|
9.2.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 36/31 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-6 ta’ Frar 2012
dwar il-linji gwida tal-protezzjoni tad-dejta għas-Sistema ta’ Twissija fil-Pront u ta’ Reazzjoni (EWRS)
(notifikata bid-dokument numru C(2012) 568)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2012/73/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,
Wara li kkonsultat lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 1998 dwar l-istabbiliment ta' network għas-sorveljanza epidemoloġika u kontroll ta' mard li jinxtered fil-Komunità (1) stabbilixxiet netwerk għas-sorveljanza u l-kontroll ta’ mard li jittieħed fil-Komunità u sistema ta’ twissija fil-pront u ta’ reazzjoni (minn hawn ’il quddiem l-“EWRS”) għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ dan il-mard. |
|
(2) |
Fid-Deċiżjoni tagħha 2000/57/KE tat-22 ta' Diċembru 1999 dwar is-sistema ta' twissija u tweġiba bikrija għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard li jittieħed taħt id-Deċiżjoni 2119/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) il-Kummissjoni adottat dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni dwar l-EWRS, li l-għan tagħhom huwa li jdaħħlu f’komunikazzjoni strutturata u permanenti ma’ xulxin, permezz ta’ mezzi adegwati, lill-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tas-saħħa pubblika fl-Istati Membri taż-Żona Ekonomika Ewropea sabiex jistabbilixxu l-miżuri li jistgħu jkunu meħtieġa biex jipproteġu s-saħħa pubblika u biex jipprevjenu u jwaqqfu t-tixrid ta’ mard li jittieħed (3). |
|
(3) |
Id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali huwa rikonoxxut mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fl-Artikolu 8 tagħha. |
|
(4) |
Barra minn hekk, l-iskambju ta’ informazzjoni b’mezzi elettroniċi bejn l-Istati Membri, u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, għandu jkun konformi mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta personali stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (4), u fir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (5). |
|
(5) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/547/KE tal-10 ta’ Lulju 2009 li temenda d-Deċiżjoni 2000/57/KE dwar is-sistema ta’ twissija fil-pront u ta’ reazzjoni għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ mard li jittieħed skont id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) introduċiet salvagwardji speċifiċi għall-iskambju ta’ dejta personali bejn l-Istati Membri matul il-proċeduri ta’ rintraċċar tal-kuntatt għall-identifikazzjoni ta’ persuni infettati u ta’ persuni potenzjalment fil-periklu, f’każ li jseħħ xi avveniment relatat ma’ mard li jittieħed li jkollu dimensjoni potenzjali fil-livell tal-UE. |
|
(6) |
Fis-26 ta’ April 2010, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta (li minn hawn ’il quddiem jissejjaħ il-“KEPD”) ħareġ Opinjoni dwar Verifika minn Qabel (7) fejn talab għal kjarifika tar-responsabbiltajiet tad-diversi atturi involuti fl-EWRS, u għall-indirizzar b’mod xieraq tar-riskji potenzjali għad-drittijiet fundamentali permezz tal-ipproċessar ta’ dejta dwar ir-rintraċċar tal-kuntatt fuq skala akbar, f’każ li jkun hemm theddidiet pandemiċi ewlenin għas-saħħa fil-ġejjieni. |
|
(7) |
Wara li kkunsidrat ir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-KEPD fl-Opinjoni tiegħu, il-Kummissjoni żviluppat sett ta’ linji gwida dwar il-protezzjoni tad-dejta għall-EWRS, li għandhom jgħinu biex jikkjarifikaw ir-rwoli, il-kompiti u l-obbligi rispettivi tad-diversi atturi tas-sistema u b’dak il-mod jiggarantixxu l-konformità effettiva mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta msemmija fuq u jiżguraw il-provvista ta’ informazzjoni ċara u mekkaniżmi faċilment disponibbli għas-suġġetti tad-dejta sabiex ikunu jistgħu jasserixxu d-drittijiet tagħhom. |
ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:
|
1. |
L-Istati Membri għandhom jiġbdu l-attenzjoni tal-utenti tal-EWRS fuq il-linji gwida fl-Anness għal din ir-Rakkomandazzjoni. |
|
2. |
L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-EWRS għandhom jiġu mħeġġa jagħmlu kuntatti mal-Awtoritajiet tal-Protezzjoni tad-Dejta nazzjonali tagħhom għal gwida u għajnuna fuq l-aħjar mod biex jimplimentaw dawn il-linji gwida skont il-liġi nazzjonali. |
|
3. |
L-Istati Membri huma rrakkomandati li jipprovdu reazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni tal-linji gwida fl-Anness, mhux aktar tard minn sentejn wara l-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. Din ir-reazzjoni sejra tinqasam mal-KEPD u sejra tittieħed inkonsiderazzjoni mill-Kummissjoni biex tevalwa l-livell ta’ protezzjoni tad-dejta fl-EWRS, kif ukoll il-kontenut u t-tempestività ta’ kwalunkwe miżura li tittieħed fil-ġejjieni, inkluż l-adozzjoni possibbli ta’ strument legali. |
|
4. |
Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. |
Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Frar 2012.
Għall-Kummissjoni
John DALLI
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 268, 3.10.1998, p. 1.
(2) ĠU L 21, 26.1.2000, p. 32.
(3) L-EWRS hija riservata għar-rapportaġġ, mill-awtoritajiet kompetenti tas-saħħa pubblika tal-Istati Membri, ta’ theddidiet speċifikati għas-saħħa pubblika (“avvenimenti”) kif definit fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2000/57/KE msemmija.
(4) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.
(6) ĠU L 181, 14.7.2009, p. 57.
(7) Opinjoni dwar il-Verifika minn Qabel tas-26 ta’ April 2010 tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta dwar is-Sistema ta’ Twissija fil-Pront u ta’ Reazzjoni nnotifikata mill-Kummissjoni Ewropea fit-18 ta’ Frar 2009 (kawża Ċ 2009-0137). L-Opinjoni hija ppubblikata fuq is-sit elettroniku tal-KEPD f’dan l-indirizz: http://www.edps.europa.eu/EDPSWEB/webdav/site/mySite/shared/Documents/Supervision/Priorchecks/Opinions/2010/10-04-26_EWRS_EN.pdf.
ANNESS
LINJI GWIDA DWAR IL-PROTEZZJONI TAD-DEJTA GĦAS-SISTEMA TA’ TWISSIJA FIL-PRONT U TA’ REAZZJONI (EWRS)
1. INTRODUZZJONI
L-EWRS hija applikazzjoni bbażata fuq l-Internet iddisinjata mill-Kummissjoni Ewropea, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, bil-għan li ddaħħal f’komunikazzjoni strutturata u permanenti ma’ xulxin lill-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tas-saħħa pubblika responsabbli fl-Istati Membri taż-ŻEE sabiex jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa biex jipproteġu s-saħħa pubblika. Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (li minn hawn ’il quddiem issir referenza għalih bħala l-“ECDC”), aġenzija tal-UE, ilu konness mal-EWRS mill-2005 (1).
Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tas-saħħa nazzjonali hija vitali sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri biex jipprevjenu t-tixrid potenzjali tal-mard li jittieħed ġewwa l-UE, kif ukoll il-prontezza tagħhom li jwieġbu b’mod ikkoordinat u fil-ħin għall-avvenimenti kkawżati mill-mard li jittieħed li huma, jew għandhom il-potenzjal li jsiru, theddidiet għas-saħħa pubblika.
It-tifqigħat preċedenti tas-SARS, l-Influwenza Pandemika A(H1N1) u mard ieħor li jittieħed urew b’mod ċar kif mard li qabel ma kienx magħruf jista’ jinxtered malajr, tant li jikkawża mortalità u morbidità għolja. L-ivvjaġġar veloċi u l-kummerċ globali jiffaċilitaw it-trasmissjoni tal-mard li jittieħed, li ma jafx bi fruntieri. Is-sejbien minn kmieni u l-komunikazzjoni u l-koordinazzjoni effiċjenti fil-livell Ewropew u internazzjonali huma essenzjali biex jikkontrollaw dawn il-kontinġenzi u biex jipprevjenu l-iżviluppi li jistgħu jkunu ta’ ħsara serja.
L-EWRS kienet iddisinjata bħala mekkaniżmu ċentralizzat li jagħti ċ-ċans lill-Istati Membri jibagħtu twissijiet, jaqsmu l-informazzjoni u jikkoordinaw ir-reazzjoni tagħhom, b’mod f’waqtu u sikur, fir-rigward tal-avvenimenti li jikkawżaw theddida potenzjali għas-saħħa fuq l-UE.
2. L-AMBITU U L-GĦANIJIET TAL-LINJI GWIDA
Il-ġestjoni u l-użu tal-EWRS jistgħu jinvolvu l-iskambju ta’ dejta personali f’każijiet speċifiċi fejn l-istrumenti legali rilevanti jistabbilixxu dan (ara t-Taqsima 4 dwar il-bażi legali għall-iskambju ta’ informazzjoni personali fl-EWRS).
L-iskambji ta’ informazzjoni personali bejn l-awtoritajiet tas-saħħa kompetenti fl-Istati Membri għandhom jikkonformaw mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta personali stabbiliti fil-liġijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta.
Madankollu, minħabba li l-utenti tal-EWRS mhumiex esperti tal-protezzjoni tad-dejta u mhux dejjem ikunu jafu biżżejjed dwar ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-dejta imposti mil-liġi, huwa rrakkomandat li l-utenti tal-EWRS jiġu pprovduti b’linji gwida fejn il-funzjonament tal-EWRS jiġi spjegat minn perspettiva tal-protezzjoni tad-dejta b’mod faċli għall-utenti u li jkun jista’ jinftiehem faċilment. Il-linji gwida għandhom l-għan ukoll li jqajmu kuxjenza u jippromwovu l-aqwa prassi, flimkien ma’ approċċ konsistenti u uniformi għall-konformità mal-protezzjoni tad-dejta fost l-utenti tal-EWRS fl-Istati Membri.
Madankollu, ta’ min jinnota li dawn il-linji gwida mhumiex intiżi biex jipprovdu analiżi komprensiva tal-kwistjonijiet kollha tal-protezzjoni tad-dejta b’rabta mal-EWRS. Aktar gwida u għajnuna jistgħu jinkisbu mill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta (li minn hawn ’il quddiem issir referenza għalihom bħala “DPAs”) fl-Istati Membri. B’mod partikolari, l-utenti tal-EWRS huma mħeġġa ħafna biex ifittxu pariri mid-DPAs rispettivi tagħhom dwar l-aħjar mod biex jimplimentaw dawn il-linji gwida fil-livell nazzjonali, bil-għan li jiżguraw li r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-dejta speċifiċi għall-pajjiżi jiġu rrispettati b’mod sħiħ. Lista tad-DPAs u d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom jistgħu jinstabu fl-indirizz li ġej:
http://ec.europa.eu/justice/policies/privacy/nationalcomm/index_en.htm
Fl-aħħarnett, għandu jiġi enfasizzat li dawn il-linji gwida mhumiex interpretazzjoni awtentika tal-Liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta, minħabba li fis-sistema istituzzjonali tal-Unjoni, ir-responsabbiltà tal-interpretazzjoni tal-liġi tal-UE hija mogħtija esklużivament lill-Qorti tal-Ġustizzja.
3. IL-LIĠI APPLIKABBLI U S-SUPERVIŻJONI
Id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli tiddependi fuq min huwa l-utent tal-EWRS. B’mod partikolari, l-ipproċessar ta’ dejta personali mill-Kummissjoni u mill-ECDC fi ħdan il-qafas tal-ġestjoni u l-operat tas-sistema (sal-punt spjegat fit-Taqsimiet li ġejjin) huwa rregolat mir-Regolament (KE) Nru 45/2001.
Fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-EWRS, il-liġi applikabbli hija l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti dwar il-protezzjoni tad-dejta li tittrasponi d-Direttiva 95/46/KE. Ta’ min jinnota li din id-Direttiva tħalli ċertu marġini ta’ manuvrar għall-Istati Membri biex jittrasponu d-dispożizzjonijiet tagħha f’liġi nazzjonali. B’mod partikolari, id-Direttiva tagħti ċ-ċans lill-Istati Membri jintroduċu eżenzjonijiet jew derogi għal numru ta’ dispożizzjonijiet tagħha f’każijiet speċifiċi. Fl-istess ħin, il-liġi nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-dejta li għaliha hija soġġetta l-EWRS tista’ tistabbilixxi rekwiżiti tal-protezzjoni tad-dejta aktar stretti jew speċifiċi għall-pajjiż mhux previsti mil-liġijiet ta’ Stati Membri oħrajn.
Fid-dawl ta’ dawn il-partikolaritajiet, l-utenti tal-EWRS huma rrakkomandati li jiddiskutu dawn il-linji gwida mad-DPAs rispettivi tagħhom sabiex jiżguraw li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kollha kkawżati mil-liġijiet nazzjonali applikabbli. Pereżempju, id-dettalji tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lis-suġġetti tad-dejta fil-ħin tal-ġbir tad-dejta jistgħu jvarjaw b’mod sinjifikanti minn Stat Membru għal ieħor, kif ukoll ir-regoli għall-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ dejta personali (pereżempju, dejta dwar is-saħħa) ta’ individwi.
Waħda mill-karatteristiċi ewlenin tal-qafas legali dwar il-protezzjoni tad-dejta tal-UE li jikkonsisti mir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Direttiva 95/46/KE hija s-superviżjoni tiegħu minn awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta pubbliċi u indipendenti. L-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE jiġi ssorveljat mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta (li minn hawn ’il quddiem jissejjaħ il-“KEPD”) (2), filwaqt li l-ipproċessar minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, aġenziji jew korpi oħrajn fl-Istati Membri jiġi ssorveljat mid-DPAs rispettivi tagħhom. L-awtoritajiet superviżorji ġew awtorizzati fl-Istati Membri kollha biex jisimgħu t-talbiet imressqa miċ-ċittadini dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tagħhom fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali. Għal aktar informazzjoni dettaljata fuq kif jittrattaw it-talbiet jew l-ilmenti tas-suġġetti tad-dejta, l-utenti tal-EWRS huma mistiedna jirreferu għat-Taqsima 9 dwar l-aċċess għad-dejta personali u drittijiet oħrajn tas-suġġetti tad-dejta.
4. BAŻI LEGALI GĦALL-ISKAMBJU TA’ INFORMAZZJONI PERSONALI FL-EWRS
Id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE stabbilixxiet it-twaqqif ta’ netwerk fil-livell tal-UE (minn hawn ’il quddiem in-“Netwerk”) sabiex jippromwovi l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, bl-għajnuna tal-Kummissjoni, bil-għan li jittejbu l-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard li jittieħed fl-UE (3). F’dan il-qafas, l-EWRS twaqqfet bħala wieħed mill-pilastri tan-Netwerk, bil-għan li tippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni, konsultazzjoni u koordinazzjoni fil-livell Ewropew f’każ ta’ avvenimenti kkawżati minn mard li jittieħed li jkollhom il-potenzjal li jipperikolaw is-saħħa pubblika fl-UE.
Ta’ min jinnota li mhux l-informazzjoni kollha skambjata fi ħdan l-EWRS hija ta’ natura personali. B’mod ġenerali, fil-fatt, f’dan il-qafas ma tiġi skambjata ebda dejta marbuta mas-saħħa jew xi tip ta’ dejta personali oħra ta’ persuni fiżiċi identifikati inkella identifikabbli.
X’inhi “dejta personali”?
Għall-finijiet tad-Direttiva 95/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 45/2001, dejta personali għandha tfisser kull informazzjoni li hija relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (“suġġett tad-dejta”); persuna identifikabbli hija waħda li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal numru ta’ identifikazzjoni jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tagħha (4).
L-awtoritajiet tas-saħħa kompetenti fl-Istati Membri taż-ŻEE jikkomunikaw l-iktar lin-Netwerk, permezz tal-EWRS, informazzjoni rigward – fost l-oħrajn - id-dehra jew il-qawmien mill-ġdid ta’ każijiet ta’ mard li jittieħed, flimkien ma’ informazzjoni dwar il-miżuri ta’ kontroll applikati, jew informazzjoni dwar fenomeni epidemiċi mhux tas-soltu jew mard li jittieħed ġdid ta’ oriġini mhux magħrufa (5), li jistgħu jirrikjedu t-teħid ta’ azzjoni f’waqtha u kkoordinata mill-Istati Membri biex jikkontjenu r-riskju ta’ propagazzjoni ġewwa l-UE (6). Abbażi tal-informazzjoni disponibbli permezz tan-Netwerk, l-Istati Membri sejrin jikkonsultaw lil xulxin b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni bil-għan li jikkoordinaw l-isforzi tagħhom għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ dak il-mard, inkluż fir-rigward tal-miżuri li adottaw jew li għandhom il-ħsieb li jadottaw fil-livell nazzjonali (7).
Madankollu, f’xi każijiet, l-informazzjoni skambjata permezz tas-sistema fil-fatt tikkonċerna l-individwi u tista’ titqies dejta personali.
L-ewwelnett, l-ipproċessar ta’ ammont limitat ta’ dejta personali tal-utenti awtorizzati tal-EWRS huwa inerenti fil-ġestjoni u l-operat tas-sistema. Tabilħaqq, l-ipproċessar tad-dettalji ta’ kuntatt tal-utenti (l-isem, l-organizzazzjoni, l-indirizz tal-e-mail, in-numru tat-telefon, eċċ.) huwa essenzjali sabiex tiġi stabbilita u titħaddem is-sistema. Din id-dejta personali tinġabar mill-Istati Membri, u tkompli tiġi pproċessata taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni, biss għall-iskopijiet tal-kooperazzjoni effettiva fuq il-ġestjoni tal-EWRS u n-Netwerk sottostanti.
Aktar importanti minn hekk, l-okkorrenza ta’ avveniment relatat mal-mard li jittieħed b’dimensjoni potenzjali tal-UE tista’ tkun teħtieġ l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ kontroll partikolari, l-hekk imsejħa miżuri ta’ “rintraċċar tal-kuntatt”, mill-Istati Membri affettwati b’kollaborazzjoni ma’ xulxin, sabiex jiġu identifikati l-persuni infettati u l-persuni potenzjalment f’periklu u sabiex tiġi evitata t-trasmissjoni ta’ mard serju li jittieħed. Din il-kollaborazzjoni tista’ tinvolvi l-iskambju permezz tal-EWRS ta’ dejta personali, inkluża dejta sensittiva dwar is-saħħa, ta’ każijiet umani kkonfermati jew suspettati bejn l-Istati Membri direttament ikkonċernati mill-miżuri ta’ rintraċċar tal-kuntatt (8).
X’inhu l-“ipproċessar ta’ dejta personali”?
Għall-finijiet tad-Direttiva 95/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 45/2001, “ ipproċessar ta’ dejta personali għandha tfisser kwalunkwe operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet imwettqa fuq dejta personali, kemm jekk b’mezzi awtomatiċi kif ukoll jekk le, bħal ġbir, reġistrar, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew alterazzjoni, irkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar permezz ta’ trasmissjoni, disseminazzjoni jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’mod ieħor, allinjament jew kombinazzjoni, imblukkar, tħassir jew qerda ta’ dejta ” (9).
Fil-każijiet imsemmija fuq, l-ipproċessar ta’ dejta personali fi ħdan l-EWRS għandu jkun ġustifikat fuq il-bażi ta’ raġunijiet legali speċifiċi. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46/KE, u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, stabbilixxew il-kriterji li jagħmlu l-ipproċessar tad-dejta leġittimu.
Fir-rigward tad-dettalji ta’ kuntatt tal-utenti tal-EWRS, l-ipproċessar ta’ din id-dejta huwa bbażat fuq:
|
— |
l-Artikolu 5(b) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001: “l-ipproċessar huwa meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih il-kontrollur [ (10)] huwa soġġett”. L-ipproċessar huwa meħtieġ għall-ġestjoni u l-operat tal-EWRS mill-Kummissjoni, b’appoġġ mill-ECDC; |
|
— |
u l-Artikolu 5(d) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001: “is-suġġetti tad-dejta jkunu taw il-kunsens kategoriku tagħhom”. Id-dettalji ta’ kuntatt tal-utenti jinkisbu mis-suġġetti tad-dejta nfushom, wara li jkunu poġġewhom fil-kundizzjonijiet biex juru li jaqblu li d-dejta personali tagħhom tiġi pproċessata fi ħdan l-EWRS (ara t-Taqsima 8 dwar il-provvista ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-dejta). |
Il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 7(c), (d) u (e) tad-Direttiva 95/46/KE huma l-aktar rilevanti għall-iskambju tad-dejta dwar ir-rintraċċar tal-kuntatt (pereżempju, dettalji ta’ kuntatt tal-persuna infettata, trasferiment u dejta oħra relatata mal-itinerarju tal-ivvjaġġar tal-persuna u l-postijiet ta’ alloġġ, informazzjoni dwar il-persuni li nżaru u l-persuni potenzjalment esposti għal kontaminazzjoni) ta’ individwi fi ħdan l-EWRS (11):
|
— |
l-Artikolu 7(c) tad-Direttiva 95/46/KE: “l-ipproċessar huwa meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih il-kontrollur huwa soġġett”. L-istabbiliment ta’ sistema ta’ twissija fil-pront u ta’ reazzjoni għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ mard li jittieħed fl-UE huwa meħtieġ mid-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE. Din id-Deċiżjoni tpoġġi obbligu fuq l-Istati Membri biex jirrapportaw permezz tal-EWRS ċerti avvenimenti kkawżati minn mard li jittieħed li huma, jew għandhom il-potenzjal li jsiru, theddidiet għas-saħħa pubblika (12). L-obbligu tar-rapportaġġ ikopri wkoll il-miżuri meħuda mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kkonċernati sabiex jipprevjenu u jwaqqfu t-tixrid ta’ dak il-mard, inklużi l-miżuri ta’ rintraċċar tal-kuntatt implimentati sabiex jiġu rintraċċati l-persuni infettati jew dawk li potenzjalment qegħdin fil-periklu li jiġu infettati (13); |
|
— |
l-Artikolu 7(d) tad-Direttiva 95/46/KE: “l-ipproċessar huwa meħtieġ sabiex jiġu protetti l-interessi vitali tas-suġġett tad-dejta”. Fil-prinċipju, l-iskambju bejn l-Istati Membri kkonċernati ta’ dejta personali ta’ individwi infettati, u ta’ individwi li huma f’periklu imminenti li jiġu infettati, huwa meħtieġ sabiex huma jiġu pprovduti bil-kura jew it-trattament xierqa, kif ukoll sabiex jippermetti r-rintraċċar u l-identifikazzjoni għal skopijiet ta’ iżolament u kwarantina, bil-għan li tkun imħarsa s-saħħa tal-individwi kkonċernati u, fl-aħħar mill-aħħar, dik taċ-ċittadini tal-UE b’mod ġenerali; |
|
— |
u l-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46/KE: “l-ipproċessar huwa meħtieġ għall-eżekuzzjoni ta’ xogħol magħmul fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali vestita fil-kontrollur jew f’terza parti li magħha tkun żvelata d-dejta”. L-EWRS hija għodda ddisinjata biex tgħin lill-Istati Membri jikkoordinaw l-isforzi tagħhom għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ mard serju li jittieħed ġewwa l-UE. Għalhekk, is-sistema hija meqjusa bħala li sservi l-eżekuzzjoni ta’ xogħol ta’ interess pubbliku vestit fl-Istati Membri biex jipproteġu s-saħħa pubblika. |
L-istess raġunijiet ta’ interess pubbliku jistgħu jiġġustifikaw l-ipproċessar mill-Istati Membri ta’ dejta sensittiva dwar is-saħħa (pereżempju, informazzjoni dwar l-avveniment li jikkawża theddida għas-saħħa, dejta relatata mal-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-persuni infettati u ta’ persuni li jistgħu jkunu esposti għal kontaminazzjoni) fi ħdan l-EWRS. Għalkemm l-ipproċessar tad-dejta dwar is-saħħa huwa pprojbit fil-prinċipju mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46/KE, l-ipproċessar ta’ din il-kategorija speċjali ta’ dejta fi ħdan l-EWRS huwa kopert mill-eżenzjoni mogħtija skont l-Artikolu 8(3) tal-istess Direttiva sakemm l-ipproċessar ikun “ meħtieġ għall-finijiet tal-mediċina preventiva, id-dijanjożi medika, il-provvista ta’ kura jew trattament jew il-ġestjoni ta’ servizzi tal-kura tas-saħħa, u fejn dik id-dejta tiġi pproċessata minn professjonist tas-saħħa soġġett, skont il-liġi jew ir-regoli nazzjonali stabbiliti mill-korpi nazzjonali kompetenti, għall-obbligu tas-segretezza professjonali jew minn xi persuna oħra wkoll soġġetta għal obbligu ekwivalenti ta’ segretezza ”.
Jistgħu jiġu pprovduti eżenzjonijiet addizzjonali għall-projbizzjoni tal-ipproċessar ta’ dejta personali dwar is-saħħa, għal raġunijiet ta’ interess pubbliku sostanzjali u skont il-provvista ta’ salvagwardji xierqa, permezz tal-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri, jew permezz ta’ deċiżjoni tad-DPAs nazzjonali fl-Istati Membri (14).
5. MIN HUWA MIN FL-EWRS? IL-KWISTJONI TA’ KONTROLL KONĠUNT
L-EWRS inħolqot bħala sistema ta’ bosta utenti li tgħaqqad flimkien, permezz ta’ mezzi tekniċi xierqa li jinkludu mezzi ta’ komunikazzjoni strutturati differenti, il-persuni ta’ kuntatt maħtura mill-awtoritajiet kompetenti tas-saħħa pubblika fl-Istati Membri taż-ŻEE (minn hawn ’il quddiem, il-“punti fokali nazzjonali tal-EWRS”), il-Kummissjoni, l-ECDC u, sa ċertu punt, anki d-WHO.
Kull wieħed minn dawn l-atturi tal-EWRS huwa utent separat tas-sistema, għalkemm l-aċċess għall-informazzjoni skambjata fi ħdan is-sistema kien modulat permezz tal-ħolqien ta’ profili ta’ utenti differenti u ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni “selettivi”, li jipprovdu salvagwardji xierqa sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta.
B’mod partikolari, is-sistema tikkonsisti minn żewġ mezzi ta’ komunikazzjoni ewlenin. L-ewwel mezz, l-hekk imsejjaħ mezz ta’ “messaġġi ġenerali”, jagħti ċ-ċans lill-awtorità tas-saħħa kompetenti fi Stat Membru partikolari biex tinnotifika lill-punti fokali nazzjonali kollha tal-EWRS, lill-Kummissjoni, lill-ECDC u lid-WHO bl-informazzjoni dwar l-avvenimenti kkawżati minn mard li jittieħed, li għandhom dimensjoni potenzjali tal-UE u li huma koperti mill-obbligi ta’ rapportaġġ stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE (15).
B’mod ġenerali, ma tiġi kkomunikata ebda dejta relatata mas-saħħa jew dejta personali oħra ta’ persuni fiżiċi identifikati jew identifikabbli permezz tal-mezz ta’ messaġġi ġenerali. Ġew introdotti salvagwardji speċifiċi fis-sistema sabiex jipprevjenu l-ipproċessar ta’ dejta illegali fi ħdan dan il-mezz (ara t-Taqsima 7).
Madankollu, fil-każ li jseħħu xi avvenimenti kkawżati minn mard li jittieħed b’dimensjoni potenzjali tal-UE, jista’ jkun meħtieġ għall-Istati Membri affettwati, b’kollaborazzjoni ma’ xulxin, li jimplimentaw miżuri partikolari ta’ rintraċċar tal-kuntatt bil-għan li jiġu rintraċċati l-persuni infettati, u individwi oħrajn esposti għal kontaminazzjoni, sabiex jiġi evitat it-tixrid ta’ dak il-mard serju.
Sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta, ġew introdotti salvagwardji xierqa biex jillimitaw l-iskambju ta’ dejta dwar is-saħħa u r-rintraċċar tal-kuntatt ta’ individwi biss lejn l-Istati Membri direttament ikkonċernati minn proċedura partikolari ta’ rintraċċar tal-kuntatt, kif ukoll biex jeskludu lill-Istati Membri l-oħrajn tan-Netwerk, lill-Kummissjoni u lill-ECDC milli jkollhom aċċess għal din id-dejta (16).
Għal dan il-għan, inbena l-hekk imsejjaħ mezz ta’ “messaġġi selettivi” fl-EWRS sabiex jiggarantixxi mezz ta’ komunikazzjoni esklużiv bejn l-Istati Membri kkonċernati minn miżura partikolari ta’ rintraċċar tal-kuntatt.
Permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni personali permezz tal-mezz ta’ messaġġi selettivi, l-awtoritajiet kompetenti jieħdu r-rwol ta’ “kontrollur” fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-dejta personali u għalhekk jassumu r-responsabbiltà għal-legalità tal-attivitajiet tal-ipproċessar tagħhom u biex jiżguraw il-konformità mal-obbligi tal-protezzjoni tad-dejta stabbiliti fil-liġijiet nazzjonali applikabbli li jittrasponu d-Direttiva 95/46/KE.
Min huwa l-“kontrollur”?
Għall-finijiet tad-Direttiva 95/46/KE, “kontrollur għandha tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew xi korp ieħor li waħdu jew flimkien ma’ oħrajn jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ dejta personali” (17).
Fil-prinċipju, l-utenti fil-Kummissjoni u fl-ECDC ma għandhomx aċċess għad-dejta personali skambjata permezz tal-mezz ta’ messaġġi selettivi (18). Madankollu, għal raġunijiet tekniċi, il-ħażna ċentrali tad-dejta fl-EWRS hija r-responsabbiltà aħħarija tal-Kummissjoni bħala l-amministratur u l-koordinatur tas-sistema. F’din il-kapaċità, il-Kummissjoni hija responsabbli wkoll mir-reġistrazzjoni, il-ħażna u l-ipproċessar ulterjuri tad-dejta personali tal-utenti awtorizzati tal-EWRS li huma meħtieġa biex iħaddmu s-sistema.
Għalhekk, l-EWRS hija eżempju ċar ta’ kontroll konġunt, fejn ir-responsabbiltà għall-iżgurar tal-protezzjoni tad-dejta hija allokata, f’livelli differenti, bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Barra minn hekk, il-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-kapaċità tagħhom bħala ko-kontrolluri ilhom mill-2005 li ddeċidew li jiddelegaw l-operat ta’ kuljum tal-applikazzjoni tal-informatika tal-EWRS lill-ECDC, li jwettaq dan il-kompitu f’isem il-Kummissjoni. Minbarra din id-delega, l-aġenzija assumiet ir-responsabbiltà li tiżgura, bħala “proċessur”, il-kunfidenzjalità u s-sigurtà tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar imwettqa fi ħdan din is-sistema, b’konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.
Min huwa l-“proċessur” u x’inhuma l-obbligi tiegħu?
Għall-finijiet tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, “ proċessur għandha tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew xi korp ieħor li jipproċessa dejta personali f’isem il-kontrollur ” (19).
Ir-Regolament jipprevedi li, fejn operazzjoni tal-ipproċessar titwettaq f’ismu, il-kontrollur għandu jagħżel proċessur li jipprovdi garanziji suffiċjenti fir-rigward tal-miżuri tekniċi u organizzattivi meħtieġa għal skopijiet ta’ sigurtà tad-dejta. Il-kontrollur għandu jkun fl-aħħar mill-aħħar responsabbli biex jiżgura l-konformità ma’ dawk il-miżuri. Madankollu, l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament fir-rigward tal-kunfidenzjalità u s-sigurtà tal-ipproċessar huma wkoll tal-proċessur (20).
6. PRINĊIPJI APPLIKABBLI TAL-PROTEZZJONI TAD-DEJTA
L-ipproċessar tad-dejta personali fi ħdan l-EWRS għandu jkun konformi ma’ sett ta’ prinċipji tal-protezzjoni tad-dejta stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u fid-Direttiva 95/46/KE.
Fil-kapaċità tagħhom bħala kontrolluri, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri huma responsabbli biex jiżguraw il-konformità ma’ dawn il-prinċipji kull darba li jipproċessaw dejta personali permezz tal-EWRS. Hawn taħt qiegħda tiġi pprovduta għażla ta’ prinċipji ewlenin tal-protezzjoni tad-dejta. Dan huwa mingħajr ħsara għal rekwiżiti applikabbli oħrajn tal-protezzjoni tad-dejta stabbiliti fl-istrumenti legali rilevanti, li għalihom tingħata gwida taħt it-Taqsimiet differenti tal-linji gwida preżenti. B’mod partikolari, l-utenti tal-EWRS huma mistiedna jaqraw bir-reqqa t-Taqsima 8 dwar il-provvista tal-informazzjoni lis-suġġetti tad-dejta u t-Taqsima 9 dwar l-aċċess u drittijiet oħrajn tas-suġġetti tad-dejta.
6.1. Prinċipji relatati mal-legalità tal-ipproċessar u mal-limitazzjoni tal-iskop
Il-kontrolluri għandhom jiżguraw li d-dejta personali tiġi pproċessata b’mod ġust u leġittimu. Dan il-prinċipju jimplika, l-ewwelnett, li l-ġbir u kwalunkwe ipproċessar ulterjuri tad-dejta personali għandhom ikunu bbażati fuq bażi leġittima stabbilita mil-liġi (21). It-tieni, id-dejta personali tista’ tinġabar biss għal skopijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi u ma għandhiex tkompli tiġi pproċessata b’mod li ma jkunx kompatibbli ma’ dawk l-iskopijiet (22).
6.2. Prinċipji dwar il-kwalità tad-dejta
Il-kontrolluri għandhom jiżguraw li d-dejta personali tkun adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva fir-rigward tal-iskopijiet li għalihom tinġabar. Barra minn hekk, id-dejta għandha tkun preċiża u tinżamm aġġornata (23).
6.3. Prinċipji dwar iż-żamma tad-dejta
Il-kontrolluri għandhom jiżguraw li d-dejta personali tinżamm f’forma li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-dejta għal mhux aktar żmien milli jkun meħtieġ fid-dawl tal-iskopijiet li għalihom inġabret id-dejta, jew li għalihom tkompli tiġi pproċessata (24).
6.4. Prinċipji dwar il-kunfidenzjalità u s-sigurtà tad-dejta
Il-kontrolluri għandhom jiżguraw li kull persuna li jkollha aċċess għad-dejta personali u li taġixxi taħt l-awtorità tagħhom jew taħt l-awtorità tal-proċessur, inkluż il-proċessur innifsu, ma tipproċessax din id-dejta ħlief fuq struzzjonijiet mill-kontrollur (25). Barra minn hekk, il-kontrolluri huma mitluba jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex jipproteġu d-dejta personali kontra distruzzjoni jew telf, tibdil, żvelar jew aċċess aċċidentali, mhux awtorizzati jew illegali, u kontra kull forma illegali oħra ta’ ipproċessar (26).
Fid-dawl ta’ applikazzjoni korretta u effettiva tal-prinċipji msemmija fuq fil-kuntest tal-użu tagħhom mis-sistema, l-utenti tal-EWRS huma rrakkomandati b’mod partikolari:
Sabiex jiżguraw li l-operazzjoni tal-ipproċessar ikollha bażi legali, li d-dejta tinġabar għal skopijiet leġittimi u espliċiti u li ma tiġix ipproċessata aktar b’mod li ma jkunx kompatibbli ma’ dawk l-iskopijiet, kull darba li jiġbru jew jipproċessaw b’mod ieħor id-dejta personali permezz tal-EWRS, l-utenti tal-EWRS għandhom:
|
— |
jevalwaw fuq bażi ta’ każ b’każ jekk l-implimentazzjoni tal-miżuri kkoordinati tar-rintraċċar tal-kuntatt, u l-attivazzjoni konsegwenti tal-mezz selettiv tal-EWRS għall-iskambju ta’ dejta relatata mar-rintraċċar tal-kuntratt u dejta personali oħra, hijiex ġustifikata inkonsiderazzjoni tan-natura tal-marda u l-benefiċċji pprovati xjentifikament tar-rintraċċar tal-kuntatt għall-prevenzjoni jew it-tnaqqis tat-tixrid ulterjuri tal-marda, billi tiġi kkunsidrata l-valutazzjoni tar-riskju pprovduta mill-awtoritajiet tas-saħħa fl-Istati Membri u mill-aġenziji xjentifiċi eżistenti, jiġifieri l-ECDC u d-WHO; |
|
— |
ma jużawx il-mezz tal-messaġġi ġenerali għall-iskambju tad-dejta relatata mar-rintraċċar tal-kuntatt u dejta personali oħra. Huma għandhom jiżguraw, b’mod partikolari, li ebda dejta bħal din ma tkun inkluża fit-test tal-messaġġi ġenerali li jibagħtu, fid-dokumenti mehmuża tagħhom jew fi kwalunkwe forma oħra. L-użu tal-mezz tal-messaġġi ġenerali għal skopijiet ta’ rintraċċar tal-kuntatt ikun illeġittimu u sproporzjonat, minħabba li jirriżulta fl-iżvelar tad-dejta personali mar-riċevituri (inklużi l-Kummissjoni u l-ECDC) mhux ikkonċernati minn proċedura partikolari ta’ rintraċċar tal-kuntatt u li ma għandhomx bżonn li jkollhom aċċess għal dik id-dejta; |
|
— |
meta jużaw il-funzjonalità selettiva, jadottaw approċċ abbażi tal-bżonn għall-għarfien u, bħala r-riċevituri tal-messaġġi selettivi li jinkludu dejta personali, jagħżlu biss lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri li jeħtieġ li jikkooperaw fuq proċedura partikolari ta’ rintraċċar tal-kuntatt; |
L-utenti tal-EWRS għandhom ikunu partikolarment viġilanti meta jiskambjaw, permezz tal-mezz ta’ messaġġi selettivi, dejta sensittiva dwar il-kundizzjonijiet tas-saħħa ta’ persuna identifikata jew identifikabbli, pereżempju, persuni infettati jew potenzjalment esposti li d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom jew informazzjoni personali oħra dwarhom jiġu żvelati b’mod konkomitanti permezz tal-EWRS, biex b’hekk il-persuna inkwistjoni tkun tista’ tiġi identifikata direttament jew indirettament. F’dan il-każ, għandhom ikomplu japplikaw ir-rakkomandazzjonijiet kollha msemmija fuq; barra minn hekk, l-utenti tal-EWRS għandhom jiftakru li l-iskambju ta’ dejta sensittiva huwa permess skont id-Direttiva 95/46/KE biss f’ċirkostanzi limitati ħafna. B’mod partikolari (27):
|
— |
Il-persuna li tkun qiegħda tinġabar id-dejta tagħha tkun tat il-kunsens espliċitu tagħha għall-ipproċessar (Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 95/46/KE). Madankollu, il-ħtieġa li jsir intervent f’waqtu f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza sanitarja tista’ tagħmilha impossibbli li s-suġġetti tad-dejta jiġu pprovduti bl-informazzjoni kollha li jeħtieġu biex ikunu jistgħu juru kunsens infurmat (ara t-Taqsima 8 dwar il-provvista ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-dejta). Barra minn hekk, il-possibbiltà li d-dejta tista’ eventwalment tiġi żvelata permezz tal-EWRS mhux neċessarjament tkun magħrufa f’dak il-ħin li tinġabar; |
|
— |
Fin-nuqqas ta’ kunsens mis-suġġetti tad-dejta, l-ipproċessar tad-dejta dwar is-saħħa jista’ jitqies bħala leġittimu jekk ikun neċessarju għall-“ iskopijiet ta’ mediċina preventiva, dijanjożi medika, il-provvista ta’ kura jew trattament jew il-ġestjoni ta’ servizzi tal-kura tas-saħħa ”, sakemm id-dejta dwar is-saħħa tkun ipproċessata minn professjonist tas-saħħa soġġett għall-obbligu tas-segretezza professjonali, jew minn xi persuna oħra wkoll soġġetta għal obbligu ekwivalenti (Artikolu 8(3) tad-Direttiva 95/46/KE). F’termini oħrajn, kull darba li jibagħtu messaġġ selettiv li jkun fih dejta sensittiva dwar is-saħħa lil riċevituri fi Stati Membri oħrajn, l-utenti tal-EWRS għandhom jevalwaw jekk l-iżvelar ta’ dik id-dejta huwiex strettament neċessarju sabiex l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kkonċernati jkunu jistgħu jimplimentaw il-miżuri speċifiċi meħtieġa għal wieħed mill-iskopijiet imsemmija fuq. L-utenti tal-EWRS huma mfakkra wkoll li r-raġunijiet addizzjonali għall-ipproċessar tad-dejta dwar is-saħħa jistgħu jiġu pprovduti mil-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom li jittrasponu d-Direttiva 95/46/KE, jew mid-deċiżjoni tad-DPA nazzjonali tagħhom (28). |
Sabiex jiżguraw il-kwalità tad-dejta personali li jiskambjaw permezz tas-sistema, u b’mod partikolari, qabel jibagħtu messaġġ selettiv, l-utenti tal-EWRS għandhom jikkunsidraw jekk:
|
— |
Id-dejta personali li jridu jiskambjaw hijiex strettament meħtieġa sabiex tippermetti proċedura effiċjenti ta’ rintraċċar tal-kuntatt. F’termini oħrajn, l-awtorità kompetenti li tibgħat il-messaġġ għandha tipprovdi lill-awtorità(jiet) fl-Istat(i) Membru/i ieħor/oħrajn ikkonċernat(i) biss b’dik id-dejta personali li tkun meħtieġa sabiex jiġu identifikati b’mod mhux ambigwu l-persuni infettati jew esposti għall-infezzjoni. Il-lista indikattiva tad-dejta personali li tista’ tiġi skambjata għal skopijiet ta’ rintraċċar tal-kuntatt, annessa mad-Deċiżjoni 2009/547/KE, ma għandhiex titqies bħala awtorizzazzjoni ġenerali u mhux kondizzjonata sabiex jiġu pproċessati dawn il-kategoriji ta’ dejta. Fl-istess ħin, għandha tittieħed prekawzjoni estrema fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali differenti minn dik elenkata f’dak l-Anness, minħabba li l-iżvelar x’aktarx li jkun eċċessiv u mhux raġonevoli. Minflok, għandha ssir valutazzjoni każ b’każ ta’ jekk l-inklużjoni ta’ ċerta dejta personali hijiex strettament meħtieġa għall-iskopijiet ta’ proċedura partikolari ta’ rintraċċar tal-kuntatt. |
L-ipproċessar u l-ħażna ulterjuri ta’ dejta personali barra l-EWRS:
Huwa ta’ importanza kbira li wieħed jinnota li l-liġijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-dejta li jittrasponu d-Direttiva 95/46/KE japplikaw ukoll għall-ħażna u l-ipproċessar ulterjuri, barra l-EWRS, tad-dejta personali miksuba permezz tas-sistema. Dan jista’ jseħħ, pereżempju, meta d-dejta personali maħżuna ċentralment mis-sistema mbagħad tinħażen fil-PCs lokali tal-utenti jew fid-databases stabbiliti fil-livell nazzjonali; jew jekk din id-dejta tiġix trasmessa mill-awtorità kompetenti responsabbli mill-ipproċessar tagħha fi ħdan l-EWRS lil awtoritajiet oħrajn jew lil xi partijiet terzi. F’dawn il-każijiet, l-utenti tal-EWRS huma mfakkra li:
|
— |
Il-ħażna u l-ipproċessar ulterjuri barra l-EWRS ma għandhomx ikunu inkompatibbli mal-iskopijiet oriġinali li għalihom tinġabar id-dejta u tiġi skambjata fi ħdan l-EWRS; |
|
— |
Dan l-ipproċessar ulterjuri għandu jkollu bażi legali fil-liġijiet nazzjonali rilevanti dwar il-protezzjoni tad-dejta; ikun meħtieġ, adegwat, rilevanti u mhux eċċessiv fir-rigward tal-iskopijiet oriġinali tal-ġbir tad-dejta fl-EWRS; |
|
— |
Id-dejta għandha tinżamm aġġornata u għandha titħassar meta ma tibqax aktar meħtieġa għall-iskopijiet li għalihom tkun ġiet ipproċessata aktar; |
|
— |
Meta d-dejta tittieħed mill-EWRS u tiġi żvelata ma’ partijiet terzi, il-kontrollur għandu jinforma lis-suġġetti tad-dejta b’din iċ-ċirkostanza sabiex jiggarantixxi ipproċessar ġust, sakemm dan ma jkunx impossibbli jew ma jkunx jinvolvi sforz sproporzjonat, jew jekk l-iżvelar ikun stabbilit b’mod espliċitu mil-liġi (ara l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 95/46/KE). Meta wieħed iqis li l-iżvelar jista’ jkun meħtieġ mil-liġijiet ta’ wieħed biss mill-Istati Membri involuti, u għalhekk jista’ ma jkunx magħruf b’mod wiesa’ xi mkien ieħor, għandhom isiru sforzi sabiex l-informazzjoni tiġi pprovduta anki meta l-iżvelar ikun stabbilit b’mod espliċitu mil-liġi. |
7. AMBJENT LI JINKORAĠĠIXXI L-PROTEZZJONI TAD-DEJTA
Diġà tfasslu u ġew implimentati bosta karatteristiċi fl-EWRS bil-għan li jsaħħu l-konformità mal-prinċipji tal-protezzjoni tad-dejta deskritti fit-Taqsima 6 u biex iħeġġu lill-utenti tal-EWRS jevalwaw l-aspetti tal-protezzjoni tad-dejta kull darba li jużaw is-sistema. Pereżempju:
|
— |
Fil-paġna li tagħti ħarsa ġenerali lejn il-messaġġi tal-EWRS tpoġġiet twissija li tidher b’mod viżibbli, li tinforma lill-utenti li l-mezz tal-messaġġi ġenerali mhuwiex imfassal biex jakkomoda d-dejta relatata mar-rintraċċar tal-kuntatt jew dejta personali oħra, minħabba li l-użu ta’ dan il-mezz jista’ jwassal biex din id-dejta tiġi żvelata bla bżonn ma’ riċevituri oħrajn differenti minn dawk li jeħtieġu l-aċċess għaliha; |
|
— |
L-aċċess għall-informazzjoni skambjata fi ħdan is-sistema kien immodulat permezz tal-ħolqien ta’ profili ta’ utenti differenti u ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni selettivi, li jipprovdu salvagwardji xierqa sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta; |
|
— |
B’mod partikolari, il-mezz ta’ messaġġi selettivi tal-EWRS jipprovdi mezz ta’ komunikazzjoni esklużiv għall-iskambju ta’ informazzjoni personali bejn l-Istati Membri kkonċernati biss. Tfasslet u ġiet implimentata għażla kontumaċja fis-sistema, li awtomatikament teskludi lill-Kummissjoni u lill-ECDC mil-lista ta’ riċevituri possibbli ta’ messaġġi selettivi li fihom dejta personali (29); |
|
— |
Is-sistema tħassar awtomatikament il-messaġġi selettivi kollha li fihom informazzjoni personali tnax-il xahar wara li jintbagħtu l-messaġġi (għal aktar dettalji, ara t-Taqsima 11 dwar iż-żamma tad-dejta); |
|
— |
Tfasslet u ġiet implimentata karatteristika fis-sistema, li tippermetti lill-utenti jirretifikaw jew iħassru direttament, fi kwalunkwe ħin, dawk il-messaġġi selettivi li fihom informazzjoni personali li ma tkunx preċiża, mhux aġġornata, mhux aktar meħtieġa jew li ma tkunx konformi b’mod ieħor mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-dejta. Is-sistema tinnotifika awtomatikament lill-utenti l-oħrajn tal-EWRS involuti f’dak l-iskambju ta’ informazzjoni selettiva li l-messaġġ tħassar, jew li l-kontenut tiegħu ġie rettifikat, sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta; |
|
— |
Fil-mezz tal-messaġġi selettivi tpoġġa għad-dispożizzjoni mekkaniżmu speċifiku li jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati minn skambju ta’ informazzjoni partikolari jikkomunikaw u jikkooperaw fuq it-talbiet għal aċċess, rettifika, imblokkar jew tħassir mis-suġġetti tad-dejta. |
Barra minn hekk, fuq perjodu ta’ żmien medju, huwa previst li l-modulu ta’ taħriġ disponibbli minn ġewwa l-applikazzjoni tal-EWRS jiġi integrat sabiex jipprovdi lill-utenti tal-EWRS bi spjegazzjonijiet estensivi dwar it-tħaddim tas-sistema mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-dejta. L-użu tal-karatteristiċi u l-funzjonalitajiet differenti maħsuba biex isaħħu l-konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta sejjer jiġi spjegat permezz ta’ eżempji prattiċi.
Hija l-intenzjoni tal-Kummissjoni li taħdem mal-Istati Membri sabiex tiżgura li l-kunċett ta’ privatezza fid-disinn jinforma b’dawn l-iżviluppi u kwalunkwe żviluppi futuri oħrajn tal-EWRS mill-bidunett (30), u li l-prinċipji tan-neċessità, tal-proporzjonalità, tal-limitazzjoni tal-iskop u tal-minimizzazzjoni tad-dejta jittieħdu f’kunsiderazzjoni xierqa meta jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar liema informazzjoni tista’ tiġi skambjata permezz tal-EWRS, ma’ min u taħt liema kundizzjonijiet.
8. IL-PROVVISTA TAL-INFORMAZZJONI LIS-SUĠĠETTI TAD-DEJTA
Wieħed mir-rekwiżiti ewlenin skont il-qafas legali tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE huwa l-obbligu għal kontrollur tad-dejta li jipprovdi informazzjoni ċara lis-suġġetti tad-dejta dwar l-operazzjonijiet ta’ ipproċessar li jkollu l-ħsieb li jwettaq fuq id-dejta personali tagħhom.
B’konformità mar-rwol ta’ koordinazzjoni fi ħdan l-EWRS u sabiex tissodisfa l-obbligu msemmi fuq (31), il-Kummissjoni għamlet disponibbli dikjarazzjoni ċara u komprensiva tal-privatezza fuq il-paġna elettronika tagħha ddedikata lill-EWRS, fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ ipproċessar imwettqa taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni stess u dawk imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti, b’mod partikolari fil-kuntest tal-attivitajiet tar-rintraċċar tal-kuntatt.
Madankollu, ir-responsabbiltà fir-rigward tal-provvista tal-informazzjoni lis-suġġetti tad-dejta hija wkoll tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fl-Istati Membri fil-kapaċità tagħhom bħala kontrolluri, għall-operazzjonijiet ta’ ipproċessar rispettivi tagħhom fi ħdan l-EWRS.
X’“informazzjoni” għandhom jipprovdu l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-EWRS lis-suġġetti tad-dejta?
F’każijiet ta’ ġbir tad-dejta direttament mis-suġġett tad-dejta, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46/KE jgħid li l-kontrollur jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jipprovdi, fil-ħin tal-ġbir, lis-suġġett tad-dejta li mingħandu tkun inġabret id-dejta b’mill-inqas l-informazzjoni li ġejja, għajr fejn din tkun diġà għad-dispożizzjoni tas-suġġett tad-dejta:
|
(a) |
l-identità tal-kontrollur u tar-rappreżentant tiegħu, jekk tkun disponibbli; |
|
(b) |
l-iskopijiet tal-ipproċessar li għalihom tkun intiża d-dejta; |
|
(c) |
kwalunkwe informazzjoni oħra bħal:
|
sakemm tkun meħtieġa aktar informazzjoni bħal din, għandhom jiġu kkunsidrati ċ-ċirkostanzi speċifiċi li fihom tinġabar id-dejta, sabiex jiġi garantit l-ipproċessar ġust fir-rigward tas-suġġett tad-dejta.
L-Artikolu 11 tad-Direttiva 95/46/KE jelenka l-informazzjoni minima li għandha tiġi pprovduta mill-kontrollur tad-dejta fejn id-dejta ma tkunx inkisbet mingħand is-suġġett tad-dejta. Din l-informazzjoni għandha tingħata fil-ħin li tiġi rreġistrata d-dejta personali jew, jekk ikun previst l-iżvelar ma’ partijiet terzi, mhux aktar tard minn meta d-dejta tiġi żvelata għall-ewwel darba (32).
Mid-dispożizzjonijiet imsemmija fuq jirriżulta li, fil-ħin li tinġabar id-dejta personali mill-individwi (jew, l-aktar tard, fil-ħin meta d-dejta tiġi żvelata għall-ewwel darba permezz tal-EWRS), bl-iskop li jiġu adottati l-miżuri meħtieġa biex jipproteġu s-saħħa pubblika fir-rigward tal-avvenimenti li għandhom jiġu nnotifikati skont id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE u r-regoli ta’ implimentazzjoni tagħha, għandu jingħata avviż legali li jkun fih l-informazzjoni elenkata fl-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva 95/46/KE mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti direttament lis-suġġetti tad-dejta. L-avviż għandu jinkludi wkoll referenza qasira għall-EWRS u link għad-dokumenti rilevanti u d-dikjarazzjonijiet tal-privatezza fis-siti elettroniċi nazzjonali tal-awtoritajiet kompetenti, kif ukoll għall-paġna elettronika tal-Kummissjoni ddedikata għall-EWRS.
Id-dettalji eżatti tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fl-avviż legali jistgħu jvarjaw b’mod sinjifikanti minn Stat Membru għal ieħor. Ċerti liġijiet nazzjonali jipprevedu obbligi aktar estensivi għall-kontrolluri tad-dejta, li jkopru l-provvista ta’ aktar informazzjoni, bħal informazzjoni dwar id-dritt tas-suġġetti tad-dejta li jiksbu rimedju, dwar il-ħażna tad-dejta u l-perjodi taż-żamma tad-dejta, dwar miżuri ta’ sigurtà tad-dejta, eċċ.
Huwa minnu li l-ħtieġa li jsir intervent f’waqtu f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza sanitarja tista’ tagħmilha impossibbli, meta d-dejta ma tkunx inkisbet mingħand is-suġġett tad-dejta, li s-suġġetti tad-dejta jiġu pprovduti b’avviż li jinformahom dwar l-għanijiet tal-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 95/46/KE jgħid li d-dritt tal-informazzjoni tas-suġġetti tad-dejta jista’ jkun ristrett fejn “ il-provvista ta’ dik l-informazzjoni tkun impossibbli jew tkun jinvolvi sforz sproporzjonat, jew jekk l-irrekordjar jew l-iżvelar ikun espressament stipulat bil-liġi. F’dawn il-każijiet, l-Istati Membri għandhom jipprovdu salvagwardji xierqa ”.
B’mod aktar ġenerali, ta’ min jinnota li jistgħu jkunu applikabbli restrizzjonijiet jew limitazzjonijiet speċifiċi għad-dritt tal-informazzjoni tas-suġġetti tad-dejta skont il-liġijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-dejta li jittrasponu d-Direttiva 95/46/KE (33). Kwalunkwe tali limitazzjoni jew restrizzjoni speċifika għall-pajjiż għandha tissemma b’mod mhux ambigwu fl-avviżi tal-privatezza pprovduti lis-suġġetti tad-dejta jew fid-dikjarazzjonijiet tal-privatezza ppubblikati fuq is-siti elettroniċi nazzjonali tal-awtoritajiet kompetenti.
Huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fl-Istati Membri li jridu jiddeċiedu f’liema forma u kif eżattament għandhom iwasslu din l-informazzjoni lis-suġġetti tad-dejta. Billi bosta mill-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-operazzjonijiet tal-ipproċessar apparti mill-iskambji tal-informazzjoni fi ħdan l-EWRS, il-mod li bih jinformaw lill-individwi jista’, fejn ikun xieraq, ikun l-istess wieħed li jintgħażel sabiex titwassal informazzjoni simili għal operazzjonijiet ta’ ipproċessar oħrajn skont il-liġi nazzjonali. Barra minn hekk, huwa rakkomandat li l-awtoritajiet kompetenti jaġġornaw jew jikkomplimentaw il-politiki jew id-dikjarazzjonijiet tal-privatezza - jekk diġà jkollhom minnhom fuq is-siti elettroniċi nazzjonali tagħhom - b’referenza speċifika għall-iskambju tad-dejta personali fi ħdan l-EWRS.
Għar-raġunijiet kollha msemmija fuq, huwa ta’ importanza kbira li l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jikkonsultaw lid-DPAs nazzjonali rispettivi tagħhom meta jiżviluppaw avviżi legali standard u dikjarazzjonijiet tal-privatezza skont l-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva 95/46/KE.
9. L-AĊĊESS GĦAD-DEJTA PERSONALI U DRITTIJIET OĦRAJN TAS-SUĠĠETTI TAD-DEJTA
Ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-dejta dwar il-provvista tal-informazzjoni lis-suġġetti tad-dejta eżaminati fit-Taqsima 8 preċedenti huma fl-aħħar mill-aħħar immirati biex jiżguraw it-trasparenza tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-dejta personali. It-trasparenza hija wkoll l-għan sostantiv tad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-aċċess tas-suġġetti tad-dejta stipulati fl-istrumenti legali tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta (34).
X’inhu d-“dritt tal-aċċess għad-dejta” tas-suġġett tad-dejta?
Il-kontrolluri tad-dejta huma mitluba jiggarantixxu lil kull suġġett tad-dejta d-dritt li jikseb, mingħajr dewmien jew spejjeż eċċessivi, konferma dwar jekk id-dejta personali relatata miegħu hijiex qiegħda tiġi pproċessata jew le, kif ukoll informazzjoni dwar l-għanijiet ta’ dan l-ipproċessar u dwar ir-riċevituri li magħhom tista’ tiġi żvelata d-dejta.
Il-kontrolluri tad-dejta għandhom jiggarantixxu wkoll id-dritt tas-suġġetti tad-dejta li jiksbu r-rettifika, it-tħassir jew l-imblokkar ta’ dejta li l-ipproċessar tagħha ma jkunx skont il-liġijiet applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta, pereżempju minħabba n-natura mhux kompluta jew mhux preċiża tad-dejta.
Fl-aħħarnett, il-kontrolluri tad-dejta għandhom jinnotifikaw lill-partijiet terzi li magħhom tkun ġiet żvelata d-dejta dwar kull rettifika, tħassir jew imblokkar li jkunu saru fuq talba leġittima mis-suġġett tad-dejta, sakemm dan ikun jista’ jsir jew ma jkunx jinvolvi sforz sproporzjonat.
Fil-kapaċità tagħhom bħala kontrolluri, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jaqsmu r-responsabbiltà fir-rigward tal-provvediment tad-drittijiet tal-aċċess, ir-rettifika, l-imblokkar u t-tħassir tad-dejta personali pproċessata fi ħdan l-EWRS skont it-termini deskritti hawn taħt.
Il-Kummissjoni terfa’ r-responsabbiltà biex tagħti l-aċċess għad-dejta personali tal-punti fokali nazzjonali tal-EWRS, u biex tindirizza t-talbiet relatati mar-rettifika, l-imblokkar u t-tħassir. Il-punti fokali nazzjonali huma mistiedna jirreferu għall-klawżola speċifika fid-dikjarazzjoni tal-privatezza komprensiva fuq il-paġna elettronika tal-Kummissjoni ddedikata għall-EWRS (35) għal aktar informazzjoni dettaljata fuq kif jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bħala suġġetti tad-dejta.
L-utenti tal-EWRS huma infurmati wkoll li diġà tfasslet u ġiet implimentata karatteristika fis-sistema li tagħtihom iċ-ċans li jimmodifikaw id-dejta personali tagħhom direttament. Madankollu, l-oqsma tad-dejta li fuqhom jiġi identifikat kont partikolari tal-EWRS (l-indirizz tal-e-mail akkreditat tal-utent, it-tip ta’ kont, eċċ.) ma jistgħux jinbidlu mill-utenti nfushom, sabiex jiġi evitat ir-riskju li utenti mhux awtorizzati jiksbu aċċess għas-sistema. Għalhekk, kwalunkwe talba biex jiġu mmodifikati dawn l-oqsma tad-dejta għandha tiġi indirizzata lill-kontrollur tad-dejta fil-Kummissjoni, kif indikat fid-dikjarazzjoni tal-privatezza komprensiva fuq il-paġna elettronika tal-Kummissjoni ddedikata għall-EWRS.
Ir-responsabbiltà għall-indirizzar tat-talbiet tas-suġġetti tad-dejta dwar ir-rintraċċar tal-kuntatt, is-saħħa u dejta personali oħra skambjata bejn l-Istati Membri permezz tal-EWRS hija tal-awtoritajiet kompetenti rispettivi involuti fi skambju ta’ informazzjoni selettiva partikolari. Din ir-responsabbiltà hija rregolata mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-dejta li jittrasponu d-Direttiva 95/46/KE.
Madankollu, ta’ min jinnota li jistgħu jkunu applikabbli restrizzjonijiet jew limitazzjonijiet speċifiċi għad-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta dwar l-aċċess, ir-rettifika, it-tħassir jew l-imblokkar tad-dejta skont il-liġijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-dejta li jittrasponu d-Direttiva 95/46/KE (36). Kwalunkwe tali limitazzjoni jew restrizzjoni għandha tissemma b’mod mhux ambigwu fl-avviżi tal-privatezza pprovduti lis-suġġetti tad-dejta jew fid-dikjarazzjonijiet tal-privatezza ppubblikati fuq is-siti elettroniċi nazzjonali tal-awtoritajiet kompetenti. Il-puntatti ta’ kuntatt tal-EWRS huma għalhekk inkoraġġiti jikkuntattjaw lid-DPAs nazzjonali tagħhom biex jiksbu aktar informazzjoni dwar din il-kwistjoni.
Il-kumplessità tal-EWRS, b’bosta utenti involuti fl-operazzjonijiet ta’ ipproċessar konġunti, teħtieġ approċċ ċar u sempliċi lejn id-dritt tas-suġġetti tad-dejta għall-aċċess, minħabba li s-suġġetti tad-dejta mhumiex familjari mat-tħaddim tas-sistema u għandhom ikunu jafu x’inhuma l-kundizzjonijiet sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’mod effettiv.
Approċċ irrakkomandat ikun li, jekk suġġett tad-dejta jemmen li d-dejta personali tiegħu qiegħda tiġi pproċessata fi ħdan l-EWRS, u jixtieq li jkollu aċċess għaliha jew inkella li jħassarha jew jirrettifikaha, is-suġġett tad-dejta għandu jkun jista’ jindirizza lil kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li magħha jkollu kuntatti u/jew li tkun ġabret id-dejta tiegħu fir-rigward ta’ avveniment speċifiku li jikkawża riskju għas-saħħa pubblika (pereżempju, l-awtorità tal-pajjiż li tiegħu s-suġġett tad-dejta huwa ċittadin u l-awtorità tal-pajjiż fejn tkun qiegħda toqgħod il-persuna fiż-żmien tal-avveniment), kif ukoll kull awtorità oħra involuta f’dak l-iskambju ta’ informazzjoni partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ rintraċċar tal-kuntatt.
Ebda awtorità kompetenti involuta fl-iskambju ta’ informazzjoni kkonċernat ma għandha tirrifjuta l-aċċess, ir-rettifika jew it-tħassir tad-dejta fuq il-bażi li hija ma introduċietx id-dejta fl-EWRS, jew li s-suġġett tad-dejta għandu jikkuntattja awtorità kompetenti oħra. B’mod partikolari, jekk it-talba tas-suġġett tad-dejta tiġi rċevuta minn awtorità kompetenti differenti minn dik li bagħtet l-informazzjoni oriġinali permezz tal-mezz ta’ skambju selettiv, l-awtorità destinatarja għandha tibgħat it-talba, permezz tal-mekkaniżmu speċifiku msemmi fit-Taqsima 7, lill-awtorità kompetenti li tkun bagħtet il-messaġġ oriġinali, li min-naħa tagħha għandha tiddeċiedi fuq it-talba.
Jekk ikun xieraq, qabel tieħu deċiżjoni, l-awtorità kompetenti li tkun bagħtet l-informazzjoni fis-sistema tista’ tikkuntattja lil awtoritajiet kompetenti oħrajn involuti fl-iskambju ta’ informazzjoni jew li jkunu kkonċernati b’mod ieħor mit-talba tas-suġġett tad-dejta permezz tal-mekkaniżmu speċifiku msemmi fit-Taqsima 7.
Is-suġġetti tad-dejta għandhom ikunu infurmati wkoll li, jekk ma jkunux sodisfatti bit-tweġiba li jirċievu, huma jistgħu jikkuntattjaw lil awtorità kompetenti oħra involuta fl-iskambju ta’ informazzjoni. F’kull każ, is-suġġetti tad-dejta għandhom id-dritt li jressqu ilment lill-awtorità nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta ta’ waħda minn dawn l-awtoritajiet kompetenti li jippreferu. Jekk ikun neċessarju u xieraq, id-DPAs nazzjonali għandhom jikkooperaw ma’ xulxin biex jittrattaw l-ilment (l-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46/KE).
Fl-aħħarnett, wara rakkomandazzjoni speċifika li saret mill-KEPD fl-Opinjoni tiegħu, il-Kummissjoni implimentat karatteristika ġdida fi ħdan l-EWRS sabiex tippermetti r-rettifika u t-tħassir fuq l-Internet, għal finijiet ta’ konformità mal-protezzjoni tad-dejta, tal-messaġġi selettivi li fihom informazzjoni personali li ma tkunx preċiża, mhux aġġornata, mhux aktar meħtieġa jew li ma tkunx konformi b’mod ieħor mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-dejta.
10. IS-SIGURTÀ TAD-DEJTA
L-aċċess għas-sistema huwa limitat għall-utenti awtorizzati mill-Kummissjoni u mill-ECDC u għall-punti fokali nazzjonali tal-EWRS maħtura b’mod formali. L-aċċess huwa protett permezz ta’ kont u password sikuri u personalizzati tal-utent.
Il-proċeduri għat-trattament ta’ informazzjoni personali fl-EWRS huma stabbiliti b’referenza għar-rekwiżiti indikati fl-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.
11. IŻ-ŻAMMA TAD-DEJTA
B’konformità mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-dejta skont l-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u l-Artikolu 6(1)(e) tad-Direttiva 95/46/KE, is-sistema tħassar awtomatikament il-messaġġi selettivi kollha li jkun fihom informazzjoni personali tnax-il xahar wara li jintbagħtu l-messaġġi.
Madankollu, din is-salvagwardja, li hija intrinsika għad-disinn tas-sistema, ma teżentax lill-utenti tal-EWRS - minħabba li huma responsabbli biss u individwalment mill-operazzjonijiet ta’ ipproċessar tagħhom fi ħdan il-mezz ta’ messaġġi selettivi - milli jieħdu azzjoni sabiex ineħħu mis-sistema dik id-dejta personali li ma tibqax aktar meħtieġa qabel jiġi fi tmiemu l-perjodu awtomatiku ta’ sena.
Għal dan il-għan, il-Kummissjoni implimentat karatteristika ġdida fi ħdan l-EWRS sabiex tippermetti lill-utenti jħassru direttament, fi kwalunkwe ħin, dawk il-messaġġi selettivi li jkun fihom informazzjoni personali li ma tibqax aktar meħtieġa.
Fl-aħħarnett, ta’ min ifakkar li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma responsabbli biex jikkonformaw mar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta tagħhom stess dwar iż-żamma tad-dejta personali stabbiliti fil-leġiżlazzjoni rilevanti li tittrasponi d-Direttiva 95/46/KE. It-tħassir awtomatiku tal-informazzjoni personali maħżuna fis-sistema wara sena ma jwaqqafx lill-utenti tal-EWRS milli jaħżnu l-istess informazzjoni barra l-EWRS għal perjodi differenti (pereżempju, perjodi itwal) sakemm dan isir b’konformità mal-obbligi li jirriżultaw mil-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom dwar il-protezzjoni tad-dejta u li l-perjodi pprovduti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jkunu kompatibbli mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6(1)(e) tad-Direttiva 95/46/KE.
12. KOOPERAZZJONI MAL-AWTORITAJIET NAZZJONALI TAL-PROTEZZJONI TAD-DEJTA
L-awtoritajiet kompetenti huma mħeġġa biex jitolbu l-pariri tad-DPAs nazzjonali rispettivi tagħhom, b’mod partikolari meta jiġu ffaċċjati bi kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni tad-dejta li mhumiex koperti minn dawn il-linji gwida.
L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu konxji wkoll li, skont it-termini tal-liġijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 95/46/KE, jista’ jkun meħtieġ li huma jinnotifikaw lid-DPAs rispettivi tagħhom dwar l-attivitajiet tal-ipproċessar tad-dejta tagħhom stess fi ħdan l-EWRS. F’ċerti Stati Membri, tista’ tkun meħtieġa wkoll awtorizzazzjoni minn qabel mid-DPA nazzjonali.
(1) L-ECDC jappoġġja u jgħin ukoll lill-Kummissjoni fl-operat tal-applikazzjoni EWRS. Dan il-kompitu kien assenjat lill-ECDC permezz tar-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard u b’mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu (ĠU L 142, 30.4.2004, p. 1).
(2) http://www.edps.europa.eu/EDPSWEB/edps/EDPS.
(3) Il-kategoriji ta’ mard li jittieħed koperti min-Netwerk huma limitati għal dawk elenkati fl-Anness għad-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE.
(4) L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46/KE u l-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.
(5) L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE.
(6) L-Anness I tad-Deċiżjoni 2000/57/KE dwar id-definizzjoni ta’ “avvenimenti” li għandhom jiġu rrapportati fi ħdan l-EWRS.
(7) L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE.
(8) Il-kjarifika fuq l-għanijiet leġittimi għall-ipproċessar ta’ dejta personali fi ħdan l-EWRS sabiex tiġi inkluża d-dejta ta’ “rintraċċar tal-kuntatt” kienet ir-riżultat tal-emendi introdotti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/57/KE mid-Deċiżjoni 2009/547/KE
(9) L-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/46/KE u l-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001
(10) Fir-rigward tad-definizzjoni ta’ “kontrollur” ara t-Taqsima 5 hawn taħt
(11) Lista indikattiva ta’ dejta personali li tista’ tiġi skambjata għall-finijiet tar-rintraċċar tal-kuntratt hija annessa mad-Deċiżjoni 2009/547/KE.
(12) L-Artikolu 1 u l-Anness I tad-Deċiżjoni 2000/57/KE dwar id-definizzjoni ta’ “avvenimenti” li għandhom jiġu rrapportati fi ħdan l-EWRS.
(13) L-Artikolu 2a tad-Deċiżjoni 2000/57/KE introdotta mid-Deċiżjoni 2009/547/KE.
(14) Kif previst mill-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 95/46/KE.
(15) Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 4, 5 u 6 tagħha.
(16) L-Artikolu 2a tad-Deċiżjoni 2000/57/KE introdotta mid-Deċiżjoni 2009/547/KE.
(17) Definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46/KE.
(18) F’ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni tista’ tkun involuta fl-iskambju ta’ dejta personali permezz tal-mezz selettiv tal-EWRS fejn dan ikun assolutament meħtieġ għall-koordinazzjoni, jew biex jagħti lok għal, l-implimentazzjoni f’waqtha u effettiva tal-miżuri tas-saħħa pubblika meħtieġa skont id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE u r-regoli ta’ implimentazzjoni tagħha. F’dawn il-każijiet, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-ipproċessar ikun leġittimu u li jitwettaq b’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 45/2001
(19) Definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(e) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001
(20) Dawn il-prinċipji huma inkorporati fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 dwar l-ipproċessar ta’ dejta personali f’isem il-kontrolluri
(21) Il-prinċipju tal-legalità tal-ipproċessar jirriżulta mid-dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikolu 6(1)(a), l-Artikolu 7 u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 95/46/KE. Ara kif ukoll id-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament (KE) Nru 45/2001
(22) Il-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop jissemma fl-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 95/46/KE u fid-dispożizzjoni korrispondenti tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001
(23) L-Artikolu 6(1)(c) u (d) tad-Direttiva 95/46/KE u l-Artikolu 4(1)(c) u (d) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001
(24) L-Artikolu 6(1)(e) tad-Direttiva 95/46/KE u l-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.
(25) Il-prinċipju tal-kunfidenzjalità huwa stabbilit fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 95/46/KE u fid-dispożizzjoni korrispondenti tal-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001
(26) Il-prinċipju tas-sigurtà tad-dejta jissemma fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 95/46/KE u fid-dispożizzjoni korrispondenti tal-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.
(27) Għal-lista sħiħa ta’ eżenzjonijiet għall-projbizzjoni tal-ipproċessar ta’ ċerti kategoriji speċjali ta’ dejta, inkluża dejta dwar is-saħħa, ara l-Artikolu 8(2), (3), (4), (5) tad-Direttiva 95/46/KE.
(28) L-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 95/46/KE
(29) Madankollu, l-utenti tal-EWRS jingħataw l-għażla alternattiva li jużaw ukoll dan il-mezz għall-iskambju selettiv ta’ informazzjoni relatata ma’ kwistjonijiet tekniċi li ma jinvolvux it-trasmissjoni ta’ dejta personali. Meta tintgħażel l-għażla alternattiva minflok dik kontumaċja, il-Kummissjoni u l-ECDC jistgħu jintgħażlu bħala riċevituri mill-awtorità li tibgħat il-messaġġ. Din il-karatteristika kienet permessa fis-sistema sabiex tieħu kont tar-rwol istituzzjonali tal-Kummissjoni fil-koordinazzjoni tal-kwistjonijiet relatati mal-ġestjoni tal-avvenimenti u r-riskji u tal-ECDC fit-twettiq tal-kompiti tal-valutazzjoni tar-riskji.
(30) Skont il-prinċipju tal-“Privatezza skont id-Disinn”, it-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICTs) għandhom jitfasslu u jiġu żviluppati billi jittieħed kont tar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-dejta u l-privatezza mill-bidunett tat-teknoloġija u fl-istadji kollha tal-iżvilupp tagħha
(31) L-obbligu tal-informazzjoni li għandha l-Kummissjoni huwa bbażat fuq l-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001
(32) L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta hija dik elenkata fl-Artikolu 10 imsemmi flimkien mal-kategoriji tad-dejta kkonċernati. Din l-informazzjoni ovvjament ma tkunx meħtieġa f’każ li tinġabar direttament mis-suġġett tad-dejta, li jkun infurmat dwar il-kategoriji tad-dejta kkonċernati kif miġbura.
(33) L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE dwar l-eżenzjonijiet u r-restrizzjonijiet jgħid dan li ġej: “L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi biex jirrestrinġu l-finijiet tal-obbligi u d-drittijiet ipprovduti fl-Artikoli 6(1), 10, 11(1), 12 u 21 meta din ir-restrizzjoni tikkostitwixxi miżura meħtieġa li tissalvagwardja: (a) is-sigurtà nazzjonali; (b) id-difiża; (c) is-sigurtà pubblika; (d) il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jew il-ksur tal-etika għal professjonijiet irregolati; (e) interess ekonomiku jew finanzjarju importanti għal Stat Membru jew għall-Unjoni Ewropea, inklużi l-kwistjonijiet monetarji, baġitarji u fiskali; (f) funzjoni ta’ monitoraġġ, spezzjoni jew regolatorja marbuta, ukoll jekk kultant, mal-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali fil-każijiet imsemmija fil-punti (c), (d) u (e); (g) il-protezzjoni tas-suġġett tad-dejta jew tad-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn”
(34) L-Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46/KE u l-Artikoli 13 sa 18 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001
(35) Id-dikjarazzjoni tal-privatezza hija disponibbli wkoll għall-utenti kollha tal-EWRS mit-taqsima sikura tal-applikazzjoni tal-EWRS
(36) L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE msemmija.