orfni

1.   Xogħol jew fonogramma għandhom jitqiesu bħala xogħol orfni jekk ħadd mid-detenturi tad-drittijiet fuq dak ix-xogħol jew fonogramma ma jkunu identifikat jew, anki jekk wieħed jew iżjed minnhom ikunu identifikati, ħadd minnhom ma jiġi lokalizzat minkejja li tkun saret u ġiet reġistrata tfittxija diliġenti għad-detenturi tad-drittijiet skont l-Artikolu 3.

2.   Meta jkun hemm aktar minn detentur wieħed tad-drittijiet f'xogħol jew fonogramma, u mhux kollha jkunu ġew identifikati jew, anki jekk ikunu ġew identifikati, mhux kollha jkunu ġew lokalizzati wara li tkun saret tfittxija diliġenti skont l-Artikolu 3, ix-xogħol jew fonogramma ikun jistgħu jintużaw b'konformità ma' din id-Direttiva dment li d-detenturi tad-drittijiet li jkunu ġew identifikati u lokalizzati jkunu, relattivament għad-drittijiet li tagħhom huma detenturi, awtorizzaw lill-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) biex jagħmlu l-atti ta’ riproduzzjoni u tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku koperti rispettivament bl-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2001/29/KE.

3.   Il-paragrafu 2 għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet fix-xogħol jew fonogramma ta’ detenturi tad-drittijiet li jkunu ġew identifikati u lokalizzati.

4.   L-Artikolu 5 għandu japplika mutatis mutandis għad-detenturi tad-drittijiet fix-xogħlijiet imsemmija fil-paragrafu 2 li ma jkunux ġew identifikati u lokalizzati.

5.   Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar xogħlijiet anonimi jew bi psewdonimu.

Artikolu 3

Tiftix diliġenti

1.   Sabiex jiġi determinat jekk xi xogħol jew fonogramma humiex xogħol orfni, l-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) għandhom jiżguraw li jitwettaq tiftix diliġenti bona fide fir-rigward ta' kull xogħol individwali jew kwalunkwe materjal protett ieħor, billi jikkonsultaw is-sorsi rilevanti għall-kategorija tax-xogħol u materjal protett ieħor inkwistjoni. It-tfittxija diliġenti għandha ssir qabel l-użu tax-xogħol jew fonogramma.

2.   Is-sorsi li huma rilevanti għal kull kategorja ta’ xogħol jew fonogramma inkwistjoni għandhom jiġu determinati minn kull Stat Membru, b’konsultazzjoni mad-detenturi tad-dritt u l-utenti, u għandhom tal-anqas jinkludu s-sorsi rilevanti elenkati fl-Anness.

3.   It-tfittxija diliġenti għandha ssir fl-Istat Membru fejn ix-xogħol ġie ppubblikat għall-ewwel darba jew, fin-nuqqas ta’ pubblikazzjoni, ixxandar għall-ewwel darba, ħlief fil-każ ta’ xogħlijiet ċinematografiċi jew awdjoviżivi li l-produttur tagħhom ikollu l-kwartieri ġenerali jew ir-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru, f’liema każ it-tfittxija diliġenti għandha ssir fl-Istat Membru fejn ikollu l-kwartieri ġenerali jew ir-residenza abitwali tiegħu.

Fil-każ imsemmi fl-Artikolu 1(3) it-tfittxija diliġenti għandha ssir fl-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-organizzazzjoni li tkun għamlet ix-xogħol jew fonogramma pubblikament aċċessibbli bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet.

4.   Jekk ikun hemm evidenza li tindika li f’pajjiżi oħrajn hemm informazzjoni rilevanti dwar id-detenturi tad-drittijiet, is-sorsi ta’ informazzjoni disponibbli f’dawk il-pajjiżi l-oħrajn għandhom jiġu kkonsultati wkoll.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) iżommu rekords tat-tfittxijiet diliġenti tagħhom u li dawn l-organizzazzjonijiet jagħtu l-informazzjoni li ġejja lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti:

(a)

ir-riżultati tat-tfittxijiet diliġenti li dawn l-organizzazzjonijiet ikunu għamlu u li jkunu wasslu għall-konklużjoni li xogħol jew fonogramma jitqiesu bħala xogħol orfni;

(b)

l-użu li l-organizzazzjonijiet jagħmlu mix-xogħlijiet orfni b'konformità ma’ din id-Direttiva;

(c)

kwalunkwe bidla, skont l-Artikolu 5, fl-istatus bħala xogħol orfni ta’ xogħlijiet u fonogrammi li l-organizzazzjonijiet jużaw;

(d)

l-informazzjoni rilevanti għall-finijiet ta’ kuntatt tal-organizzazzjoni kkonċernata.

6.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 tkun irreġsitrata f’bażi ta’ data online waħdanija li tkun pubblikament aċċessibbli, stabbilita u amministrata mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (l-"Uffiċċju") b'konformità mar-Regolament (UE) Nru 386/2012. Għal dak il-għan, għandhom jgħaddu dik l-informazzjoni lill-Uffiċċju mingħajr dewmien malli jirċevuha mill-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1).

Artikolu 4

Rikonoxximent reċiproku tal-istatus ta’ xogħol orfni

Xogħol jew fonogramma li jkunu meqjusin bħala xogħol orfni skont l-Artikolu 2 fi Stat Membru għandhom jitqiesu bħala xogħol orfni fl-Istati Membri kollha. Dak ix-xogħol jew dik il-fonogramma jistgħu jintużaw u jsir aċċess għalihom b'konformità ma’ din id-Direttiva fl-Istati Membri kollha. Dan japplika wkoll għal xogħlijiet u fonogrammi msemmija fl-Artikolu 2(2) sa fejn huma kkonċernati d-drittijiet ta’ detenturi tad-drittijiet mhux identifikati u mhux lokalizzati.

Artikolu 5

Tmiem tal-istatus ta’ xogħol orfni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li detentur tad-drittijiet f’xogħol jew f’fonogramma li jkunu meqjusin bħala xogħol orfni, jkollu, f’kull waqt, il-possibbiltà li jtemm l-istatus ta’ xogħol orfni sa fejn huma kkonċernati d-drittijiet tiegħu.

Artikolu 6

L-użu permess ta’ xogħlijiet orfni

1.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt ta' riproduzzjoni u d-dritt ta' tqegħid għad-dipożizzjoni tal-pubbliku previsti rispettivament fl-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2001/29/KE sabiex jiżguraw li jkun permess għall-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) li jużaw xogħlijiet orfni li jkunu fil-kollezzjonijiet tagħhom bil-modi li ġejjin:

(a)

billi jagħmlu x-xogħol orfni disponibbli għall-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29/KE;

(b)

permezz ta’ atti ta’ riproduzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29/KE, għall-finijiet ta' diġitizzazzjoni, tqegħid għad-dispożizzjoni, indiċjar, katalogar, konservazzjoni jew restawr.

2.   L-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) għandhom jagħmlu użu minn xogħol orfni b'konformità mal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu biss sabiex jilħqu għanijiet relatati mal-missjonijiiet tagħhom ta’ interess pubbliku, b’mod partikolari l-konservazzjoni, r-restawr ta', u l-għoti ta’ aċċess kulturali u edukattiv għal, xogħlijiet u fonogrammi miżmuma fil-kollezzjoni tagħhom. L-organizzazzjonijiet jistgħu jkollhom introjtu waqt dawn l-użi, għall-fini esklussiva li jkopru l-ispejjeż tagħhom sabiex jiddiġitizzaw xogħlijiet orfni u jagħmluhom disponibbli għall-pubbliku.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) jindikaw l-ismijiet tal-awturi identifikati u ta’ detenturi oħra tad-drittijiet fi kwalunkwe użu ta’ xogħol orfni.

4.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-libertà kuntrattwali ta' dawn l-organizzazzjonijiet waqt li jwettqu l-missjonijiet ta' interess pubbliku tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-ftehimiet ta’ sħubija bejn is-settur pubbliku u l-privat.

5.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu provvediment sabiex ikun dovut kumpens ġust lid-detenturi tad-drittijiet li jġibu fi tmiemu l-istatus ta’ xogħol orfni tax-xogħlijiet jew materjal protett ieħor tagħhom għall-użu li jkun sar mill-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) minn dawn ix-xogħlijiet u materjal protett ieħor b'konformità mal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. L-Istati Membri għandhom ikunu liberi jiddeterminaw iċ-ċirkostanzi li taħthom jista’ jiġi organizzat il-pagament ta’ tali kumpens. Il-livell tal-kumpens għandu jkun, fil-limiti imposti mil-liġi tal-Unjoni, determinat mil-liġi tal-Istat Membru li fih tkun stabbilita l-organizzazzjoni li tuża x-xogħol orfni inkwistjoni.

Artikolu 7

Applikazzjoni kontinwa ta’ disposizzjonijiet legali oħrajn

Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw, b'mod partikolari, id-drittijiet tal-privattivi, trademarks, drittijiet tad-disinn, mudelli ta' utilità, it-topografiji ta' prodotti semikundutturi, type faces, aċċess kondizzjonali, aċċess għal servizzi ta' xandir għall-cable, il-protezzjoni ta' teżori nazzjonali, rekwiżiti fuq depożitu legali, liġijiet dwar prattiċi restrittivi u kompetizzjoni żleali, siġrieti kummerċjali, siġurtà, kunfidenzjalità, protezzjoni tad-data u privatezza, aċċess għal dokumenti pubbliċi, il-liġi dwar il-kuntratti, u regoli dwar il-libertà tal-istampa u l-libertà ta’ espressjoni fil-media.

Artikolu 8

Applikazzjoni kronoloġika

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika fir-rigward tax-xogħlijiet u fonogrammi kollha msemmija fl-Artikolu 1 li huma protetti mil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, fi jew wara d-29 ta’ Ottubru 2014.

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe att konkluż u kwanlunkwe dritt miksub qabel id-29 ta’ Ottubru 2014.

Artikolu 9

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sad-29 ta’ Ottubru 2014. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 10

Klawsola ta' reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha tirrivedi kostantement l-iżvilupp tas-sorsi ta' informazzjoni dwar id-drittijiet, u għandha sad-29 ta’ Ottubru 2015, u sussegwentement f'intervalli ta' kull sena, tippreżenta rapport dwar il-possibbiltà ta' inklużjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni ta' din id-Direttiva ta' pubblikaturi u ta' xogħlijiet jew materjal protett ieħor li attwalment ma jkunux inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, u b'mod partikolari ritratti waħedhom u immaġni oħrajn.

Sad-29 ta’ Ottubru 2015, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, fid-dawl tal-iżvilupp tal-libreriji diġitali.

Meta jkun meħtieġ, b'mod partikolari sabiex tiżgura l-funzjonament tas-suq intern, il-Kummisjoni għandha tressaq proposti għall-emendament ta' din id-Direttiva.

Stat Membru li jkollu raġunijiet validi sabiex jikkunsidra li l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva timpedixxi xi wieħed mill-arranġamenti nazzjonali dwar il-ġestjoni tad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 1(5) jista’ jressaq il-kwistjoni għall-attenzjoni tal-Kummissjoni flimkien mal-evidenza rilevanti kollha. Il-Kummissjoni għandha tqis tali evidenza hija u tfassal ir-rapport imsemmi fit-tieni paragrafu ta' dan l-Artikolu u hija u tivvaluta jekk huwiex meħtieġ li tippreżenta proposti għall-emendament ta' din id-Direttiva.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 12

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta’ Ottubru 2012.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

A. D. MAVROYIANNIS


(1)  ĠU C 376, 22.12.2011, p. 66.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2012 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta' Ottubru 2012.

(3)  ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10.

(4)  Regolament (UE) Nru 386/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ April 2012 li permezz tiegħu l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) jiġi fdat b’ċerti kompiti relatati mal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inkluż it-tlaqqigħ ta’ rappreżentanti mis-settur pubbliku u privat bħala Osservatorju Ewropew tal-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (ĠU L 129, 16.5.2012, p. 1).


ANNESS

Is-sorsi msemmijia fl-Artikolu 3(2) jinkludu dawn li ġejjin:

(1)

għal kotba ppublikati:

(a)

depożitu legali, katalogi tal-libreriji u fajls ta’ awtoritajiet miżmuma minn libreriji u istituzzjonijiet oħra;

(b)

l-assoċjazzjonijiet tal-pubblikaturi u tal-awturi fil-pajjiż rispettiv;

(c)

bażijiet ta' data u reġistri eżistenti, WATCH (Writers, Artists and their Copyright Holders), l-ISBN (International Standard Book Number) u bazijiet ta' data ta' kotba disponibbli fl-istampa;

(d)

il-bażijiet ta' data tas-soċjetajiet ta' ġbir rilevanti, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tar-riproduzzjoni;

(e)

sorsi li jintegraw diversi bażijiet ta’ data u reġsitri, inklużi VIAF (Virtual International Authority Files) u ARROW (Accessible Registries of Rights Information and Orphan Works);

(2)

għal gazzetti, rivisti, ġurnali u perjodiċi:

(a)

l-ISSN (International Standard Serial Number) għal pubblikazzjonijiet perjodiċi;

(b)

indiċijiet u katalogi minn libreriji u kollezzjonijiet;

(c)

depożitu legali;

(d)

l-assoċjazzjonijiet tal-pubblikaturi u l-assoċjazzjonijiet ta’ awturi u ġurnalisti fil-pajjiż rispettiv;

(e)

il-bażijiet ta' data tas-soċjetajiet ta’ ġbir rilevanti, inklużi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tar-riproduzzjoni;

(3)

għal xogħlijiet viżivi, inklużi l-arti, il-fotografija, l-illustrazzjonijiet, id-disinn, l-arkitettura, l-abbozzi ta' dawn ix-xogħlijiet tal-aħħar u xogħolijiet oħrajn tali li jinsabu f’kotba, ġurnali, gazzetti u rivisti jew xogħlijiet oħra:

(a)

is-sorsi msemmija fil-punti (1) u (2);

(b)

il-bażijiet ta' data tas-soċjetajiet ta' ġbir rilevanti, b’mod partikolari għall-arti viżiva u inklużi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tar-riproduzzjoni;

(c)

il-bażijiet ta' data tal-aġenziji tar-ritratti, meta jkun applikabbli;

(4)

għal xogħlijiet awdjoviżivi u fonogrammi:

(a)

depożitu legali;

(b)

l-assoċjazzjonijiet tal-produttiuri fil-pajjiż rispettiv;

(c)

bażijiet ta' data ta’ istituzzjonijiet tal-wirt ċinematrografiku jew awdjo u libreriji nazzjonali;

(d)

bażijiet ta' data bi standards u identifikaturi rilevanti bħall-ISAN (International Standard Audiovisual Number) għal materjal awdjoviżiv, ISWC (International Standard Music Work Code) għal xogħlijiet mużikali u ISRC (International Standard Recording Code) għal fonogrammi;

(e)

il-bażijiet ta' data tas-soċjetajiet ta' ġbir rilevanti, b’mod partikolari għall-awturi, artisti, produtturi tal-fonogrammi u produtturi awdjoviżivi;

(f)

listi ta' parteċipanti u informazzjoni oħra li jidhru fuq l-imballaġġ tax-xogħol;

(g)

il-bażijiet ta' data ta’ assoċjazzjonijiet rilevanti oħrajn li jirrappreżentaw kategorija speċifika ta’ detenturi tad-drittijiet.