23.8.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 227/7 |
DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2012/22/UE
tat-22 ta’ Awwissu 2012
li temenda d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex il-Karbonat tad-DDA jiġi inkluż bħala sustanza attiva fl-Anness I għaliha
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(4) tagħha,
Billi:
(1) |
Fis-17 ta’ Jannar 2007, ir-Renju Unit irċieva applikazzjoni mingħand Lonza, skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 98/8/KE, biex is-sustanza attiva Karbonat tad-DDA tiddaħħal fl-Anness I għall-użu fi prodotti tat-tip 8, preservattivi tal-injam, kif iddefinit fl-Anness V għad-Direttiva 98/8/KE. Il-Karbonat tad-DDA ma kienx fis-suq fid-data msemmija fl-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 98/8/KE bħala sustanza attiva ta’ prodott bijoċidali. |
(2) |
Wara li wettaq evalwazzjoni, fil-11 ta’ Novembru 2010, ir-Renju Unit ressaq ir-rapport tiegħu flimkien ma’ rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni. |
(3) |
Ir-rapport ġie analizzat mill-Istati Membri u l-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali fit-2 ta’ Marzu 2012, u s-sejbiet tal-analiżi ġew inkorporati fir-rapport ta’ valutazzjoni. |
(4) |
Skont l-evalwazzjonijiet li saru, jidher li l-prodotti bijoċidali użati bħala preservattivi tal-injam u li fihom il-Karbonat tad-DDA jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/8/KE. Għalhekk huwa xieraq li l-Karbonat tad-DDA jiġi inkluż għal użu fil-prodotti tat-tip 8 fl-Anness I għad-Direttiva. |
(5) |
Ma ġewx evalwati l-użi potenzjali kollha fil-livell tal-Unjoni. Pereżempju, l-użu minn utenti mhux professjonali ma ġiex ivvalutat. Għalhekk huwa xieraq li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jivvalutaw dawk ix-xenarji ta’ użu jew esponiment u dawk ir-riskji għall-popolazzjonijiet umani u l-kompartimenti ambjentali li għadhom ma ġewx indirizzati b’mod rappreżentattiv fil-valutazzjoni tar-riskji li saret fil-livell tal-Unjoni, u li, meta jkunu qed jagħtu l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti, jiżguraw li jittieħdu miżuri xierqa jew li jiġu imposti kundizzjonijiet speċifiċi sabiex ir-riskji identifikati jitnaqqsu għal livelli aċċettabbli. |
(6) |
Fid-dawl tar-riskji identifikati għas-saħħa tal-bniedem, għall-utenti industrijali huwa xieraq li jkun mitlub li jkunu stabbiliti proċeduri operazzjonali sikuri, u li l-prodotti jintużaw b’tagħmir personali protettiv xieraq sakemm fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-prodott ma jkunx jista’ jintwera li r-riskji jistgħu jitnaqqsu għal livell aċċettabbli permezz ta’ mezzi oħra. |
(7) |
minħabba r-riskji identifikati għall-kompartimenti akkwatiċi u terrestri, huwa xieraq li jkun meħtieġ li l-applikazzjoni industrijali titwettaq f’żona iżolata jew fuq bażi iebsa impermeabbli b’sistema ta’ iżolament, li hekk kif l-injam jiġi ttrattat jinħażen taħt għata u/jew fuq bażi iebsa impermeabbli, u li kwalunkwe rilaxx mill-applikazzjoni ta’ prodotti użati bħala preservattivi tal-injam u li fihom il-Karbonat tad-DDA jinġabar għall-użu mill-ġdid jew għar-rimi. |
(8) |
Ġew identifikati riskji mhux aċċettabbli għall-ambjent għal sitwazzjonijiet meta njam ittrattat permezz ta’ immersjoni fil-Karbonat tad-DDA jkun espost kontinwament għall-elementi jew ikun suġġett għal tixrib frekwenti (użu tal-klassi 3 kif iddefinit mill-Organizzazzjoni għal Kooperazzjoni u Żvilupp Ekonomiku (Organisation for Economic Co-operation and Development — OECD) (2)), u meta njam ittrattat bil-Karbonat tad-DDA jintuża għall-kostruzzjoni fuq barra qrib jew fuq l-ilma (ix-xenarju ta’ ‘pont’ fl-użu tal-klassi 3, kif iddefinit mill-OECD (3)) jew kien f’kuntatt ma’ ilma ħelu (użu tal-klassi 4b kif iddefinit mill-OECD (4)). Għalhekk, huwa xieraq li jintalab li l-prodotti ma jiġux awtorizzati għat-trattament tal-injam maħsub għal dawk l-użi, sakemm ma tkunx ġiet ippreżentata dejta li turi li l-prodott se jissodisfa kemm ir-rekwiżiti tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/8/KE kif ukoll tal-Anness VI għaliha, jekk meħtieġ bl-applikazzjoni ta’ miżuri xierqa ta’ mitigazzjoni tar-riskji. |
(9) |
Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu applikati bl-istess mod fl-Istati Membri kollha sabiex jiġi żgurat trattament ugwali fis-suq tal-Unjoni tal-prodotti bijoċidali tal-prodotti tat-tip 8 li fihom is-sustanza attiva Karbonat tad-DDA, u wkoll biex jiġi ffaċilitat l-operat kif suppost tas-suq tal-prodotti bijoċidali b’mod ġenerali. |
(10) |
Għandu jitħalla jgħaddi perjodu raġonevoli qabel ma sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I għad-Direttiva 98/8/KE sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. |
(11) |
Id-Direttiva 98/8/KE għalhekk għandha tiġi emendata skont dan. |
(12) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali, |
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
L-Anness I għad-Direttiva 98/8/KE huwa emendat skont l-Anness għal din id-Direttiva.
Artikolu 2
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar 2013.
Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Frar 2013.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati mit-tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-kamp kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Awwissu 2012.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1.
(2) Serje ta’ dokumenti tal-OECD dwar ix-xenarju tal-emissjonijiet, Numru 2, id-Dokument dwar ix-Xenarju tal-Emissjonijiet għall-Preservattivi tal-Injam, il-parti 2, p. 64.
(3) Ibid.
(4) Ibid.
ANNESS
Fl-Anness I għad-Direttiva 98/8/KE għandha tiżdied l-entrata li ġejja:
Nru |
Isem Komuni |
Isem tal-IUPAC Numri ta’ Identifikazzjoni |
Purezza minima tas-sustanza attiva fil-prodott bijoċidali kif jitqiegħed fis-suq |
Data tal-inklużjoni |
Skadenza sa meta għandu jkun hemm konformità mal-Artikolu 16(3) (ħlief għall-prodotti li jkun fihom aktar minn sustanza attiva waħda, li għalihom l-iskadenza sa meta għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 16(3) għandha tkun dik stipulata fl-aħħar deċiżjoni minn dawk dwar l-inklużjoni marbuta mas-sustanzi attivi tagħhom) |
Data ta’ skadenza tal-inklużjoni |
Tip ta’ prodotti |
Dispożizzjonijiet speċifiċi (*) |
||||||
“58 |
Karbonat tad-DDA |
Massa ta’ reazzjoni ta’ Karbonat tal-N,N-Dideċil-N,N-dimetilammonju, u Bikarbonat tal-N,N-Dideċil-N,N-dimetilammonju Nru tal-KE: 451-900-9 Nru tal-CAS: 894406-76-9 |
Piż niexef: 740 gm/kg |
fl-1 ta’ Frar 2013. |
Mhux applikabbli |
fil-31 ta’ Jannar 2023. |
8 |
Il-valutazzjoni tar-riskji fil-livell tal-Unjoni ma kinetx tindirizza l-użi potenzjali kollha; ċerti użi, bħall-użu minn utenti mhux professjonali, ġew esklużi. Meta l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ prodott tkun qed tiġi vvalutata, skont l-Artikolu 5 u l-Anness VI, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw, fejn rilevanti għall-prodott partikolari, dawk ix-xenarji ta’ użu jew esponiment u dawk ir-riskji għall-popolazzjonijiet umani u għall-kompartimenti ambjentali li ma ġewx indirizzati b’mod rappreżentattiv fil-valutazzjoni tar-riskji fil-livell tal-Unjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet ikunu soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(*) Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji komuni tal-Anness VI, il-kontenut u l-konklużjonijiet tar-rapporti ta’ valutazzjoni huma disponibbli fuq is-sit tal-Internet tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/comm/environment/biocides/index.htm