11.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 337/48


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-6 ta’ Diċembru 2012

dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’uħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mal-istabbiliment ta’ Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja

(2012/764/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra l-Artikolu 4 tal-Protokoll (Nru 19) dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem il-“Protokoll ta’ Schengen”),

Wara li kkunsidra t-talba mill-Gvern tal-Irlanda, bl-ittra tiegħu lill-President tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012, biex jipparteċipa f’ċerti dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, kif speċifikat f’dik l-ittra,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni 2002/192/KE (1), il-Kunsill awtorizza lill-Irlanda biex tieħu sehem f’uħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, f’konformità mal-kondizzjonijiet imniżżla f’dik id-Deċiżjoni.

(2)

Fil-25 ta’ Ottubru 2011 il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (2) li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (minn hawn ’il quddiem l-“Aġenzija”).

(3)

F’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1077/2011, l-Aġenzija hija responsabbli għat-tmexxija operattiva tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II), is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-Eurodac, u tista’ ssir responsabbli għat-tħejjija, l-iżvilupp u t-tmexxija operattiva ta’ sistemi tal-IT fuq skala kbira oħra fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, abbażi ta’ strument leġislattiv rilevanti, ibbażat fuq it-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(4)

L-Aġenzija għandha personalità ġuridika unika u hija kkaratterizzata mill-unità tal-istruttura organizzattiva u finanzjarja tagħha. Għal dak il-għan, u f’konformità mal-Artikolu 288 tat-TFUE, l-Aġenzija ġiet stabbilita permezz ta’ strument leġislattiv uniku li hu applikabbli fl-intier tiegħu fl-Istati Membri marbuta bih. Dan jeskludi l-possibbiltà ta’ applikabbiltà parzjali tar-Regolament (UE) Nru 1077/2011 għall-Irlanda. Konsegwentement, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex jiġi żgurat li r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 fl-intier tiegħu huwa applikabbli għall-Irlanda.

(5)

Is-SIS II hija parti mill-acquis ta’ Schengen. Ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI (4) jirregolaw l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-SIS II. Madankollu, l-Irlanda ħadet sehem biss fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI li tiżviluppa d-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen imsemmija fl-Artikolu 1(a)(ii) tad-Deċiżjoni 2002/192/KE.

(6)

Il-VIS hija wkoll parti mill-acquis ta’ Schengen. L-Irlanda la ħadet sehem fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2004/512/KE (5), tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 (6) u tad-Deċiżjoni 2008/633/ĠAI (7) li jirregolaw l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tal-VIS u lanqas ma hija marbuta bihom.

(7)

L-Eurodac mhix parti mill-acquis ta’ Schengen. L-Irlanda ħadet sehem fl-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2725/2000 (8) li jirregola l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tal-Eurodac u hija marbuta bih. Madankollu, safejn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1077/2011 jirrigwardaw l-Eurodac, f’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea l-Irlanda ma ħaditx sehem fl-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1077/2011 u għaldaqstant mhix marbuta bih u lanqas ma hija soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(8)

F’konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, l-Irlanda innotifikat lill-Kummissjoni u lill-Kunsill permezz tal-ittri tal-14 ta’ Marzu 2012, bl-intenzjoni tagħha li taċċetta d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jirrigwardaw l-Eurodac.

(9)

F’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 331(1) tat-TFUE, il-Kummissjoni kkonfermat permezz tad-Deċiżjoni C(2012) 4881 tat-18 ta’ Lulju 2012, l-applikazzjoni għall-Irlanda tar-Regolament (UE) Nru 1077/2011 safejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jirrigwardaw l-Eurodac. Dik id-Deċiżjoni tipprevedi li r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 jidħol fis-seħħ għall-Irlanda fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonċerna t-talba tal-Irlanda li tieħu sehem fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jirrigwardaw is-SIS II, kif irregolat mir-Regolament (KE) Nru 1987/2006, u li jirrigwardaw il-VIS.

(10)

Minħabba li wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 4881, l-ewwel prekondizzjoni għall-parteċipazzjoni tal-Irlanda fid-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-Eurodac tar-Regolament (UE) Nru 1077/2011 tkun sodisfatta, u minħabba l-parteċipazzjoni parzjali tagħha fid-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw is-SIS II, l-Irlanda għandha d-dritt li tipparteċipa fl-attivitajiet tal-Aġenzija, sal-punt li l-Aġenzija hi responsabbli għat-tmexxija operattiva tas-SIS II kif irregolata bid-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI, u t-tmexxija operattiva tal-Eurodac.

(11)

Sabiex tiġi żgurata l-konformità mat-Trattati u l-Protokolli applikabbli, u fl-istess ħin jiġu ssalvagwardjati l-unità u l-konsistenza tar-Regolament (UE) Nru 1077/2011, l-Irlanda talbet, permezz tal-ittra tal-14 ta’ Marzu 2012, biex tieħu sehem f’dak ir-Regolament taħt l-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Schengen sal-punt li l-Aġenzija hi responsabbli għat-tmexxija operattiva tas-SIS II kif irregolata bir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u t-tmexxija operattiva tal-VIS.

(12)

Il-Kunsill jirrikonoxxi d-dritt tal-Irlanda li, f’konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Schengen, tagħmel talba għal parteċipazzjoni fir-Regolament (UE) Nru 1077/2011, sal-punt li l-Irlanda ma tipparteċipax f’dak ir-Regolament għal raġunijiet oħra.

(13)

Il-parteċipazzjoni tal-Irlanda fir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 hi mingħajr preġudizzju għall-fatt li fil-preżent l-Irlanda ma tipparteċipax u ma tistgħax tipparteċipa fid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mal-moviment liberu ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, il-politika dwar il-viżi u l-qsim minn persuni tal-fruntieri esterni tal-Istati Membri. Għaldaqstant ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 fih dispożizzjonijiet speċifiċi li jirriflettu din il-pożizzjoni speċjali tal-Irlanda, b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet ta’ votazzjoni limitati fil-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija.

(14)

Il-Kumitat Imħallat, stabbilit skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (9), ġie infurmat dwar it-tħejjija ta’ din id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 5 ta’ dak il-Ftehim.

(15)

Il-Kumitat Imħallat, stabbilit skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (10), ġie infurmat dwar it-tħejjija ta’ din id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 5 ta’ dak il-Ftehim,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Sussegwentement għad-Deċiżjoni 2002/192/KE, l-Irlanda għandha tieħu sehem fir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva ta’ sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja safejn ikun relatat mat-tmexxija operattiva tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (VIS) u l-partijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II), fejn l-Irlanda ma tipparteċipax.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Diċembru 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

L. LOUCA


(1)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

(2)  ĠU L 286, 1.11.2011, p. 1.

(3)  ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4.

(4)  ĠU L 205, 7.8.2007, p. 63.

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE tat-8 ta’ Ġunju 2004 li tistabbilixxi s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) (ĠU L 213, 15.6.2004, p. 5).

(6)  Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60).

(7)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 li tikkonċerna aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) minn awtoritajiet maħtura ta’ Stati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-kxif u tal-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ reati kriminali serji oħra (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 129).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2725/2000 tal-11 ta’ Diċembru 2000 dwar l-istabbiliment ta’ “Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta’ Dublin (ĠU L 316, 15.12.2000, p. 1).

(9)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(10)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.