|
15.12.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 347/28 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-13 ta’ Diċembru 2012
dwar ir-rikonoxximent tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan skont id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mas-sistemi għat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara
(notifikata bid-dokument numru C(2012) 9253)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2012/783/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara (1), u b’mod partikulari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(3) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Skont id-Direttiva 2008/106/KE, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jaċċettaw iċ-ċertifikati xierqa tal-baħħara li jkunu nħarġu minn pajjiżi terzi, sakemm il-pajjiż terz ikkonċernat ikun rikonoxxut mill-Kummissjoni. Dawk il-pajjiżi terzi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) dwar Standards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara tal-1978 (il-Konvenzjoni STCW), kif ġiet irriveduta fl-1995. |
|
(2) |
It-talba għar-rikonoxximent tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan tressqet mir-Repubblika Ellenika b’ittra tal-21 ta’ Lulju 2008. Wara din it-talba, il-Kummissjoni vvalutat is-sistema tat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni fir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan sabiex tivverifika jekk ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan jikkonformax mar-rekwiżiti kollha tal-Konvenzjoni STCW u jekk ittiħdux il-miżuri x-xierqa biex tiġi evitata l-frodi fil-ħruġ taċ-ċertifikati. Dik il-valutazzjoni kienet ibbażata fuq ir-riżultati ta’ spezzjoni li għamlu l-esperti tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima f’Novembru 2009. Matul dik l-ispezzjoni, ġew identifikati ċerti nuqqasijiet fis-sistemi tat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni. |
|
(3) |
Il-Kummissjoni pprovdiet rapport dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni lill-Istati Membri. |
|
(4) |
Permezz ta’ ittri tal-21 ta’ Settembru 2010 u tat-13 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet tal-Ġordan li kienu ġew identifikati ċerti nuqqasijiet u talbet lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan biex jibagħtilha provi li juru li n-nuqqasijiet identifikati kienu tranġaw. |
|
(5) |
In-nuqqasijiet ewlenin kellhom x’jaqsmu mal-implimentazzjoni, fil-leġiżlazzjoni tal-Ġordan, ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni STCW marbutin maċ-ċertifikazzjoni tal-uffiċjali, jiġifieri n-nuqqas ta’ rekwiżit għal valutazzjoni tal-kompetenza f’ċerti każijiet u t-tul tas-servizz tat-tbaħħir. Barra minn hekk, is-Sistema tal-Istandards tal-Kwalità ma kinitx tkopri l-attivitajiet rilevanti kollha tal-Amministrazzjoni, u l-proċeduri mhux dejjem kienu jiżguraw il-kisba tal-istandards ta’ kompetenza preskritti. Fl-aħħar nett, ċerti faċilitajiet tat-taħriġ kienu nieqsa fl-istitut tat-taħriġ. |
|
(6) |
Permezz ta’ ittri tal-21 ta’ Novembru 2010, tat-18 ta’ April 2011 u tat-12 ta’ Marzu 2012, ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan għarraf lill-Kummissjoni li kienu ttieħdu azzjonijiet sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet imsemmija. B’mod partikulari, l-awtoritajiet tal-Ġordan indikaw li d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ir-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni kienu nġiebu f’konformità mal-Konvenzjoni. Huma pprovdew ukoll evidenza li l-Amministrazzjoni kienet implimentat bis-sħiħ is-Sistema tal-Istandards tal-Kwalità u provi tal-proċeduri l-ġodda għall-approvazzjoni tal-korsijiet. Fl-aħħar nett, huma bagħtu lill-Kummissjoni wkoll provi li kienu ġew akkwistati u implimentati l-faċilitajiet tat-taħriġ li qabel kienu nieqsa. |
|
(7) |
Ir-riżultat finali tal-valutazzjoni juri li r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni STCW, u li dan il-pajjiż ħa l-miżuri x-xierqa biex tiġi evitata l-frodi fil-ħruġ taċ-ċertifikati. |
|
(8) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar Ibħra Sikuri u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Vapuri, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-finijiet tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2008/106/KE, ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan huwa rrikonoxxut f’dak li għandu x’jaqsam mas-sistemi għat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2012.
Għall-Kummissjoni
Siim KALLAS
Viċi President