8.3.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 69/15 |
DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2012/9/UE
tas-7 ta’ Marzu 2012
li temenda l-Anness I mad-Direttiva 2001/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jirrelataw mal-manifattura, preżentazzjoni u l-bejgħ ta' prodotti tat-tabakk
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2001/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jirrelataw mal-manifattura, presentazzjoni u bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tagħha,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/37/KE jistipula li kull pakkett ta’ prodotti tat-tabakk, ħlief għal tabakk li jintuża fil-ħalq u prodotti oħrajn tat-tabakk li ma jitpejpux, u kull imballaġġ estern, bl-eċċezzjoni ta’ tgeżwir addizzjonali trasparenti, għandu jkollu twissija addizzjonali meħuda mil-lista stipulata fl-Anness I ma’ dik id-Direttiva. |
(2) |
Dawk it-twissijiet addizzjonali ilhom mandatarji fuq il-pakketti kollha tat-tabakk li jitpejjep minn Settembru 2003 u fuq prodotti oħra tat-tabakk minn Settembru 2004. |
(3) |
Evidenza tissuġġerixxi li l-impatt tat-twissijiet addizzjonali attwali stipulati fl-Anness I mad-Direttiva 2001/37/KE naqas maż-żmien minħabba li l-effett ta' xi ħaġa ġdida fil-messaġġi tat-twissija telaq. |
(4) |
Barra minn hekk, minn l-adozzjoni tad-Direttiva 2001/37/KE lil hawn ħarġet evidenza xjentifika ġdida dwar l-effetti tal-użu tat-tabakk fuq is-saħħa u l-prinċipji ta' tikkettjar effettiv dwar it-tabakk. B'mod partikolari, hemm evidenza li t-tipjip għadu parti kawżali fil-kanċer tal-ħalq u tal-gerżuma, fil-problemi tal-vista kif ukoll fil-mard tas-snien u tal-ħanek. Hemm ukoll evidenza li t-tipjip tal-ġenituri huwa fattur tar-riskju prinċipali fl-introduzzjoni tat-tipjip. |
(5) |
L-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2001/37/KE jistipula li l-Kummissjoni għandha tadatta t-twissijiet tas-saħħa stipulati fl-Anness I tal-istess Direttiva mal-progress xjentifiku u tekniku. Barra minn hekk, il-Linjigwida dwar l-imballaġġ u t-tikkettjar (2) tat-tabakk adottati permezz tat-Tielet Konferenza tal-Partijiet għall-Qafas ta' Konvenzjoni tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk f'Novembru 2008 jirrikkmandaw li perjodikament għandhom jiġu riveduti l-miżuri legali dwar l-imballaġġ u t-tikkettjar ta' prodotti tat-tabakk u li dawn għandhom jiġu aġġornati minħabba li toħroġ evidenza ġdida kif ukoll peress li t-twissijiet u l-messaġġi speċifiċi tas-saħħa imurilhom l-effett tagħhom. |
(6) |
Għalhekk hemm bżonn ta' reviżjoni tat-twissijiet addizzjonali attwali stipulati fl-Anness I mad-Direttiva 2001/37/KE sabiex jinżamm u jiżdied l-impatt tagħhom, u biex ikunu kkunsidrati l-iżviluppi xjentifiċi ġodda. |
(7) |
Din ir-reviżjoni għandha tkun imsejsa fuq ir-riżultati tar-reviżjoni tat-tagħrif attwali dwar it-tikkettjar tat-tabakk u l-effetti tal-użu tat-tabakk fuq is-saħħa u l-ittestjar tat-twissijiet magħmula fl-Istati Membri kollha. |
(8) |
Il-miżuri stipulati f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju stabbilit skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2001/37/KE u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom, |
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
L-Anness I mad-Direttiva 2001/37/KE għandu jinbidel bit-test mogħti fl-Anness ma' din id-Direttiva.
Artikolu 2
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-28 ta' Marzu 2014. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.
Artikolu 3
L-Istat Membri jistgħu jiddeċiedu li jippermettu l-kontinwazzjoni tat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li mhumiex konformi mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva sat-28 ta' Marzu 2016.
Artikolu 4
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 5
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Marzu 2012.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 194, 18.7.2001, p. 26.
(2) FCTC/COP3(10) Guidelines for implementation of Article 11 of the WHO Framework Convention on Tobacco Control (Packaging and labelling of tobacco products).
ANNESS
“ANNESS I
Lista ta' twissijiet tas-saħħa addizzjonali
(imsemmija fl-Artikolu 5(2)(b))
(1) |
It-tipjip jikkawża 9 minn 10 każijiet ta' kanċer fil-pulmun |
(2) |
It-tipjip jikkawża kanċer fil-ħalq u fil-gerżuma. |
(3) |
It-tipjip jagħmel ħsara lill-pulmuni |
(4) |
It-tipjip jikkawża l-attakki tal-qalb |
(5) |
It-tipjip jikkawża attakki ta' puplesija u diżabilità |
(6) |
It-tipjip isoddlok l-arterji |
(7) |
Bit-tipjip għandek riskju akbar li tagħma |
(8) |
It-tipjip iħassarlek snienek u l-ħanek |
(9) |
It-tipjip jista' joqtol it-tarbija tiegħek qabel it-twelid |
(10) |
It-tipjip tiegħek jagħmel ħsara lil uliedek, familtek u ħbiebek |
(11) |
It-tfal ta' min ipejjep għandhom possiblità akbar li jibdew ipejpu wkoll |
(12) |
Aqta' t-tipjip issa – ibqa' ħaj għal dawk li tħobb (1) |
(13) |
It-tipjip inaqqas il-fertilità |
(14) |
It-tipjip iżid ir-riskju ta' impotenza |
(1) Għandha titpoġġa referenza għan-numru tat-telefon/l-indirizz elettroniku tas-servizzi biex wieħed jieqaf ipejjep jekk dawn jeżistu fl-Istat Membru kkonċernat.”.