27.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 115/1


DIRETTIVA 2012/12/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ April 2012

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2001/112/KE li tirrigwarda l-meraq tal-frott u ċerti prodotti simili maħsuba għall-konsum mill-bniedem

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Sabiex jiġu protetti l-interessi tal-konsumaturi u biex jittejjeb il-moviment ħieles tal-meraq tal-frott u ta’ ċerti prodotti simili fi ħdan l-Unjoni, id-Direttiva tal-Kunsill 2001/112/KE (3) stabbiliet dispożizzjonijiet speċifiċi rigward il-produzzjoni, il-kompożizzjoni u t-tikkettar tal-prodotti kkonċernati. Dawk ir-regoli għandhom jiġu adattati skont il-progress tekniku u għandhom, sa fejn hu possibbli, jieħdu inkunsiderazzjoni l-iżviluppi fl-istandards internazzjonali rilevanti, partikolarment l-Istandard Ġenerali tal-Codex għall-meraq tal-frott u għan-nektars (Standard Ġenerali tal-Codex 247-2005) li ġie adottat mill-Kummissjoni tal-Codex Alimentarius waqt it-28 sessjoni tagħha tal-4 sad-9 ta’ Lulju 2005“Standard tal-Codex”. L-Istandard tal-Codex jistabbilixxi, b'mod partikolari, il-fatturi ta’ kwalità u r-rekwiżiti għat-tikettar tal-meraq tal-frott u ta’ prodotti simili.

(2)

Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 Marzu 2000 fuq l-approssimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma’ tikkettar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel (4), jeħtieġ li jkunu emendati d-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva 2001/112/KE dwar it-tikkettar tal-meraq tal-frott u prodotti simili biex jirriflettu r-regoli l-ġodda dwar l-ingredjenti awtorizzati, bħalma huma dawk li għandhom x'jaqsmu maż-żieda taz-zokkor, li mhumiex awtorizzati aktar fil-meraq tal-frott. Għal prodotti oħrajn, iz-zokkor miżjud għandu jibqa' jiġi ttikkettat skont id-Direttiva 2000/13/KE.

(3)

L-indikazzjoni nutrizzjonali “bla zokkor miżjud”, kif elenkata fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq prodotti tal-ikel (5), ilha tintuża għal ħafna żmien fir-rigward tal-meraq tal-frott. Fid-dawl tar-rekwiżiti l-ġodda tal-kompożizzjoni għall-meraq tal-frott li tiddisponi din id-Direttiva, it-tneħħija minnufih ta’ din l-indikazzjoni wara perjodu ta’ tranżizzjoni tista' ma tħallix li ssir distinzjoni ċara bejn il-meraq tal-frott u xarbiet oħrajn f'termini ta’ żieda ta’ zokkor fi prodotti, li hi ta’ ħsara għas-settur tal-meraq tal-frott. Sabiex l-industrija tkun tista' tinforma lill-konsumaturi kif suppost, għandu jkun possibbli li tintuża, għal żmien limitat, dikjarazzjoni li tindika li l-ebda meraq tal-frott ma fih zokkor miżjud.

(4)

Sabiex l-Annessi tad-Direttiva 2001/112/KE jinġiebu f'konformità mal-iżvilupp fl-istandards internazzjonali rilevanti u biex jitqies il-progress tekniku, il-Kummissjoni għandha tkun iddelegata s-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti taħt l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-emendar ta’ dawk l-Annessi, bl-eċċezzjoni tal-Parti I tal-Anness I u tal-Anness II. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, anke fil-livell ta’ esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa ta’ dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(5)

Sabiex l-Istati Membri jitħallew jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet nazzjonali meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva, għandu jiġi stabbilit perjodu ta’ traspożizzjoni ta’ 18-il xahar. Waqt dan il-perjodu r-rekwiżiti tad-Direttiva 2001/112/KE għandhom jibqgħu applikabbli, bl-esklużjoni tal-emendi mdaħħla b'din id-Direttiva.

(6)

Sabiex jitqiesu l-interessi tal-operaturi ekonomiċi li jqiegħdu fis-suq jew li jittikkettaw il-prodotti tagħhom bi qbil mar-rekwiżiti applikabbli qabel l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, hu meħtieġ li jkunu stabbiliti miżuri tranżitorji adegwati. Għalhekk, din id-Direttiva għandha tistipula li dawk il-prodotti jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq għal żmien limitat wara l-perjodu ta’ traspożizzjoni.

(7)

Ladarba l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-adattament tad-Direttiva 2001/112/KE għall-progress tekniku b'kunsiderazzjoni tal-istandard tal-Codex, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, u jista' għalhekk jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stipulat f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(8)

Id-Direttiva 2001/112/KE għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2001/112/KE

Id-Direttiva 2001/112/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Il-prodotti definiti fl-Anness I huma soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni applikabbli għal prodotti tal-ikel, bħar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistipula l-prinċipji ġenerali u r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni dwar l-ikel, jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u li jistipula proċeduri fi kwistjonijiet tas-sigurtà tal-ikel (*1), sakemm din id-Direttiva ma tipprovdix mod ieħor.

(*1)   ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.”;"

(2)

l-Artikolu 2 huwa mħassar;

(3)

l-Artikolu 3 jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-punt 3 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“3.

Għall-prodotti manifatturati minn żewġ frottiet jew aktar, ħlief fejn jintuża l-meraq tal-lumi u/jew tal-lajm taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punt 2 tal-Parti II tal-Anness I, l-isem tal-prodott għandu jkun kompost b'lista tal-frott użat, f'ordni mill-akbar sal-anqas volum tal-meraq tal-frott jew tal-purejiet tal-frott inkluż, kif indikat fil-lista tal-ingredjenti. Madankollu, fil-każ ta’ prodotti manifatturati minn tliet frottiet jew aktar, l-indikazzjoni tal-frott użat tista' tiġi sostitwita bil-kliem ‘ħafna frott’ jew kliem simili, jew mill-għadd ta’ frott użat.”;

(b)

il-punt 4 huwa mħassar;

(4)

l-Artikolu 4 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 4

It-tikkettar tal-meraq tal-frott ikkonċentrat imsemmi fil-punt 2 tal-Parti I tal-Anness I li mhuwiex maħsub li jitwassal għand il-konsumatur finali, għandu jkollu fuqu referenza li tindika l-preżenza u l-kwantità tal-meraq tal-lumi miżjud, tal-meraq tal-lajm miżjud jew tal-aġenti aċidifikanti miżjuda permessi mir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (*2). Din ir-referenza għandha tidher fuq wieħed minn dawn li ġejjin:

fuq il-pakkett,

fuq tikketta mwaħħla sewwa mal-pakkett, jew

fuq dokument li jakkumpanja l-prodott.

(*2)   ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.”;"

(5)

fl-Artikolu 5, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-prodotti definiti fl-Anness I għal prodotti mqiegħda fis-suq fl-Unjoni f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 178/2002.”;

(6)

l-Artikolu 7 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 7

Sabiex l-Annessi f'din id-Direttiva jinġiebu f'konformità mal-iżviluppi.fl-istandards internazzjonali rilevanti u biex jitqies il-progress tekniku, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, bi qbil mal-Artikolu 7a, biex temenda l-Annessi għal din id-Direttiva, bl-eċċezzjoni tal-Parti I tal-Anness I u tal-Anness II.”;

(7)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 7a

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 7 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mit-28 ta’ Ottubru 2013. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonawx għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 7 tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 7 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”;

(8)

l-Artikolu 8 huwa mħassar.

(9)

l-Annessi huma sostitwiti bit-test stabbilit fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel it-28 ta’ Ottubru 2013. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.

L-Istati Membri għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mit-28 ta’ Ottubru 2013.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Miżuri tranżizzjonali

1.   Il-prodotti mqiegħda fis-suq jew ittikkettati qabel it-28 ta’ Ottubru 2013 f'konformità mad-Direttiva 2001/112/KE jistgħu jiibqgħu jiġu kkumerċjalizzati sat-28 ta’ April 2015.

2.   Id-dikjarazzjoni “mit-28 ta’ Ottubru 2015 l-ebda meraq tal-frott ma fih iz-zokkor” tista' tidher fuq it-tikketta fl-istess post bħall-isem tal-prodotti msemmija fil-punti 1 sa 4 tal-Parti I tal-Anness I sat-28 ta’ Ottubru 2016.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, id-19 ta’ April 2012.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

M. BØDSKOV


(1)   ĠU C 84, 17.3.2011, p. 45.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2011 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Marzu 2012 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

(3)   ĠU L 10, 12.1.2002, p. 58.

(4)   ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29.

(5)   ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.


ANNESS

“ANNESS I

ISMIJIET TA’ PRODOTTI, DEFINIZZJONIJIET TA’ PRODOTTI U KARATTERISTIĊI

I.   DEFINIZZJONIJIET

(a)   Meraq tal-frott

Il-prodott fermentabbli iżda mhux iffermentat miksub mill-parti li tittiekel ta’ frott li ma jkunx imħassar u li jkun misjur, frisk jew ippreservat bit-tkessiħ jew bl-iffriżar, ta’ tip wieħed jew aktar imħallta flimkien, li jkollu l-kulur, il-palat u t-togħma karatteristiċi tipiċi tal-meraq tal-frott li ġej minnu.

Palat, polpa u ċelloli miksuba b’mezzi fiżiċi adattati mill-istess speċi ta’ frott jistgħu jiġu rikostitwiti fil-meraq.

Fil-każ tal-frott taċ-ċitru, il-meraq tal-frott għandu jiġi mill-endokarpu. Il-meraq tal-lajm, madankollu, jista’ jinkiseb mill-frotta sħiħa.

Meta meraq jiġi pproċessat minn frott b’żerriergħa rqiqa, b’żerriegħa u bil-qoxra, ma għandhomx jiġu inkorporati fil-meraq.partijiet jew komponenti miż-żerriegħa rqiqa, miż-żerriegħa u mill-qoxra. Din id-dispożizzjoni ma tapplikax għal każijiet fejn partijiet jew komponenti miż-żerriegħa rqiqa, miż-żerriegħa u mill-qoxra ma jistgħux jitneħħew bi prattiki tajba tal-manifattura.

It-taħlit tal-meraq tal-frott mal-puré tal-frott għandu jiġi awtorizzat fil-produzzjoni tal-meraq tal-frott.

(b)   Meraq tal-frott minn konċentrat

Il-prodott miksub bir-rikostituzzjoni tal-meraq tal-frott ikkonċentrat iddefinit fil-punt 2 b’ilma tajjeb għax-xorb li jissodisfa l-kriterji stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta’ Novembru 1998 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (1).

Il-kontenut ta’ solidi solubbli tal-prodott lest għandu jissodisfa l-livell minimu Brix għall-meraq rikostitwit speċifikat fl-Anness V.

Jekk meraq minn konċentrat jiġi manifatturat minn frotta li ma tissemmiex fl-Anness V, il-livell Brix minimu tal-meraq rikostitwit għandu jkun il-livell Brix tal-meraq kif estratt mill-frotta li ntużat sabiex isir il-konċentrat.

Palat, polpa u ċelloli miksuba b’mezzi fiżiċi adattati mill-istess speċi ta’ frott jistgħu jiġu rikostitwiti fil-meraq tal-frott mill-konċentrat.

Il-meraq tal-frott minn konċentrat jiġi ppreparat bi proċessi adattati, li jżommu l-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi, organolettiċi u nutrizzjonali essenzjali ta’ tip medju ta’ meraq tal-frotta li jkun ġej minnha.

It-taħlit ta’ meraq tal-frott u/jew ta’ meraq tal-frott ikkonċentrat ma’ puré tal-frott u/jew ma’ puré tal-frott ikkonċentrat għandu jkun awtorizzat fil-produzzjoni tal-meraq tal-frott minn konċentrat.

2.   Meraq ta’ frott ikkonċentrat

Il-prodott miksub mill-meraq tal-frott ta’ speċi waħda jew aktar ta’ frott bit-tneħħija fiżika ta’ proporzjon speċifiku tal-kontenut tal-ilma. Fejn il-prodott huwa maħsub għall-konsum dirett, it-tneħħija għandha tkun ta’ mill-inqas 50 % tal-kontenut tal-ilma.

Palat, polpa u ċelloli miksuba b’mezzi fiżiċi adattati mill-istess speċi ta’ frott jistgħu jiġu rikostitwiti fil-meraq tal-frott konċentrat.

3.   Meraq tal-frott estratt bl-ilma

Il-prodott miksub bid-diffużjoni bl-ilma ta’:

frotta sħiħa mimlija polpa li l-meraq tagħha ma jista’ jiġi estratt bl-ebda mezz fiżiku, jew

frotta sħiħa deidrata.

4.   Meraq tal-frott deidrat/fi trab

Il-prodott miksub mill-meraq tal-frott ta’ speċi waħda jew aktar ta’ frott bit-tneħħija fiżika ta’ kważi l-kontenut kollu tal-ilma.

5.   Nektar tal-frott

Il-prodott fermentabbli iżda mhux iffermentat li:

jinkiseb biż-żieda ta’ ilma u biż-żieda/jew mingħajr iż-żieda ta’ zokkor u/jew ta’ għasel mal-prodotti ddefiniti fil-punti 1 sa 4, ma’ puré tal-frott u/jew ma’ puré tal-frott ikkonċentrat u/jew ma’ taħlita ta’ dawk il-prodotti, u

jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness IV.

Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (2), fejn in-nektars ta’ frott jiġu manifatturati mingħajr zokkor miżjud jew b’valur imnaqqas ta’ enerġija, iz-zokkor jista’ jiġi sostitwit b’mod sħiħ jew parzjali b’sustanzi li jagħtu l-ħlewwa, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

Palat, polpa u ċelloli miksuba b’mezzi fiżiċi adattati mill-istess speċi ta’ frott jistgħu jiġu rikostitwiti fin-nektar tal-frott.

II.   INGREDJENTI, TRATTAMENTI U SUSTANZI AWTORIZZATI

1.   Kompożizzjoni

L-ispeċi li tikkorrispondi għall-isem botaniku fl-Anness V għandha tintuża fil-preparazzjoni tal-meraq tal-frott, tal-purejiet tal-frott u tan-nektars tal-frott li jkollhom l-isem tal-prodott għall-frotta applikabbli jew l-isem komuni tal-prodott. Għall-ispeċijiet tal-frott li mhumiex inklużi fl-Anness V, għandu japplika l-isem botaniku jew l-isem komuni korrett.

Għall-meraq tal-frott, il-livell Brix għandu jkun dak tal-meraq kif ġie estratt mill-frott u ma għandux ikun immodifikat, ħlief bit-taħlit mal-meraq tal-istess speċi ta’ frott.

Il-livell Brix minimu huwa stabbilit fl-Anness V għal meraq tal-frott rikostitwit u puré tal-frott rikostitwit u jeskludi solidi solubbli ta’ kwalunkwe ingredjent u addittivi fakultattivi miżjuda.

2.   Ingredjenti awtorizzati

L-ingredjenti li ġejjin biss jistgħu jiġu miżjuda mal-prodotti msemmija fil-Parti I:

Vitamini u minerali awtorizzati fir-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar iż-żieda ta’ vitamini u minerali u ta’ ċerti sustanzi oħra mal-ikel (3);

Addittivi tal-ikel awtorizzati skont ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008;

u addizzjonalment:

Għall-meraq tal-frott, meraq tal-frott minn ikkonċentrat u meraq tal-frott ikkonċentrat: palat rikostitwit, polpa u ċelloli;

Għall-meraq tal-għeneb: imluħa rikostitwita tal-aċidi tartariċi;

Għan-nektars tal-frott: palat rikostitwit, polpa u ċelloli; zokkor u/jew għasel sa 20 % tal-piż totali tal-prodotti lesti u/jew ta’ dolċifikanti;

Indikazzjoni li ma ġie miżjud l-ebda zokkor fil-meraq tal-frott, u kwalunkwe indikazzjoni li x’aktarx tkun tfisser l-istess għall-konsumatur, tista’ ssir biss fejn il-prodott ma jkunx fih l-ebda monosakkaridi jew disakkaridi miżjuda jew kwalunkwe ikel ieħor użat għall-karatteristiċi ta’ ħlewwa tiegħu kif definit fir-Regolament (KE) Nru 1333/2008. Jekk il-meraq tal-frott ikun fih zokkor naturali, l-indikazzjoni li ġejja għandha tidher ukoll fuq it-tikketta ‘fih zokkor naturali’;

Għall-prodotti msemmija fil-punt (a), l-ewwel inċiż tal-punt (b), punt (c), it-tieni inċiż tal-punt (e) u l-punt (h) tal-Anness III: zokkor u/jew għasel;

Għall-prodotti ddefiniti fil-punti 1 sa 5 tal-Parti I, sabiex tiġi rregolata t-togħma aċiduża: meraq tal-lumi u/jew meraq tal-lajm u/jew meraq tal-lumi kkonċentrat u/jew meraq tal-lajm ikkonċentrat, sa 3gm għal kull litru ta’ meraq, espress bħala aċidu ċitriku anidru;

Għall-meraq tat-tadam u għall-meraq tat-tadam minn konċentrat: melħ, ħwawar u ħwawar aromatiċi.

3.   Trattamenti u sustanzi awtorizzati

Jistgħu jiġu applikati biss it-trattamenti li ġejjin u jistgħu jiżdiedu biss is-sustanzi li ġejjin fil-prodotti msemmija fil-Parti I:

Proċessi ta’ estrazzjoni mekkanika;

Il-proċessi fiżiċi tas-soltu, inkluża l-estrazzjoni bl-ilma f’linja (in-line water extraction — diffużjoni) tal-parti li tittiekel tal-frott għajr l-għeneb għall-manifattura ta’ meraq tal-frott ikkonċentrat, sakemm il-meraq tal-frott li jinkiseb b’dan il-mod ikun konformi mal-punt 1 tal-Parti I;

Għall-meraq tal-għeneb, fejn tkun intużat is-sulfitazzjoni bid-diossidu tal-kubrit tal-għeneb, hija awtorizzata d-desulfitazzjoni b’mezzi fiżiċi, sakemm il-kwantità totali ta’ SO2 preżenti fil-prodott finali ma taqbiżx l-10 mg/l;

Preparazzjonjiet bl-enżimi: pektinażijiet (għat-tkissir tal-pektin), proteinażijiet (għat-tkissir tal-proteini) u amilażijiet (għat-tkissir tal-lamtu) li jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1332/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-enżimi tal-ikel (4);

Ġelatina li tittiekel;

Tannini;

Silica sol;

Faħam tal-kannol;

Nitroġenu;

Bentonit bħala tafal assorbenti;

Mezzi ta’ filtrazzjoni u aġenti ta’ preċipitazzjoni kimikament inerti (inklużi perlite, diatomite maħsula, ċelluloża, poliammid insolubbli, polivinilpolipirrolidon, polisterin), li jkunu konformi mar-Regolament (KE) Nru 1935/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel (5);

Mezzi ta’ assorbiment kimikament inerti li jkunu konformi mar-Regolament (KE) Nru 1935/2004, u li jintużaw biex inaqqsu l-kontenut ta’ limonojd u ta’ naringin tal-meraq tal-frott taċ-ċitru mingħajr ma jaffettwaw b’mod sinifikanti il-kontenut ta’ glukosid tal-limonojd, ta’ aċidu, ta’ zokkor (inklużi l-oligosakkaridi) jew ta’ minerali.

“ANNESS II

DEFINIZZJONIJIET TAL-MATERJA PRIMA

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)   Frott

Il-frott kollu. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, it-tadam huma wkoll ikkunsidrati bħala frott.

Il-frott ma għandux ikun imħassar, irid ikun sar biżżejjed u frisk jew ippreservat b’mezzi fiżiċi jew bi trattamenti, inklużi t-trattamenti wara l-ġbir applikati skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni.

(2)   Puré tal-frott

Il-prodott fermentabbli iżda mhux iffermentat li jinkiseb bi proċessi fiżiċi adattati bħall-mogħdija minn passatur, it-tisħiq, it-tħin tal-parti li tittiekel ta’ frotta sħiħa jew imqaxxra mingħajr ma jitneħħa l-meraq.

(3)   Puré tal-frott ikkonċentrat

Il-prodott miksub mill-puré tal-frott bit-tneħħija fiżika ta’ proporzjon speċifiku mill-kontenut tal-ilma tiegħu.

Il-puré tal-frott ikkonċentrat jista’ jkollu palat rikostitwit b’mezzi fiżiċi adattati, kif ġie ddefinit fil-punt 3 tal-Parti II tal-Anness I, u li kollu għandu jkun irkuprat mill-istess speċi ta’ frott.

(4)   Palat

Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar aromatizzanti u ċerti ingredjenti tal-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel (6), il-palati għar-rikostituzzjoni għandhom jinkisbu matul l-ipproċessar tal-frotta billi jiġu applikati proċessi fiżiċi adattati. Dawk il-proċessi fiżiċi jistgħu jiġu applikati sabiex iżommu, jippreservaw jew jistabbilizzaw il-kwalità tal-palat u għandhom jinkludu b’mod partikolari t-tagħsir, l-estrazzjoni, id-distillazzjoni, il-filtrazzjoni, l-assorbiment, l-evaporazzjoni, il-frazzjonament u l-konċentrazzjoni.

Il-palat jinkiseb mill-partijiet li jittieklu tal-frott; madankollu, jista’ jinkiseb ukoll minn żejt magħsur kiesaħ mill-qoxra tal-frott taċ-ċitru u minn komposti taż-żerriegħa.

(5)   Zokkor

iz-zokkor kif iddefinit mid-Direttiva tal-Kunsill 2001/111/KE tal-20 ta’ Diċembru 2001 li għandha x’taqsam ma’ ċerti tipi ta’ zokkor maħsuba għall-konsum mill-bniedem (7),

il-ġulepp tal-fruttożju,

iz-zokkor derivat mill-frott.

(6)   Għasel

Il-prodott iddefinit mid-Direttiva tal-Kunsill 2001/110/KE tal-20 ta’ Diċembru 2001 li tirrigwarda l-għasel (8).

(7)   Polpa jew ċelloli

Il-prodotti miksuba mill-partijiet li jittieklu tal-frott tal-istess speċi mingħajr ma jitneħħa l-meraq. Barra minn hekk, għall-frott taċ-ċitru, il-polpa jew iċ-ċelloli huma l-boroż tal-meraq miksuba mill-endokarpu.

“ANNESS III

DENOMINAZZJONIJIET PARTIKOLARI GĦAL ĊERTI PRODOTTI ELENKATI FL-ANNESS I

(a)

‘vruchtendrank’, għal nektars tal-frott;

(b)

‘Süßmost’;

Id-denominazzjoni ‘Süßmost’ tista’ tintuża biss flimkien mal-ismijiet tal-prodotti ‘Fruchtsaft’ jew ‘Fruchtnektar’;

għal nektar tal-frott miksub esklussivament minn meraq tal-frott, minn meraq tal-frott ikkonċentrat jew minn taħlita ta’ dawk il-prodotti, li ma għandux togħma tajba fl-istat naturali minħabba l-livell għoli ta’ aċidità tiegħu,

għal meraq tal-frott miksub mit-tuffieħ jew mil-lanġas, biż-żieda ta’ tuffieħ fejn ikun xieraq, iżda mingħajr zokkor miżjud;

(ċ)

‘succo e polpa’ jew ‘sumo e polpa’, għal nektars tal-frott miksuba esklussivament minn puré tal-frott u/jew minn puré tal-frott ikkonċentrat;

(d)

‘æblemost’, għal meraq tat-tuffieħ mingħajr zokkor miżjud;

(e)

‘sur … saft’, flimkien mal-isem (bid-Daniż) tal-frott użat, għal meraq mingħajr zokkor miżjud miksub minn ribes/passolina sewda, ċirasa, passolina ħamra, passolina bajda, lampun, frawli jew frott tas-sebuqa,

‘sød … saft’ jew ‘sødet … sød … saft’ jew ‘sødet … saft’ flimkien mal-isem (bid-Daniż) tal-frott użat, għal meraq miksub minn dan il-frott, b’aktar minn 200 g zokkor miżjud ma’ kull litru;

(f)

‘äppelmust/äpplemust’, għal meraq tat-tuffieħ mingħajr zokkor miżjud;

(g)

‘mosto’, sinonimu għal meraq tal-għeneb;

(h)

‘smiltsērkšķu sula ar cukuru’ jew ‘astelpaju mahl suhkruga’ jew ‘słodzony sok z rokitnika’ għall-meraq tal-frott miksub mill-frott taz-ziju tal-bħar (seabuckthorn berries) b’mhux aktar minn 140 g ta’ zokkor miżjud għal kull litru.

“ANNESS IV

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊJALI RELATATI MAN-NEKTARS TAL-FROTT

Nektars tal-frott magħmula minn

Kontenut minimu ta’ meraq u/jew ta’ puré (% skont il-volum tal-prodott lest)

I.   Frott b’meraq aċiduż li ma għandux togħma tajba fl-istat naturali

Il-frotta tal-fjura tal-Passjoni

25

Quito naranjillos

25

Ribes/passolina sewda

25

Passolina bajda

25

Passolina ħamra

25

Ribes/rużberri (gooseberries)

30

Frott taz-ziju tal-bħar (seabuckthorn berries)

25

Pruna selvaġġa (sloes)

30

Għanbaqar

30

Quetsches (xorta ta’ għanbaqra)

30

Rowanberries

30

Warda Skoċċiża

40

Ċirasa qarsa

35

Ċirasa oħra

40

Mirtilli

40

Frott tas-sebuqa

50

Lampun

40

Berquq

40

Frawli

40

Ċawsli/tut

40

Cranberries

30

Sfarġel

50

Lumi u lajm

25

Frott ieħor ta’ din il-kategorija

25

II.   Frott b’livell baxx ta’ aċidità, b’ħafna polpa jew b’palat qawwi b’meraq li ma’ għandux togħma tajba fl-istat naturali

Mango

25

Banana

25

Gwava

25

Papaja

25

Liċċi (lychee/litchi)

25

Azeroles (naspli Naplitani)

25

Soursop (frotta tal-annona)

25

Bulloock’s heart jew anona li tikber fl-Indi tal-Lvant (custard apple)

25

Puma kannella (sugar apples jew sweetsop)

25

Rummien

25

Frott tal-anakardju

25

Għanbaqar Spanjol (Spanish plums)

25

Umbu (Għanbaqar Brażiljan)

25

Frott ieħor ta’ din il-kategorija

25

III.   Frott b’meraq ta’ togħma tajba fl-istat naturali

Tuffieħ

50

Lanġas

50

Ħawħ

50

Frott taċ-ċitru ħlief il-lumi u l-lajm

50

Ananas

50

Tadam

50

Frott ieħor ta’ din il-kategorija

50

“ANNESS V

LIVELLI MINIMI BRIX GĦAL MERAQ TAL-FROTT RIKOSTITWIT U GĦAL PURÉ TAL-FROTT RIKOSTITWIT

Isem Komuni tal-Frott

Isem Botaniku

Livelli minimi tal-Brix.

Tuffieħa (*)

Malus domestica Borkh.

11,2

Berquqa (**)

Prunus armeniaca L.

11,2

Banana (**)

Musa x paradisiaca L. (esklużi l-pjantaġġini)

21,0

Ribes/passolina sewda (*)

Ribes nigrum L.

11,0

Għenba (*)

Vitis vinifera L. jew ibridi tagħha

Vitis labrusca L. jew ibridi tagħha

15,9

Grejpfrut (*)

Citrus x paradis Macfad.

10,0

Gwava (**)

Psidium guajava L.

8,5

Lumija (*)

Citrus limon (L.) Burm.f.

8,0

Mango (**)

Mangifera indica L.

13,5

Larinġa (*)

Citrus sinensis (L.) Osbeck

11,2

Il-frotta tal-fjura tal-Passjoni (*)

Passiflora edulis Sims

12,0

Ħawħa (**)

Prunus persica (L.) Batsch var. persica

10,0

Lanġasa (**)

Pyrus communis L.

11,9

Ananas (*)

Ananas comosus (L.) Merr.

12,8

Lampun (*)

Rubus idaeus L.

7,0

Ċirasa Qarsa (*)

Prunus cerasus L.

13,5

Frawla (*)

Fragaria x ananassa Duch.

7,0

Tadama (*)

Lycopersicon esculentum, Mill.

5,0

Mandolina (*)

Citrus reticulata Blanco

11,2

Għal dawk il-prodotti mmarkati b’asterisk (*), li jiġu prodotti bħala meraq, id-densità relattiva minima tiġi ddeterminata bħala tali relattivament għall-ilma f’20/20 °C.

Għal dawk il-prodotti mmarkati b’żewġ asteriski (**), li jiġu prodotti bħala puré, għandu jiġi ddeterminat biss qari minimu Brix li ma jkunx ikkorreġut (mingħajr korrezzjoni tal-aċidu).

”.

(1)   ĠU L 330, 5.12.1998, p. 32.

(2)   ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.

(3)   ĠU L 404, 30.12.2006, p. 26.

(4)   ĠU L 354, 31.12.2008, p. 7.

(5)   ĠU L 338, 13.11.2004, p. 4.

(6)   ĠU L 354, 31.12.2008, p. 34.

(7)   ĠU L 10, 12.1.2002, p. 53.

(8)   ĠU L 10, 12.1.2002, p. 47.