7.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 335/49


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-5 ta’ Diċembru 2012

fir-rigward ta’ miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u l-firxa ġewwa l-Unjoni ta’ Pseudomonas syringae pv. actinidiae Takikawa, Serizawa, Ichikawa, Tsuyumu & Goto

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 8816)

(2012/756/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b’mod partikolari t-tielet sentenza tal-Artikolu 16(3) tagħha,

Billi:

(1)

L-Italja infurmat lill-Kummissjoni li varjant ġdid aggressiv ta’ Pseudomonas syringae pv. actinidiae Takikawa, Serizawa, Ichikawa, Tsuyumu & Goto, minn hawn ’il quddiem “l-organiżmu speċifikat”, l-aġent kawżattiv tal-kankru tal-kiwi, huwa preżenti fit-territorju tagħha u li hija adottat miżuri uffiċjali biex tipprevjeni ulterjorment id-dħul u l-firxa ġewwa t-territorju tagħha tal-organiżmu speċifikat. L-informazzjoni disponibbli turi wkoll li l-varjant aggressiv il-ġdid tal-organiżmu speċifikat huwa preżenti f’pajjiż terz li jesporta l-materjal ta’ propagazzjoni ta’ pjanti tal-kiwi, inkluż trab dakkari, lejn l-Unjoni.

(2)

L-organiżmu speċifikat la huwa elenkat fl-Anness I u lanqas fl-Anness II tad-Direttiva 2000/29/KE. Jidher minn analiżi preliminari tar-riskju tal-pesti mwettqa mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ valutazzjoni mħejjija mill-Organizzazzjoni Ewropea u Mediterranja għall-Protezzjoni tal-Pjanti (EPPO) li l-organiżmu speċifikat jikkawża effetti ta’ ħsara għal pjanti ta’ Actinidia Lindl.

(3)

Minħabba l-komplessità tal-identifikazzjoni tassonomika tal-varjant ġdid aggressiv tal-organiżmu speċifiku, huwa xieraq li jsir provvediment għal miżuri li japplikaw għall-organiżmu speċifikat bħala tali, mingħajr ma jkunu ristretti għall-varjant ikkonċernat.

(4)

Għandhom jiġu stipulati miżuri li jikkonċernaw id-dħul fl-Unjoni ta’ pjanti għat-tħawwil ta’ Actinidia Lindl. minn pajjiżi terzi. Jiġu stipulati wkoll miżuri li jikkonċernaw il-moviment ġewwa l-Unjoni ta’ dawn il-pjanti li joriġinaw mill-Unjoni.

(5)

Stħarriġ għall-preżenza tal-organiżmu speċifikat għandu jitwettaq fl-Istati Membri kollha u jiġu nnotifikati r-riżultati.

(6)

Jekk inhu meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-leġiżlazzjoni tagħhom sabiex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni.

(7)

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Marzu 2016 biex jitħalla żmien għall-osservazzjoni tal-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni.

(8)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Miżuri ta’ emerġenza kontra Pseudomonas syringae pv. actinidiae Takikawa, Serizawa, Ichikawa, Tsuyumu & Goto

Pseudomonas syringae pv. actinidiae Takikawa, Serizawa, Ichikawa, Tsuyumu & Goto, minn hawn ’il quddiem “l-organiżmu speċifikat”, ma għandux jidħol jew jinfirex ġewwa l-Unjoni.

Artikolu 2

Dħul ta’ trab dakkari ħaj u pjanti maħsuba għat-tħawwil, għajr żrieragħ, ta’ Actinidia Lindl. ġewwa l-Unjoni

Trab dakkari ħaj u pjanti maħsuba għat-tħawwil, għajr żrieragħ, ta’ Actinidia Lindl., minn hawn ’il quddiem “il-pjanti speċifikati”, li joriġinaw f’pajjiżi terzi jistgħu jidħlu biss fl-Unjoni jekk huma konformi mar-rekwiżiti speċifiċi għad-dħul, kif stipulat fl-Anness I.

Artikolu 3

Moviment ta’ pjanti speċifikati ġewwa l-Unjoni

Il-pjanti speċifikati jistgħu jgħaddu minn post għal ieħor ġewwa l-Unjoni, biss jekk jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi, kif stipulat fl-Anness II.

Artikolu 4

Stħarriġiet u notifiki tal-organiżmu speċifikat

1.   L-Istati Membri għandhom iwettqu stħarriġiet uffiċjali kull sena għall-preżenza tal-organiżmu speċifiku fuq il-pjanti speċifikati.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ir-riżultati ta’ dawn l-istħarriġiet lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra sal-31 ta’ Jannar tas-sena wara s-sena tal-istħarriġ.

2.   Kull Stat Membru għandu minnufih jinnotifika bil-miktub lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar il-preżenza tal-organiżmu speċifikat f’parti mit-territorju tiegħu fejn qatt ma kien deher qabel.

3.   Jekk l-organiżmu speċifikat jinstab jew ikun hemm suspett li huwa preżenti f’żona fejn qatt ma kien deher qabel, l-entitajiet uffiċjali responsabbli għandhom jiġu nnotifikati minnufih.

Artikolu 5

Konformità

L-Istati Membri għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-miżuri li ħadu biex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

Applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Marzu 2016.

Artikolu 7

Indirizzati

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Diċembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.


ANNESS I

REKWIŻITI SPEĊIFIĊI GĦAD-DĦUL FL-UNJONI, KIF IMSEMMI FL-ARTIKOLU 2

Taqsima I

Ċertifikat fitosanitarju

(1)

Pjanti speċifikati li joriġinaw f’pajjiżi terzi għandhom ikun akkumpanjati minn ċertifikat fitosanitarju, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1)(ii) tad-Direttiva 2000/29/KE (minn hawn ’il quddiem “iċ-ċertifikat”), li jinkludi taħt l-intestatura “ Dikjarazzjoni addizzjonali “ it-tagħrif stabbilit fil-punti (2) u (3).

(2)

Iċ-ċertifikat għandu jinkludi tagħrif li ntlaħaq wieħed mill-punti li ġejjin:

(a)

Il-pjanti speċifikati tkabbru tul ħajjithom f’pajjiż fejn l-organiżmu speċifiku mhux magħruf li jidher.

(b)

Il-pjanti speċifikati tkabbru tul ħajjithom f’żona ħielsa mill-pesti, stabbilita fir-rigward tal-organiżmu speċifikat mill-Organizzazzjoni Nazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti (minn hawn ’il quddiem “l-NPPO”) tal-pajjiż ta’ oriġini skont l-Istandard Internazzjonali tal-FAO għall-Miżuri Fitosanitarji (minn hawn ’il quddiem “ISPM”) Nru 4 (1).

(c)

Il-pjanti speċifikati ġew prodotti f’post ħieles mill-pesti jew sit ta’ produzzjoni ħieles mill-pesti, stabbilit fir-rigward tal-organiżmu speċifikat mill-NPPO skont l-ISPM Nru 10 tal-FAO (2). Il-pjanti speċifikati tkabbru fi struttura bi grad ta’ iżolament u protezzjoni mill-ambjent ta’ barra li teskludi b’mod effettiv l-organiżmu speċifikat. F’dak il-post il-pjanti speċifikati ġew uffiċjalment spezzjonati darbtejn fl-aktar żminijiet xierqa għall-intraċċar ta’ sintomi ta’ infezzjoni matul l-aħħar ċiklu komplut ta’ veġetazzjoni qabel l-esportazzjoni u misjuba ħielsa mill-organiżmu speċifikat.

Dak il-post ta’ produzzjoni huwa mdawwar minn żona b’raġġ ta’ mill-inqas 500 m, fejn saru spezzjonijiet uffiċjali darbtejn fl-aktar żminijiet xierqa għall-intraċċar ta’ sintomi ta’ infezzjoni matul l-aħħar ċiklu komplut ta’ veġetazzjoni qabel l-esportazzjoni u kull pjanta li wriet sintomi ta’ infezzjoni misjuba matul dawn l-ispezzjonijiet u l-pjanti speċifikati kollha biswit fi ħdan id-distanza ta’ 5 m inqerdu minnufih.

(d)

Il-pjanti speċifikati ġew prodotti f’post ta’ produzzjoni ħieles mill-pesti stabbilit fir-rigward tal-organiżmu speċifikat mill-NPPO skont l-ISPM Nru 10 (2) tal-FAO.

Dak il-post ta’ produzzjoni huwa mdawwar minn żona b’raġġ ta’ 4 500 m. Twettqu spezzjonijiet uffiċjali, teħid ta’ kampjuni u ttestjar f’dak il-post ta’ produzzjoni u ma’ dik iż-żona kollha darbtejn fl-aktar żminijiet xierqa għall-intraċċar ta’ sintomi ta’ infezzjoni matul l-aħħar ċiklu komplut ta’ veġetazzjoni qabel l-esportazzjoni. L-organiżmu speċifikat ma nstabx matul l-ispezzjonijiet uffiċjali, it-teħid ta’ kampjuni u l-ittestjar.

(3)

Fejn tingħata l-informazzjoni stabbilita fil-punt (2)(c) jew (2)(d), iċ-ċertifikat, barra minn din, għandu jinkludi l-informazzjoni li ntlaħaq wieħed mill-punti li ġejjin:

(a)

Il-pjanti speċifikati tnisslu direttament mill-pjanti mkabbra taħt kundizzjonijiet konformi mal-punti (2)(a) jew (2)(b) jew 2(c).

(b)

Il-pjanti speċifikati tnisslu direttament mill-pjanti li kienu suġġetti għall-ittestjar individwali minn qabel li jikkonferma li huma ħielsa minn dan l-organiżmu speċifikat.

(c)

Il-pjanti speċifikati ġew ittestjati skont skema ta’ kampjunar li tikkonferma b’affidabilità ta’ 99 % li l-livell tal-preżenza tal-organiżmu indikat fil-pjanti speċifikati huwa inqas minn 0,1 %.

(4)

Fejn tingħata l-informazzjoni stabbilita fil-punt (2)(b), l-isem taż-żona ħielsa mill-pest għandu jiġi inkluż taħt l-intestatura taċ-ċertifikat “Post ta’ Oriġini”.

Taqsima II

Spezzjoni

Pjanti speċifikati introdotti fl-Unjoni akkumpanjati minn ċertifikat fitosanitarju li jikkonforma mat-Taqsima I għandhom jiġu spezzjonati b’mod rigoruż u, fejn meħtieġ eżaminati għall-preżenza tal-organiżmu speċifikat fil-punt tad-dħul jew fil-post tad-destinazzjoni stabbilit skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/103/KE (3).

F’każ li l-pjanti speċifikati jidħlu fl-Unjoni permezz ta’ Stat Membru li mhux l-Istat Membru tad-destinazzjoni ta’ dawk il-pjanti, l-entità uffiċjali responsabbli tal-Istat Membru tad-dħul għandha tgħarraf lill-entità uffiċjali responsabbli tal-Istat Membru tad-destinazzjoni.


(1)  Rekwiżiti għall-istabbiliment ta’ żoni ħielsa mill-pesti. ISPM Nru 4 (1995), FAO 2011.

(2)  Ir-rekwiżiti għat-twaqqif ta’ postijiet ta’ produzzjoni u siti ta’ produzzjoni ħielsa mill-pesti. ISPM Nru 10 (1999), FAO 2011.

(3)  ĠU L 313, 12.10.2004, p. 16.


ANNESS II

REKWIŻITI GĦALL-MOVIMENT FI ĦDAN L-UNJONI, KIF IMSEMMI FL-ARTIKOLU 3

(1)

Pjanti speċifikati li joriġinaw fl-Unjoni jistgħu jgħaddu minn post għal ieħor fl-Unjoni biss jekk ikunu akkumpanjati minn passaport tal-pjanti mħejji u maħruġ skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/105/KEE (1) u jekk jilħqu r-rekwiżiti stabbiliti fil-punt (2).

(2)

Il-pjanti speċifikati għandhom jilħqu wieħed mill-punti li ġejjin:

(a)

Il-pjanti speċifikati tkabbru tul ħajjithom fi Stat Membru fejn l-organiżmu speċifiku mhux magħruf li jidher.

(b)

Il-pjanti speċifikati tkabbru tul ħajjithom f’żona protetta rikonoxxuta fir-rigward tal-organiżmu speċifikat skont l-Artikolu 2(1)(h) tad-Direttiva 2000/29/KE.

(c)

Il-pjanti speċifikati tkabbru tul ħajjithom f’żona ħielsa minn organiżmi ta’ ħsara, stabbilita fir-rigward tal-organiżmu indikat mill-entità uffiċjali responsabbli ta’ Stat Membru skont l-ISPM Nru 4 (2) tal-FAO.

(d)

Il-pjanti speċifikati ġew prodotti f’post ħieles mill-pesti jew sit ta’ produzzjoni ħieles mill-pesti, stabbilit fir-rigward tal-organiżmu indikat mill-entità uffiċjali responsabbli tal-Istat Membru ta’ oriġini skont l-ISPM Nru 10 (3) tal-FAO. Il-pjanti speċifikati tkabbru fi struttura bi grad ta’ iżolament u protezzjoni mill-ambjent ta’ barra li teskludi b’mod effettiv l-organiżmu speċifikat. F’dak il-post il-pjanti speċifikati ġew uffiċjalment spezzjonati darbtejn fl-aktar żminijiet xierqa għall-intraċċar ta’ sintomi ta’ infezzjoni matul l-aħħar ċiklu komplut ta’ veġetazzjoni qabel l-esportazzjoni u misjuba ħielsa mill-organiżmu speċifikat.

Dak il-post ta’ produzzjoni huwa mdawwar minn żona b’raġġ ta’ mill-inqas 500 m, fejn saru spezzjonijiet uffiċjali darbtejn fl-aktar żminijiet xierqa għall-intraċċar ta’ sintomi ta’ infezzjoni matul l-aħħar ċiklu komplut ta’ veġetazzjoni qabel ma jgħaddu għal post ieħor u kull pjanta li wriet sintomi ta’ infezzjoni misjuba matul dawn l-ispezzjonijiet u l-pjanti speċifikati kollha biswit fi ħdan id-distanza ta’ 5 m inqerdu minnufih.

(e)

Il-pjanti speċifikati ġew prodotti f’post ta’ produzzjoni ħieles mill-pesti, stabbilit fir-rigward tal-organiżmu indikat mill-entità uffiċjali responsabbli tal-Istat Membru ta’ oriġini skont l-ISPM Nru 10 (3) tal-FAO.

Dak il-post ta’ produzzjoni huwa mdawwar minn żona b’raġġ ta’ 500 m, minn hawn ’il quddiem iż-“żona tal-madwar”. Spezzjonijiet uffiċjali, it-teħid tal-kampjuni u l-ittestjar twettqu f’dak il-post ta’ produzzjoni u fiż-żona tal-madwar kollha darbtejn fl-aktar żminijiet xierqa għall-intraċċar ta’ sintomi ta’ infezzjoni matul l-aħħar ċiklu komplut ta’ veġetazzjoni qabel ma jgħaddu minn post għal ieħor. L-organiżmu speċifikat ma nstabx matul l-ispezzjonijiet uffiċjali, it-teħid ta’ kampjuni u l-ittestjar.

Iż-żona tal-madwar hija mdawra b’żona b’wisa’ ta’ 4 km, fejn wara spezzjonijiet uffiċjali, teħid ta’ kampjuni u ttestjar li twettqu ma’ dik iż-żona kollha darbtejn fl-aktar żminijiet xierqa għall-intraċċar ta’ sintomi ta’ infezzjoni matul l-aħħar ċiklu komplut ta’ veġetazzjoni qabel ma jgħaddu minn post għal ieħor, ittieħdu miżuri ta’ qerda fil-każijiet kollha meta l-organiżmu speċifikat ġie identifikat fuq il-pjanti speċifikati. Dawn il-miżuri kkonsistew fil-qerda immedjata tal-pjanti infettati speċifikati u l-pjanti speċifikati kollha biswit fi ħdan id-distanza ta’ 5 m.

(3)

Fejn ir-rekwiżiti stipulati fil-punti (2)(d) jew (2)(e) jintlaħqu, il-pjanti speċifikati għandhom, barra minn dan, jilħqu wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

Il-pjanti speċifikati tnisslu direttament mill-pjanti mkabbra taħt kundizzjonijiet konformi mal-punti (2)(a) jew (2)(b) jew 2(c) jew 2(d).

(b)

Il-pjanti speċifikati tnisslu direttament mill-pjanti li kienu suġġetti għall-ittestjar individwali minn qabel li jikkonferma li huma ħielsa minn dan l-organiżmu speċifikat.

(c)

Il-pjanti speċifikati ġew ittestjati skont skema ta’ kampjunar li tikkonferma b’affidabilità ta’ 99 % li l-livell tal-preżenza tal-organiżmu indikat fil-pjanti speċifikati huwa inqas minn 0,1 %.

(4)

Il-pjanti speċifikati introdotti fl-Unjoni skont l-Anness I minn pajjiżi terzi jistgħu jgħaddu minn post għal ieħor ġewwa l-Unjoni biss jekk ikunu akkumpanjati mill-passaport tal-pjanti msemmi fil-punt (1).


(1)  ĠU L 4, 8.1.1993, p. 22.

(2)  Rekwiżiti għall-istabbiliment ta’ żoni ħielsa mill-pesti. ISPM Nru 4 (1995), FAO 2011.

(3)  Ir-rekwiżiti għat-twaqqif ta’ postijiet ta’ produzzjoni u siti ta’ produzzjoni ħielsa mill-pesti. ISPM Nru 10 (1999), FAO 2011.