|
11.5.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 124/36 |
DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2012/16/UE
tal-10 ta’ Mejju 2012
li temenda d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tinkludi l-aċidu idrokloriku bħala sustanza attiva fl-Anness I għaliha
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1451/2007 tal-4 ta’ Diċembru 2007 dwar it-tieni fażi tal-programm ta’ ħidma ta’ 10 snin imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti bijoċidali (2) jistabbilixxi lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu vvalutati, bil-għan li possibbilment jiġu inklużi fl-Anness I, IA jew IB għad-Direttiva 98/8/KE. Dik il-lista tinkludi l-aċidu idrokloriku. |
|
(2) |
Skont ir-Regolament (KE) Nru 1451/2007, l-aċidu idrokloriku ġie evalwat skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 98/8/KE għall-użu fi prodotti tat-tip 2, diżinfettanti ta' żoni privati u pubbliċi u prodotti bijoċidali oħra, kif iddefiniti fl-Anness V għal dik id-Direttiva. |
|
(3) |
Il-Latvja nħatret bħala l-Istat Membru Rapporteur u ressqet ir-rapport tal-awtorità kompetenti, flimkien ma’ rakkomandazzjoni, lill-Kummissjoni fis-16 ta' Ottubru 2009 skont l-Artikolu 14(4) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007. |
|
(4) |
Ir-rapport tal-awtorità kompetenti ġie analizzat mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007, is-sejbiet mill-analiżi ġew inkorporati, fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali fid-9 ta' Diċembru 2011, f’rapport ta’ valutazzjoni. |
|
(5) |
Jidher mill-evalwazzjonijiet li l-prodotti bijoċidali użati bħala diżinfettanti ta' żoni privati u pubbliċi u prodotti bijoċidali oħra, skont il-prodotti tat-tip 2, u li fihom l-aċidu idrokloriku jistgħu jkunu mistennija li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/8/KE. Għalhekk huwa xieraq li l-aċidu idrokloriku jiġi inkluż fl-Anness I għal dik id-Direttiva. |
|
(6) |
Ma ġewx evalwati l-użi potenzjali kollha fil-livell tal-Unjoni. Għaldaqstant huwa xieraq li l-Istati Membri jivvalutaw dawk ix-xenarji ta' użu jew ta' esponiment u dawk ir-riskji għall-popolazzjonijiet umani u l-kompartimenti ambjentali li għadhom ma ġewx indirizzati b'mod rappreżentattiv fil-valutazzjoni tar-riskji li saret fil-livell tal-Unjoni, u li, meta jkunu qed jagħtu l-awtorizzazzjonijiet tal-prodott, jiżguraw li jittieħdu miżuri xierqa jew li jiġu imposti kundizzjonijiet speċifiċi sabiex ir-riskji identifikati jitnaqqsu għal livelli aċċettabbli. |
|
(7) |
Meta titqies il-korrożività tas-sustanza kif ukoll il-miżuri possibbli identifikati biex jiġi mmitigat ir-riskju relatat, huwa xieraq li jkun meħtieġ li l-esponiment matul l-użu mhuż professjonali jiġi mminimizzat permezz tad-disinn tal-imballaġġ, sakemm ma jkunx jista' jintwera fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tal-prodott li r-riskji għas-saħħa tal-bniedem jistgħu jitnaqqsu għal livelli aċċettabbli b'mezzi oħra. |
|
(8) |
Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu applikati fl-istess ħin fl-Istati Membri kollha sabiex jiġi żgurat trattament ugwali fis-suq tal-Unjoni tal-prodotti bijoċidali li fihom is-sustanza attiva aċidu idrokloriku u wkoll biex jiġi ffaċilitat l-operat kif suppost tas-suq tal-prodotti bijoċidali inġenerali. |
|
(9) |
Għandu jitħalla jgħaddi perjodu raġonevoli qabel ma sustanza attiva tiddaħħal fl-Anness I għad-Direttiva 98/8/KE, sabiex l-Istati Membri u l-partijiet interessati jkunu jistgħu jitħejjew biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda involuti u biex ikun żgurat li l-applikanti li ppreparaw id-dokumentazzjoni jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-perjodu ta’ 10 snin ta’ protezzjoni tad-dejta, li skont l-Artikolu 12(1)(c)(ii) tad-Direttiva 98/8/KE, jibda mid-data tal-inklużjoni. |
|
(10) |
Wara l-inklużjoni, l-Istati Membri għandhom jingħataw perjodu raġonevoli biex jimplimentaw l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 98/8/KE. |
|
(11) |
Id-Direttiva 98/8/KE għalhekk għandha tiġi emendata skont dan. |
|
(12) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali, |
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
L-Anness I għad-Direttiva 98/8/KE huwa emendat skont l-Anness għal din id-Direttiva.
Artikolu 2
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April 2013.
Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Mejju 2014.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-kamp kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Mejju 2012.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
ANNESS
Fl-Anness I għad-Direttiva 98/8/KE għandha tiżdied l-entrata li ġejja:
|
Nru |
Isem Komuni |
Isem tal-IUPAC Numri ta’ Identifikazzjoni |
Purezza minima tas-sustanza attiva fil-prodott bijoċidali kif jitqiegħed fis-suq |
Data tal-inklużjoni |
Skadenza sa meta għandu jkun hemm konformità mal-Artikolu 16(3) (ħlief għall-prodotti li jkun fihom aktar minn sustanza attiva waħda, li għalihom l-iskadenza sa meta għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 16(3) għandha tkun dik stipulata fl-aħħar deċiżjoni minn dawk dwar l-inklużjoni marbuta mas-sustanzi attivi tagħhom) |
Data ta’ skadenza tal-inklużjoni |
Tip tal-prodott |
Dispożizzjonijiet speċifiċi (*1) |
|
"56 |
aċidu idrokloriku |
aċidu idrokloriku Nru tal-CAS: mhux applikabbli Nru tal-KE: 231-595-7 |
999 gm/kg |
l-1 ta’ Mejju 2014 |
it-30 ta’ April 2016 |
it-30 ta’ April 2024 |
2 |
Meta l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta' prodott tkun qed tiġi vvalutata skont l-Artikolu 5 u l-Anness VI, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw, fejn rilevanti għall-prodott partikolari, dawk ix-xenarji ta’ użu jew ta' esponiment u dawk ir-riskji għall-popolazzjonijiet umani u għall-kompartimenti ambjentali li ma ġewx indirizzati b'mod rappreżentattiv fil-valutazzjoni tar-riskji fil-livell tal-Unjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet ta' prodotti għal użu mhux professjonali jkunu soġġetti għall-imballaġġ li qed jiġi ddisinjat biex jimminimizza l-esponiment tal-utent sakemm ma jkunx jista' jintwera fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-prodott li r-riskji għas-saħħa tal-bniedem jistgħu jitnaqqsu għal livelli aċċettabbli b'mezzi oħra." |
(*1) Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji komuni tal-Anness VI, il-kontenut u l-konklużjonijiet tar-rapporti ta’ valutazzjoni huma disponibbli fuq il-websajt tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/comm/environment/biocides/index.htm