15.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 347/36


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta’ Diċembru 2012

li temenda d-Deċiżjoni 2010/221/UE fir-rigward ta’ miżuri nazzjonali għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni ta’ ċertu mard fl-annimali akkwatiċi f’partijiet tal-Irlanda, il-Finlandja u r-Renju Unit

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 9295)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2012/786/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta’ Ottubru 2006 dwar il-ħtiġijiet tas-saħħa tal-annimali għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard f’annimali akkwatiċi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/221/UE tal-15 ta’ April 2010 li tapprova miżuri nazzjonali biex jiġi limitat l-impatt ta’ ċertu mard fl-annimali tal-akkwakultura u annimali akkwatiċi selvaġġi b’konformità mal-Artikolu 43 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE (2), tippermetti li ċerti Stati Membri japplikaw restrizzjonijiet fuq konsenji ta’ dawk l-annimali sabiex jevitaw l-introduzzjoni ta’ ċertu mard fit-territorju tagħhom, sakemm l-Istati Membri jkunu wrew li t-territorju tagħhom, jew ċerti żoni demarkati tat-territorju tagħhom, huma ħielsa minn mard bħal dan jew li jkunu stabbilixxew programm ta’ eradikazzjoni jew sorveljanza biex ikunu ħielsa minn dan il-mard.

(2)

Il-partijiet kontinentali tat-territorji tal-Finlandja huma elenkati fl-Anness II mad-Deċiżjoni 2010/221/UE bħala territorji bi programm approvat ta’ eradikazzjoni fir-rigward ta’ mard batteriku tal-kliewi (BKD).

(3)

B’dan il-mod, id-Deċiżjoni 2010/221/UE tapprova ċerti miżuri nazzjonali mill-Finlandja fuq konsenji ta’ annimali akkwatiċi ta’ speċi suxxettibbli f’dawk iż-żoni.

(4)

Il-Finlandja rrappurtat lill-Kummissjoni li, filwaqt li diġà sar progress f’bosta oqsma, xi oqsma għadhom infettati bil-BKD. Il-Finlandja għalhekk talbet li ż-żona tal-ġbir tal-ilma ta’ Vesijärvi tkun eskluża mill-programm ta’ eradikazzjoni. L-Anness II għandu jiġi emendat skont dan.

(5)

Bħalissal-Anness III mad-Deċiżjoni 2010/221/UE jelenka disa’ kompartamenti fit-territorji tal-Irlanda bi programm approvat ta’ sorveljanza fir-rigward tal-ostreid herpesvirus 1 μνar (OsHV-1 μνar).

(6)

L-Irlanda nnotifikat lill-Kummissjoni bis-sejba tal-OsHV-1 μνar fil-bajjiet ta’ Drumcliff fi ħdan il-kompartiment 3, Shannon Estuary fi ħdan il-kompartiment 6 u Oysterhaven Bay fi ħdan il-kompartiment 9. Konsegwentement, id-demarkazzjoni ġeografika ta’ dawk il-kompartimenti fl-Anness III mad-Deċiżjoni 2010/221/UE għandha tkun emendata.

(7)

L-Anness III mad-Deċiżjoni 2010/221/UE jelenka t-territorji tal-Gran Brittanja, l-Irlanda ta’ Fuq u Guernsey ma’ programm approvat ta’ sorveljanza fir-rigward tal-OsHV-1 μνar.

(8)

Ir-Renju Unit innotifika lill-Kummissjoni tas-sejba tal-OsHV-1 μνar fl-Ingilterra u l-Irlanda ta’ Fuq. Konsegwentement, id-demarkazzjoni ġeografika ta’ dawk it-territorji fl-Anness III mad-Deċiżjoni 2010/221/UE għandha tkun emendata.

(9)

Id-Deċiżjoni 2010/221/UE għandha għaldaqstant tiġi emendata skont dan.

(10)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Annessi II u III mad-Deċiżjoni 2010/221/UE huma mibdula bit-test fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14.

(2)   ĠU L 98, 20.4.2010, p. 7.


ANNESS

“ANNESS II

L-Istati Membri u partijiet minnhom bi programmi ta’ eradikazzjoni fir-rigward ta’ ċertu mard fl-annimali tal-akkwakultura, u li huma approvati sabiex jieħdu miżuri nazzjonali għall-kontroll ta’ dan il-mard skont l-Artikolu 43(2) tad-Direttiva 2006/88/KE

Marda

Stat Membru

Kodiċi

Id-demarkazzjoni ġeografika taż-żona b’miżuri nazzjonali approvati

Il-mard batteriku tal-kliewi (BKD)

Il-Finlandja

FI

Iż-żoni tal-ġbir tal-ilma li ġejjin:

Kymijoki (ħlief iż-żona tal-ġbir tal-ilma ta’ Vesijärvi), Juustilanjoki, Hounijoki, Tervajoki, Vilajoki, Urpalanjoki, Vaalimaanjoki, Virojoki, Vehkajoki, Summajoki, Vuoksi, Jänisjoki, Kiteenjoki-Tohmajoki, Hiitolanjoki, Tenojoki, Näätämöjoki, Uutuanjoki, Paatsjoki, Tuulomajoki

L-Isvezja

SE

Il-partijiet kontinentali tat-territorju

Il-vajrus infettiv tan-nekrożi pankreatika (IPN)

L-Isvezja

SE

Il-partijiet kostali tat-territorju

“ANNESS III

L-Istati Membri u żoni bi programmi ta’ sorveljanza fir-rigward tal-ostreid herpesvirus 1 μνar (OsHV-1 μνar), u li huma approvati sabiex jieħdu miżuri nazzjonali għall-kontroll ta’ din il-marda skont l-Artikolu 43(2) tad-Direttiva 2006/88/KE

Marda

Stat Membru

Kodiċi

Id-demarkazzjoni ġeografika taż-żoni b’miżuri nazzjonali approvati

(Stati Membri, żoni u kompartimenti)

L-ostreid herpesvirus 1 μνar (OsHV-1 μνar)

L-Irlanda

IE

Kompartiment 1: il-Bajja ta’ Sheephaven

Kompartiment 2: il-Bajja ta’ Gweebara

Kompartiment 3: il-Bajjiet ta’ Killala, Broadhaven u Blacksod

Kompartiment 4: il-Bajja ta’ Streamstown.

Kompartiment 5: il-Bajjiet ta’ Bertraghboy u Galway

Kompartiment 6: Il-Bajjiet ta’ Poulnasharry, Askeaton u Ballylongford

Kompartiment 7: il-Bajja ta’ Kenmare

Kompartiment 8: il-Bajja ta’ Dunmanus

Kompartiment 9: il-Bajja ta’ Kinsale

Ir-Renju Unit

UK

It-territorju tal-Gran Brittanja ħlief il-Bajja ta’ Whitstable f’Kent.

It-territorju tal-Irlanda ta’ Fuq, ħlief il-Bajja ta’ Killough, Lough Foyle, Carlingford Lough u Strangford Lough

It-territorju ta’ Guernsey