22.11.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 323/18 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-21 ta’ Novembru 2012
li tikkonferma l-parteċipazzjoni tal-Litwanja fil-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali
(2012/714/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 328(1) u 331(1) tiegħu,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/405/UE tat-12 ta’ Lulju 2010 li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi li tapplika għad-divorzju u għas-separazzjoni legali (1),
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 tal-20 ta’ Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali (2),
Wara li kkunsidrat in-notifika mil-Litwanja tal-intenzjoni tagħha li tipparteċipa fil-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali,
Billi:
(1) |
Fit-12 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill iddeċieda li jawtorizza kooperazzjoni msaħħa bejn il-Belġju, il-Bulgarija, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Latvja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, l-Awstrija, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovenja fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali. |
(2) |
Fl-20 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 1259/2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi li tapplika għad-divorzju u għas-separazzjoni legali. |
(3) |
Il-Litwanja nnotifikat l-intenzjoni tagħha li tipparteċipa f’koperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali b’ittra datata l-25 ta’ Mejju 2012, li l-Kummissjoni irreġistrat li rċeviet fid-19 ta’ Ġunju 2012. |
(4) |
Il-Kummissjoni tinnota li d-Deċiżjoni 2010/405/UE ma tippreskrivi ebda kundizzjonijiet partikolari tal-parteċipazzjoni f’koperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali u li l-parteċipazzjoni tal-Litwanja għandha ssaħħaħ il-benefiċċji ta’ din il-kooperazzjoni msaħħa. |
(5) |
Il-parteċipazzjoni tal-Litwanja fil-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali għandha għalhekk tiġi kkonfermata. |
(6) |
Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri tranżitorji għal-Litwanja meħtieġa fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1259/2010. |
(7) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1259/2010 għandu jidħol fis-seħħ fil-Litwanja fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Parteċipazzjoni tal-Litwanja f’koperazzjoni msaħħa
1. Il-parteċipazzjoni tal-Litwanja f”kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali awtorizzata permezz tad-Deċiżjoni 2010/405/UE hija kkonfermata.
2. Ir-Regolament (UE) Nru 1259/2010 għandu japplika għal-Litwanja skont din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Informazzjoni li għandha tingħata mil-Litwanja
Mit-22 ta' Awwissu 2013 il-Litwanja għandha tikkomunika lill-Kummissjoni id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħha, jekk ikun hemm, dwar:
(a) |
ir-rekwiżiti formali applikabbli għall-ftehimiet dwar l-għażla tal-liġi applikabbli skont l-Artikolu 7(2) sa (4) tar-Regolament (UE) Nru 1259/2010; u |
(b) |
il-possibbiltà li tinħatar il-liġi applikabbli skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 1259/2010. |
Artikolu 3
Dispożizzjonijiet tranżitorji għal-Litwanja
1. Ir-Regolament (UE) Nru 1259/2010 għandu japplika għal-Litwanja biss fir-rigward tal-proċeduri legali mibdija kif ukoll għall-ftehimiet tat-tip imsemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1259/2010 konklużi mit-22 ta' Mejju 2014.
Madankollu, għandu jingħata effett ukoll għal-Litwanja għal ftehim dwar l-għażla tal-liġi applikabbli, konkluża qabel it-22 ta' Mejju 2014, sakemm tkun konformi mal-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament (UE) Nru 1259/2010.
2. Ir-Regolament (UE) Nru 1259/2010 għandu jkun għal-Litwanja bla ħsara għall-ftehimiet dwar l-għażla tal-liġi applikabbli konkluża skont il-liġi tal-Istat Membru li quddiem il-qorti tiegħu jinġieb il-każ qabel it-22 ta' Mejju 2014.
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1259/2010 fil-Litwanja
Ir-Regolament (UE) Nru 1259/2010 għandu jidħol fis-seħħ fil-Litwanja fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Ir-Regolament (UE) Nru 1259/2010 għandu japplika għal-Litwanja mit-22 ta' Mejju 2014.
Artikolu 5
Id-dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Novembru 2012.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 189, 22.7.2010, p. 12.
(2) ĠU L 343, 29.12.2010, p. 10.