13.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 340/7


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-6 ta’ Diċembru 2012

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Montenegro, minn naħa oħra, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali

(2012/774/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 79(2)(b) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta li saret mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 51 tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Montenegro, minn naħa oħra (1) (il-“Ftehim”), jipprevedi li l-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni għandu, b’deċiżjoni, jadotta d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-prinċipji stabbiliti f’dak l-Artikolu.

(2)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda, fir-rigward taż-Żona ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, dawn l-Istati Membri mhumiex qed jipparteċipaw fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, u mhumiex marbutin biha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.

(3)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tipparteċipa fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(4)

Huwa opportun li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali.

(5)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni għandha għaldaqstant tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Montenegro, minn naħa oħra (il-“Ftehim”), fir-rigward tal-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, għandha tiġi bbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Bidliet minuri għal dak l-abbozz tad-deċiżjoni jistgħu jiġu miftiehma mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni mingħajr il-ħtieġa li tiġi adottata deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Diċembru 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

S. CHARALAMBOUS


(1)  ĠU L 108, 29.4.2010, p. 3.


ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru …/… TAL-KUNSILL TA’ STABBILIZZAZZJONI U TA’ ASSOĊJAZZJONI UE-MONTENEGRO

ta’ …

fir-rigward tal-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali

IL-KUNSILL TA’ STABBILIZZAZZJONI U TA’ ASSOĊJAZZJONI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Montenegro, minn naħa oħra (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 51 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 51 tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Montenegro, minn naħa oħra (il-“Ftehim”), jipprevedi l-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali tal-Montenegro u tal-Istati Membri u jistabbilixxi l-prinċipji għal din il-koordinazzjoni.

(2)

L-Artikolu 51 tal-Ftehim jipprevedi li l-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni għandu jadotta Deċiżjoni għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-prinċipji stabbiliti f’dak l-Artikolu.

(3)

Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, din id-Deċiżjoni ma għandha tagħti l-ebda drittijiet addizzjonali li jirriżultaw minn ċerti fatti jew avvenimenti li jseħħu fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra, fejn dawn il-fatti jew avvenimenti ma jitqisux taħt il-leġiżlazzjoni tal-ewwel Parti Kontraenti, għajr id-dritt ta’ esportazzjoni ta’ ċerti benefiċċji.

(4)

Fl-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, id-dritt tal-ħaddiema Montenegrini għall-benefiċċji tal-familja għandu jkun soġġett għall-kundizzjoni li l-membri tal-familja tagħhom jirresjedu legalment ma’ dawn il-ħaddiema fl-Istat Membru fejn il-ħaddiema huma impjegati. Fejn il-membri tal-familja tagħhom jirresjedu legalment fi Stat Membru ieħor, japplika r-Regolament (UE) Nru 1231/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta’ Novembru 2010 li jestendi r-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawn ir-Regolamenti unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom (2). Din id-Deċiżjoni ma għandhiex tagħti xi intitolament għall-benefiċċji familjari fir-rigward tal-membri tal-familji ta’ ħaddiem residenti f’pajjiż li mhux Stat Membru, pereżempju l-Montenegro.

(5)

Ir-Regolament (UE) Nru 1231/2010 diġà jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (3) u tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (4) għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti minn dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom. Ir-Regolament (UE) Nru 1231/2010 diġà jkopri l-prinċipju ta’ aggregazzjoni tal-perjodi ta’ assigurazzjoni miksuba mill-ħaddiema Montenegrini f’bosta Stati Membri fir-rigward tad-dritt għal ċerti benefiċċji, kif stabbilit fl-Artikolu 51(1)(a) tal-Ftehim.

(6)

Jista’ jkun hemm bżonn li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċjali li jikkorrispondu għall-karatteristiċi speċifiċi tal-leġiżlazzjoni tal-Montenegro, sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tar-regoli tal-koordinazzjoni.

(7)

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tal-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri u tal-Montenegro, jeħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Montenegro, kif ukoll bejn il-persuna kkonċernata u l-istituzzjoni tal-Istat kompetenti.

(8)

Id-dispożizzjonijiet transitorji għandhom jiġu adottati sabiex iħarsu l-persuni koperti b’din id-Deċiżjoni u sabiex ikun żgurat li ma jitilfu l-ebda dritt b’riżultat tad-dħul fis-seħħ tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

PARTI I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni:

(a)

“Ftehim” tfisser il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Montenegro, minn naħa oħra;

(b)

“Regolament” tfisser ir-Regolament (KE) Nru 883/2004, kif applikabbli fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

(c)

“Regolament ta’ implimentazzjoni” tfisser ir-Regolament (KE) Nru 987/2009;

(d)

“Stat Membru” tfisser Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;

(e)

“ħaddiem” tfisser:

(i)

għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata skont it-tifsira tal-Artikolu 1(a) tar-Regolament;

(ii)

għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Montenegro, persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata skont it-tifsira ta’ dik il-leġiżlazzjoni;

(f)

“membru tal-familja” tfisser:

(i)

għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, membru tal-familja skont it-tifsira tal-Artikolu 1(i) tar-Regolament;

(ii)

għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Montenegro, membru tal-familja skont it-tifsira ta’ dik il-leġiżlazzjoni;

(g)

“leġiżlazzjoni” tfisser:

(i)

fir-rigward tal-Istati Membri, leġiżlazzjoni, skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament kif applikabbli għall-benefiċċji koperti b’din id-Deċiżjoni;

(ii)

b’rabta mal-Montenegro, il-leġiżlazzjoni, kif applikabbli fl-Montenegro, relata mal-benefiċċji koperti b’din id-Deċiżjoni;

(h)

“benefiċċji” tfisser:

pensjonijiet tal-irtirar,

pensjonijiet għas-superstiti,

pensjonijiet fir-rigward ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol u ta’ mard okkupazzjonali,

pensjonijiet tal-invalidità marbuta ma’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol u ma’ mard okkupazzjonali,

allowances tal-familja;

(i)

“benefiċċji esportabbli” tfisser:

(i)

fir-rigward tal-Istati Membri:

pensjonijiet tal-irtirar,

pensjonijiet għas-superstiti,

pensjonijiet fir-rigward ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol u ta’ mard okkupazzjonali,

pensjonijiet tal-invalidità marbuta ma’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol u ma’ mard okkupazzjonali,

skont it-tifsira tar-Regolament, bl-eċċezzjoni ta’ benefiċċji speċjali fi flus kontanti mhux kontributorji kif stipulat fl-Anness X tar-Regolament;

(ii)

b’rabta mal-Montenegro, il-benefiċċji korrispondenti kif previst skont il-leġiżlazzjoni tal-Montenegro, bl-eċċezzjoni ta’ benefiċċji speċjali fi flus kontanti mhux kontributorji kif stabbilit fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   Termini oħra użati f’din id-Deċiżjoni għandu jkollhom it-tifsira assenjata lilhom:

(a)

fir-rigward tal-Istati Membri, fir-Regolament u fir-Regolament ta’ implimentazzjoni;

(b)

b’rabta mal-Montenegro, fil-leġiżlazzjoni rilevanti kif applikabbli fil-Montenegro.

Artikolu 2

Persuni koperti

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal:

(a)

ħaddiema li huma ċittadini Montenegrini u li huma, jew li kienu, legalment impjegati fit-territorju ta’ Stat Membru u li huma, jew li kienu, suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew aktar, u s-superstiti tagħhom;

(b)

membri tal-familja tal-ħaddiema msemmija fil-punt (a) bil-kundizzjoni li dawk il-membri tal-familja huma, jew kienu, residenti legalment mal-ħaddiem ikkonċernat waqt li l-ħaddiem ikun impjegat fi Stat Membru;

(c)

ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stat Membru u li huma, jew li kienu, legalment impjegati fit-territorju tal-Montenegro u li huma, jew li kienu, suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Montenegro, u s-superstiti tagħhom; u

(d)

membri tal-familja tal-ħaddiema msemmija fil-punt (c) bil-kundizzjoni li dawk il-membri tal-familja huma, jew kienu, residenti legalment mal-ħaddiem ikkonċernat waqt li l-ħaddiem ikun impjegat fil-Montenegro.

Artikolu 3

Trattament ugwali

1.   Il-ħaddiema li huma ċittadini Montenegrini u li huma impjegati legalment fi Stat Membru u kwalunkwe membru tal-familja tagħhom li jirrisjedi legalment magħhom għandhom igawdu, fir-rigward ta’ benefiċċji skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1)(h), minn trattament ħieles minn kull diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, meta mqabbla maċ-ċittadini tal-Istati Membri fejn dawn il-ħaddiema huma impjegati.

2.   Il-ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stat Membru u li huma impjegati legalment fil-Montenegro u kwalunkwe membru tal-familja tagħhom li jirrisjedi legalment magħhom għandhom igawdu, fir-rigward ta’ benefiċċji skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1)(h), minn trattament ħieles minn kull diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, meta mqabbla maċ-ċittadini Montenegrini.

PARTI II

RELAZZJONIJIET BEJN L-ISTATI MEMBRI U L-MONTENEGRO

Artikolu 4

Revoka tal-klawsoli ta’ residenza

1.   Il-benefiċċji esportabbli, skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1)(i), li għandhom dritt għalihom il-persuni msemmija fl-Artikolu 2(a) u (c), ma għandhom ikunu soġġetti għall-ebda tnaqqis, modifika, sospensjoni, irtirar jew konfiska minħabba li l-benefiċjarju jirrisjedi:

(i)

għall-fini ta’ benefiċċji skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, fit-territorju tal-Montenegro, jew

(ii)

għall-fini ta’ benefiċċji skont il-leġiżlazzjoni tal-Montenegro, fit-territorju ta’ Stat Membru.

2.   Il-membri tal-familja ta’ ħaddiem imsemmija fl-Artikolu 2(b) għandhom ikunu intitolati għal benefiċċji esportabbli, skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1)(i)(i), bl-istess mod bħall-membri tal-familja ta’ ħaddiem li huwa ċittadin tal-Istat Membru kkonċernat meta dawk il-membri tal-familja jirresjedu fit-territorju tal-Montenegro.

3.   Il-membri tal-familja ta’ ħaddiem imsemmija fl-Artikolu 2(d) għandhom ikunu intitolati għal benefiċċji esportabbli, skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1)(i)(ii), bl-istess mod bħall-membri tal-familja ta’ ħaddiem li huwa ċittadin tal-Montenegro meta dawn il-membri tal-familja jirresjedu fit-territorju ta’ Stat Membru.

PARTI III

DISPOŻIZZJONIJIET MIXXELLANJI

Artikolu 5

Kooperazzjoni

1.   L-Istati Membri u l-Montenegro għandhom jikkomunikaw lil xulxin l-informazzjoni kollha dwar il-bidliet fil-leġiżlazzjoni tagħhom li jistgħu jolqtu l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri u tal-Montenegro għandhom joffru lil xulxin l-aħjar għajnuna li jistgħu u għandhom jaġixxu daqs li kieku qegħdin jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tagħhom stess. Bħala regola, l-għajnuna amministrattiva mogħtija minn dawk l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet għandha tkun bla ħlas. Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u tal-Montenegro jistgħu jaqblu li ċerti spejjeż jitħallsu lura.

3.   L-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri u tal-Montenegro jistgħu, għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, jikkomunikaw direttament ma’ xulxin u mal-persuni involuti jew mar-rappreżentanti tagħhom.

4.   L-istituzzjonijiet u l-persuni koperti minn din id-Deċiżjoni għandhom id-dmir ta’ informazzjoni u kooperazzjoni reċiproċi sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni korretta ta’ din id-Deċiżjoni.

5.   Il-persuni koperti minn din id-Deċiżjoni għandhom jinfurmaw lill-istituzzjonijiet tal-Istat Membru kompetenti jew tal-Montenegro, fejn dan tal-aħħar huwa l-Istat kompetenti, u tal-Istat Membru ta’ residenza jew tal-Montenegro, fejn dan tal-aħħar huwa l-Istat ta’ residenza, mill-aktar fis possibbli dwar kull tibdil fis-sitwazzjoni personali jew familjari tagħhom li taffettwa d-dritt tagħhom għall-benefiċċji skont din id-Deċiżjoni.

6.   In-nuqqas ta’ rispett lejn l-obbligu ta’ informazzjoni msemmi fil-paragrafu 5 jista’ jirriżulta fl-applikazzjoni ta’ miżuri proporzjonati b’konformità mal-liġi nazzjonali. Madankollu, dawk il-miżuri għandhom ikunu ekwivalenti għal dawk applikabbli għal sitwazzjonijiet simili skont il-liġi nazzjonali u ma għandhomx jagħmluha impossibbli jew diffiċli żżejjed fil-prattika għal dawk li japplikaw li jeżerċitaw id-drittijiet konferiti lilhom b’din id-Deċiżjoni.

7.   L-Istati Membri u l-Montenegro jistgħu jipprevedu dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-verifika tad-dritt għall-benefiċċji sabiex jitqies il-fatt li l-benefiċjarji jabitaw jew jirresjedu barra t-territorju tal-Istat fejn tinsab l-istituzzjoni debitriċi. Tali dispożizzjonijiet għandhom ikunu proporzjonati, ħielsa minn kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità u għandhom ikunu skont il-prinċipji stabbiliti f’din id-Deċiżjoni. Tali dispożizzjonijiet għandhom jiġu notifikati lill-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni.

Artikolu 6

Kontrolli amministrattivi u eżamijiet mediċi

1.   Dan l-Artikolu għandu japplika għall-persuni msemmija fl-Artikolu 2, li jirċievu benefiċċji esportabbli, fit-tifsira tal-Artikolu 1(1)(i), kif ukoll għall-istituzzjonijiet responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   Fejn benefiċjarju jew applikant għall-benefiċċji, jew membru tal-familja ta’ dik il-persuna, jabita jew jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru meta l-istituzzjoni debitriċi tkun qiegħda fil-Montenegro, jew jabita jew jirrisjedi fil-Montenegro meta l-istituzzjoni debitriċi tkun qiegħda fi Stat Membru, l-eżami mediku għandu jsir, fuq it-talba tal-istituzzjoni debitriċi, mill-istituzzjoni tal-post ta’ abitazzjoni jew ta’ residenza tal-benefiċjarju, skont il-proċeduri stabbiliti mil-leġiżlazzjoni applikata minn dik l-istituzzjoni.

L-istituzzjoni debitriċi għandha tinforma lill-istituzzjoni tal-post ta’ abitazzjoni jew ta’ residenza dwar kwalunkwe ħtieġa speċjali li għandha tiġi segwita u, jekk meħtieġ, bil-punti li jridu jiġu koperti mill-eżami mediku.

L-istituzzjoni tal-post ta’ abitazzjoni jew ta’ residenza għandha tgħaddi rapport lill-istituzzjoni debitriċi li tkun talbet l-eżami mediku.

L-istituzzjoni debitriċi żżomm id-dritt li teżamina lill-benefiċjarju minn tabib tal-għażla tagħha, jew fit-territorju fejn il-beneficjarju jew l-applikant ta’ benefiċċji jabita jew jirrisjedi jew fil-pajjiż fejn tinsab l-istituzzjoni debitriċi. Madankollu, il-benefiċjarju jista’ jintalab li jirritorna fl-Istat Membru tal-istituzzjoni debitriċi biss fejn huwa jew hija j/tista’ jagħmel il-vjaġġ mingħajr ma dan ikun ta’ dannu għal saħħtu/saħħitha u fejn l-ispiża tal-vjaġġ u tal-akkomodazzjoni titħallas mill-istituzzjoni debitriċi.

3.   Fejn benefiċjarju jew applikant għall-benefiċċji, jew membru tal-familja ta’ dik il-persuna, jabita jew jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru meta l-istituzzjoni debitriċi tkun tinsab fil-Montenegro, jew jabita jew jirrisjedi fil-Montenegro meta l-istituzzjoni debitriċi tkun tinsab fi Stat Membru, il-kontroll amministrattiv għandu jsir, fuq it-talba tal-istituzzjoni debitriċi, mill-istituzzjoni tal-post ta’ abitazzjoni jew ta’ residenza tal-benefiċjarju.

L-istituzzjoni tal-post ta’ abitazzjoni jew ta’ residenza għandha tressaq rapport lill-istituzzjoni debitriċi li talbet il-kontroll amministrattiv.

L-istituzzjoni debitriċi żżomm id-dritt li tinkariga professjonist biex jeżamina s-sitwazzjoni tal-benefiċjarju. Madankollu, il-benefiċjarju jista’ jintalab li jirritorna fl-Istat Membru tal-istituzzjoni debitriċi biss fejn huwa jew hija j/tista’ jagħmel il-vjaġġ mingħajr ma dan ikun ta’ dannu għal saħħtu/saħħitha u fejn l-ispiża tal-vjaġġ u tal-akkomodazzjoni titħallas mill-istituzzjoni debitriċi.

4.   Stat Membru wieħed jew aktar u l-Montenegro jistgħu jaqblu fuq id-dispożizzjonijiet amministrattivi, wara li jkunu infurmaw b’dan lill-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni.

5.   Bħala eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ għajnuna amministrattiva reċiproka mingħajr ħlas stabbilit fl-Artikolu 5(2) ta’ din id-Deċiżjoni, l-ammont effettiv tal-ispejjeż tal-kontrolli msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandu jitħallas lura lill-istituzzjoni li ntalbet twettaqhom mill-istituzzjoni debitriċi li talbithom.

Artikolu 7

Applikazzjoni tal-Artikolu 129 tal-Ftehim

L-Artikolu 129 tal-Ftehim għandu japplika fil-każ li kwalunkwe waħda mill-Partijiet tqis li l-Parti l-oħra ma kkonformatx mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6.

Artikolu 8

Dispożizzjonijiet speċjali għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Montenegro

Il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni jista’, jekk meħtieġ, jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċjali għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Montenegro fl-Anness II għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 9

Proċeduri amministrattivi li jinsabu fil- ftehimiet bilaterali eżistenti

Il-proċeduri amministrattivi li jinsabu fil-ftehimiet bilaterali eżistenti bejn Stat Membru u l-Montenegro jistgħu jkomplu japplikaw b’kundizzjoni li dawk il-proċeduri ma jaffettwawx b’mod negattiv id-drittijiet jew l-obbligi tal-persuni kkonċernati, kif stabbilit f’din id-Deċiżjoni.

Artikolu 10

Ftehimiet li jissupplimentaw il-proċeduri amministrattivi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni

Stat Membru wieħed jew aktar u l-Montenegro jistgħu jikkonkludu ftehimiet maħsuba biex jissupplimentaw il-proċeduri amministrattivi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, speċjalment fir-rigward tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra l-frodi u l-iżbalji.

PARTI IV

DISPOŻIZZJONIJIET TRANSITORJI U FINALI

Artikolu 11

Dispożizzjonijiet transitorji

1.   L-ebda dritt ma jista’ jinkiseb skont din id-Deċiżjoni għall-perijodu qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

2.   Soġġett għall-paragrafu 1, għandu jinkiseb dritt skont din id-Deċiżjoni anki jekk dan jirreferi għall-kontinġenza li tqum qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

3.   Kull benefiċċju li ma ngħatax jew li ġie sospiż minħabba raġuni ta’ nazzjonalità jew post ta’ residenza tal-persuna kkonċernata għandu, fuq talba ta’ dik il-persuna, jingħata jew jitkompla b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, sakemm id-drittijiet li wasslu għall-benefiċċji li ngħataw qabel ma rriżultawx fi ħlas ta’ somma waħda f’daqqa.

4.   Jekk talba, kif imsemmi fil-paragrafu 3, titressaq fi żmien sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, id-drittijiet miksuba b’konformità ma’ din id-Deċiżjoni għandu jkollhom effett minn dik id-data, u l-leġiżlazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru jew tal-Montenegro dwar ir-rinunzja jew il-limitazzjoni tad-drittijiet ma tistax tkun invokata kontra l-persuni kkonċernati.

5.   Jekk talba, kif imsemmi fil-paragrafu 3, titressaq wara li jiskadi l-perijodu ta’ sentejn, imsemmi fil-paragrafu 4, id-drittijiet li ma jkunux intilfu jew li ma jkunux miżmuma biż-żmien għandu jkollhom effett mid-data li fiha tkun saret it-talba, suġġett għal kwalunkwe dispożizzjoni aktar favorevoli skont il-leġiżlazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru jew tal-Montenegro.

Artikolu 12

Annessi għal din id-Deċiżjoni

1.   L-Annessi għal din id-Deċiżjoni jikkostitwixxu parti integrali minnha.

2.   Fuq talba tal-Montenegro jew tal-Unjoni Ewropea, l-Annessi jistgħu jkunu emendati b’deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi …, …

Għall-Kunsill ta’ Stabilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni

Il-President


(1)  ĠU L 108, 29.4.2010, p. 3.

(2)  ĠU L 344, 29.12.2010, p. 1.

(3)  ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1

(4)  ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1.

ANNESS I

LISTA TA’ BENEFIĊĊJI SPEĊJALI FI FLUS KONTANTI MHUX KONTRIBUTORJI, TAL-MONTENEGRO

ANNESS II

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊJALI GĦALL-APPLIKAZZJONI TAL-LEĠIŻLAZZJONI TAL-MONTENEGRO