20.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 321/59


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Novembru 2012

dwar l-adozzjoni tal-programm supplimentari ta’ riċerka tar-Reattur ta’ Fluss Għoli għall-2012-2015 li għandu jiġi implimentat miċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka għall-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika

(2012/709/Euratom)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkonsulta lill-Kumitat Xjentifiku u Tekniku (1)

Billi:

(1)

Fi ħdan il-qafas taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, ir-Reattur ta’ Fluss Għoli li jinsab f’Petten (minn hawn ’il quddiem “HFR”) kien, u se jibqa’ jkun għal xi żmien, mezz importanti disponibbli għall-Komunità biex tikkontribwixxi għax-xjenzi u għall-ittestjar tal-materjali, għall-mediċina nukleari u għar-riċerka dwar is-sikurezza tar-reatturi fil-qasam tal-enerġija nukleari.

(2)

It-tħaddim tal-HFR ġie appoġġat minn serje ta’ programmi supplimentari ta’ riċerka, li l-aħħar wieħed fosthom kien id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/410/Euratom tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar l-adozzjoni ta’ programm supplimentari ta’ riċerka li għandu jiġi implimentat miċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka għall-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2), li skada fil-31 ta’ Diċembru 2011. Sabiex tiġi żgurata kontinwità bejn il-programmi supplementari ta’ riċerka u l-ħidma bla xkiel tal-programm supplementari ta’ riċerka HFR 2012-2015, din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2012.

(3)

Minħabba l-ħtieġa kontinwa tal-HFR bħala infrastruttura insostitwibbli għar-riċerka Komunitarja fl-oqsma tat-titjib tas-sikurezza tar-reatturi nukleari, tas-saħħa inkluż l-iżvilupp ta’ isotopi mediċi sabiex jitwieġbu mistoqsijiet tar-riċerka medika, tal-fużjoni nukleari, tar-riċerka fundamentali, tat-taħriġ u tal-immaniġġjar tal-iskart inkluż il-possibbiltà li tiġi studjata l-imġiba tas-sikurezza tal-fjuwils nukleari għal sistemi tar-reatturi li huma ta’ interess għall-Ewropa, it-tħaddim tiegħu għandu jitkompla taħt dan il-programm supplimentari ta’ riċerka sal-aħħar tal-2015.

(4)

Peress li għandhom interess partikulari fit-tkomplija tat-tħaddim tal-HFR, hekk kif indikat minnhom stess, il-Pajjiżi l-Baxxi, Franza u l-Belġju għandhom jiffinanzjaw dan il-programm permezz ta’ kontributi finanzjarji lill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-forma ta’ dħul assenjat.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-programm supplimentari ta’ riċerka dwar it-tħaddim tal-HFR, (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-programm”), li l-għanijiet tiegħu huma stipulati fl-Anness I, qiegħed jiġi adottat għal perjodu ta’ erba’ snin, li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2012.

Artikolu 2

L-ispejjeż għall-eżekuzzjoni tal-programm, stmati li huma EUR 31 400 000, għandhom jiġu kompletament iffinanzjati minn kontribuzzjonijiet mill-Pajjiżi l-Baxxi, minn Franza u mill-Belġju. It-tqassim ta’ dan l-ammont jinsab stipulat fl-Anness II. Dan il-kontribut għandu jitqies bħala dħul assenjat skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (3).

Artikolu 3

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli mill-ġestjoni tal-programm. Għal dan il-għan, hija għandha tirrikorri għas-servizzi taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka.

2.   Il-Bord tal-Gvernaturi taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka għandu jinżamm infurmat dwar l-implimentazzjoni tal-programm.

Artikolu 4

Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport ta’ nofs it-terminu u rapport finali dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2012.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Novembru 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

V. SHIARLY


(1)  Minuti tal-Laqgħa STC li saret fis-17 ta’ Frar 2012

(2)  ĠU L 132, 29.5.2009, p. 13.

(3)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.


ANNESS I

GĦANIJIET XJENTIFIĊI U TEKNIĊI

L-għanijiet prinċipali tal-programm huma dawn li ġejjin:

1.

Li jiġi żgurat it-tħaddim sikur u affidabbli tal-HFR, sabiex tkun żgurata d-disponibbiltà tal-fluss tan-newtroni għal għanijiet sperimentali.

2.

Li jkun possibbli użu effiċjenti tal-HFR mill-istituti tar-riċerka f’firxa wiesgħa ta’ dixxiplini: it-titjib tas-sikurezza tar-reatturi nukleari, is-saħħa inkluż l-iżvilupp ta’ isotopi mediċi, il-fużjoni nukleari, ir-riċerka fundamentali u t-taħriġ u l-immaniġġjar tal-iskart inkluż il-possibbiltà li jiġu studjati l-kwistjonijiet rigward is-sikurezza tal-fjuwils nukleari għas-sistemi tar-reatturi li huma ta’ interess għall-Ewropa.


ANNESS II

TQASSIM TAL-KONTRIBUTI

Il-kontributi għall-programm ġejjin mill-Pajjiżi l-Baxxi, Franza u l-Belġju.

Dawn il-kontributi huma mqassma kif ġej:

 

Il-Pajjiżi l-Baxxi: EUR 29 000 000;

 

Franza: EUR 1 200 000;

 

Il-Belġju: EUR 1 200 000;

 

Total: EUR 31 400 000.

Dawn il-kontributi għandhom isiru lill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u għandhom jiġu assenjati għal dan il-programm.

Il-kontributi huma fissi u ma jistgħux jiġu riveduti fir-rigward tal-varjazzjonijiet marbuta mal-ispejjeż ta’ tħaddim, manutenzjoni u dekummisjonar.