4.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 332/29


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-30 ta’ Novembru 2012

dwar l-importazzjoni ta’ oġġetti bla dazju maħsuba li jitqassmu jew li jkunu disponibbli bla ħlas għall-vittmi tat-terremoti li seħħew fl-Italja f’Mejju 2012

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 8687)

(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

(2012/746/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009 tas-16 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 76 tiegħu,

Wara li kkunsidrat it-talba mir-Repubblika Taljana datata t-12 ta’ Settembru 2012, għall-importazzjoni bla dazju ta’ oġġetti bl-intenzjoni li dawn jitqassmu bla ħlas lill-vittmi tat-terremoti li seħħew fl-Italja f’Mejju tal-2012,

Billi:

(1)

Terremoti bħal dawk li seħħew fl-Italja f’Mejju 2012 jikkostitwixxu diżastru skont it-tifsira tal-Kapitolu XVII, Taqsima C, tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009; konsegwentament hemm raġuni għall-awtorizzazzjoni tal-importazzjoni ta’ oġġetti mingħajr dazju li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikoli 74 sa 80 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 imsemmi hawn fuq.

(2)

Ir-Repubblika Taljana għandha tinforma lill-Kummissjoni bin-natura u l-kwantitajiet tad-diversi oġġetti li jiddaħħlu mingħajr dazju għall-benefiċċju tal-vittmi tat-terremoti li seħħew fl-Italja f’Mejju 2012, bl-organizzazzjonijiet li tkun tathom approvazzjoni biex iqassmu jew biex jagħmlu disponibbli dawk il-prodotti u b’dawk il-miżuri meħuda biex l-oġġetti ma jitħallewx jintużaw għal xi skop ieħor għajr dak li tingħata għajnuna ta’ wara d-diżastru lill-vittmi.

(3)

L-eżenzjoni mid-dazju doganali għandha tingħata għar-rigward tal-importazzjoni mid-data ta’ meta seħħ l-ewwel terremot.

(4)

L-Istati Membri l-oħra ġew ikkonsultati kif stabbilit fl-Artikolu 76 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-oġġetti jiddaħħlu ħielsa mid-dazji tal-importazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 fejn ikunu rispettati dawn il-kundizzjonijiet:

(a)

l-oġġetti jkunu intenzjonati għal xi wieħed minn dawn iż-żewġ skopijiet:

(i)

id-distribuzzjoni tal-oġġetti bla ħlas lill-vittmi tat-terremoti li seħħew fl-Italja f’Mejju 2012 mill-korpi u l-organizzazzjonijiet imsemmija fil-punt (c);

(ii)

li dawk il-vittmi jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom dawn l-oġġetti bla ħlas filwaqt li l-oġġetti jibqgħu proprjetà tal-organizzazzjonijiet imsemmija;

(b)

l-oġġetti jkunu jirrispettaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 75, 78 u 79 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009;

(c)

l-oġġetti jkunu impurtati biex jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa minn korpi Statali jew minn organizzazzjonijiet approvati mill-awtoritajiet Taljani kompetenti.

2.   Oġġetti jiddaħħlu wkoll bla dazju fis-sens tal-Artiolu 2(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 meta dawn jiġu importati biex jiġu rilaxxati f’ċirkolazzjoni ħielsa minn aġenziji li jagħtu għajnuna wara li jkun seħħ diżastru sabiex ikunu jistgħu jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tagħhom matul il-perjodu li fih ikunu qed joffru għajnuna lill-vittmi tat-terremoti li seħħew fl-Italja f’Mejju 2012.

Artikolu 2

Ir-Repubblika Taljana, mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar 2013, tikkomunika l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

(a)

lista tal-organizzazzjonijiet approvati msemmija fl-Artikolu 1(1);

(b)

informazzjoni dwar in-natura u l-kwantitajiet tad-diversi oġġetti li jkunu ddaħħlu bla dazju skont l-Artikolu 1;

(c)

miżuri meħuda biex tiġi żgurata l-konformità mal-Artikoli 78, 79, u 80 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 għar-rigward tal-oġġetti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

L-Artikolu 1 japplika għall-importazzjonijiet li saru mill-20 ta’ Mejju 2012 sal-31 ta’ Diċembru 2012.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 324, 10.12.2009, p. 23.