8.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 336/81


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tad-29 ta’ Novembru 2012

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tat-Taġikistan mad-WTO

(2012/759/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 91, 100(2), u 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fid-29 ta’ Mejju 2001 il-Gvern tar-Repubblika tat-Taġikistan applika għall-adeżjoni mal-Ftehim ta’ Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), b’konformità mal-Artikolu XII ta’ dak il-Ftehim.

(2)

Grupp ta’ Ħidma dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tat-Taġikistan ġie stabbilit fit-18 ta’ Lulju 2001 sabiex jintlaħaq ftehim dwar it-termini ta’ adeżjoni aċċettabbli għar-Repubblika tat-Taġikistan u l-Membri kollha tad-WTO.

(3)

Il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, innegozjat sensiela komprensiva ta’ impenji għall-ftuħ tas-suq min-naħa tar-Repubblika tat-Taġikistan li jissodisfaw it-talbiet tal-Unjoni.

(4)

Dawn l-impenji issa huma inkorporati fil-Protokoll ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tat-Taġikistan mad-WTO.

(5)

L-adeżjoni mad-WTO hija mistennija tagħmel kontribut pożittiv u dejjiemi għall-proċess ta’ riforma ekonomika u għall-iżvilupp sostenibbli fir-Repubblika tat-Taġikistan.

(6)

Il-Protokoll tas-Sħubija għandu għalhekk jiġi approvat.

(7)

L-Artikolu XII tal-Ftehim li jistabbilixxi d-WTO jistipula li għandu jintlaħaq ftehim dwar it-termini tas-sħubija bejn il-Membru li qed jissieħeb u d-WTO, u li l-Konferenza Ministerjali tad-WTO tapprova t-termini ta’ adeżjoni min-naħa tad-WTO. L-Artikolu IV.2 tal-Ftehim li jistabbilixxi lid-WTO jipprevedi li matul l-intervalli bejn il-laqgħat tal-Konferenza Ministerjali, il-funzjonijiet tagħha għandhom jitmexxew mill-Kunsill Ġenerali.

(8)

Għalhekk, jeħtieġ li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha ttieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill Ġenerali tad-WTO dwar l-adeżjoni tat-Taġikistan mad-WTO,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tat-Taġikistan mad-WTO, hija li tapprova l-adeżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Novembru 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

N. SYLIKIOTIS