17.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 320/27


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta’ Lulju 2011

dwar l-għajnuna mill-Istat SA.28903 (C 12/10) (ex N 389/09) mogħtija mill-Bulgarija lil Ruse Industry

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 4903)

(It-test bil-Bulgaru biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2012/706/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonjiet imsemmijin hawn fuq (1),

Billi:

I   PROĊEDURA

(1)

Fit-30 ta’ Ġunju 2009 l-awtoritajiet Bulgari nnotifikaw lill-Kummissjoni b’miżura ta’ ristruttarazzjoni għal Ruse Industry AD (minn issa ‘l quddiem ‘Ruse Industry’ jew ‘il-kumpanija’) fil-forma ta’ differiment u skedar mill-ġdid ta’ dejn dovut lill-Istat li jlaħħaq id-EUR 9,85 miljun.

(2)

Fit-28 ta’ Lulju 2009 ntbagħtet talba ddettaljata għal informazzjoni lill-awtoritajiet Bulgari. Il-Bulgarija wieġbet parzjalment fl-24 ta’ Awwissu 2009 u fl-istess ittra talbet biex jittawwal iż-żmien sa meta kellha twieġeb. Dan sar b’ittra bid-data tat-28 ta’ Awwissu 2009. Il-Bulgarija ressqet aktar informazzjoni fit-30 ta’ Settembru 2009. Fis-27 ta’ Novembru 2009 l-Kummissjoni talbet għal kjarifika oħra u l-Bulgarija wieġbet fil-15 ta’ Diċembru 2009. Fl-20 ta’ Diċembru 2009 ngħatat estensjoni oħra għall-informazzjoni li kien għad jonqos li tiġi pprovduta. Fis-17 ta’ Frar 2010 l-Bulgarija ppreżentat iktar informazzjoni.

(3)

B’ittra datata l-14 ta’ April 2010, il-Kummissjoni informat lill-Bulgarija li kienet iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (‘TFUE’) (2) fir-rigward ta’ din l-għajnuna.

(4)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3).

(5)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kummenti minn partijiet interessati.

(6)

B’ittra bid-data tal-10 ta’ Mejju 2010 mibgħuta lill-Kummissjoni u irreġistrata mill-istess Kummissjoni fis-17 ta’ Ġunju 2010, il-Bulgarija ressqet kummenti dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura. Fis-7 ta’ Ġunju 2010 l-awtoritajiet Bulgari pprovdew aktar informazzjoni.

(7)

Fid-29 ta’ Ottubru 2010 l-Kummissjoni bagħtet talba oħra għal aktar informazzjoni, u l-awtoritajiet Bulgari rrispondew għaliha b’ittra bid-data tat-12 ta’ Novembru 2010, li ntbagħtet lill-Kummissjoni u li ġiet irreġistrata mill-istess Kummissjoni fit-23 ta’ Novembru 2010, u b’ittra bid-data tat-3 ta’ Diċembru 2010, mibgħuta lill-Kummissjoni u li ġiet irreġistrata mill-istess Kummissjoni fis-6 ta’ Diċembru 2010.

(8)

Fil-11 ta’ Novembru 2010 l-awtoritajiet Bulgari fetħu proċedura ta’ falliment kontra l-kumpanija.

(9)

B’ittra bid-data tal-14 ta’ Ġunju 2010 li ntbagħtet lill-Kummissjoni fit-23 ta’ Novembru 2010, l-awtoritajiet Bulgari rtiraw in-notifikazzjoni tagħhom tat-30 ta’ Ġunju 2009.

II   DESKRIZZJONI

Il-benefiċjarju

(10)

Minn din l-għajnuna gawdiet ir-Ruse Industry. Il-kumpanija (li fil-bidu kien jisimha Ruse Shipyard (4)) inħolqot fl-1991 u tinsab f’Ruse, il-Bulgarija. Dan huwa reġjun eliġibbli għall-għajnuna skont l-Artikolu 107(3)(a) tat-TFUE. Il-kumpanija ġiet ipprivatizzata f’April 1999, meta 80 % tal-ishma tagħha nbiegħu lid-ditta Ġermaniża Rousse Beteiligungsgesellschaft mbH.

(11)

Ruse Industry hija involuta fil-produzzjoni u t-tiswija ta’ strutturi tal-metall kif ukoll fil-manifattura ta’ krejnijiet, vapuri u tagħmir marittimu (5). Fl-2009 l-kumpanija kellha 196 ħaddiem.

(12)

Finanzjarjament, il-kumpanija esperjenzat tendenza kostanti ta’ tnaqqis fil-fatturat u żieda fit-telf fuq medda ta’ diversi snin qabel in-notifikazzjoni, kif indikat fit-tabella li ġejja. Fl-2008 l-kumpanija rreġistrat riżultat operazzjonali negattiv u fluss negattiv tal-flus.

Tabella 1

Il-fatturat u l-qligħ annwali tar-Ruse Industry

F’miljuni ta’ BGN (6)

2005

2006

2007

2008

fatturat annwali

76 239

65 086

17 963

7 035

qligħ qabel it-taxxa

(2 091 )

1 977

(827)

(3 924 )

Id-dejn li r-Ruse Industry għandha mal-Istat

(13)

Meta ntbagħtet in-notifikazzjoni, ir-Ruse Industry kellha tagħti lill-Istat Bulgaru EUR 9,85 miljun.

(14)

Id-dejn joriġina minn ftehimiet dwar self (7) li jmorru lura għall-1996 u l-1997 bejn il-Fond Statali għar-Rikostruzzjoni u għall-Iżvilupp u r-Ruse Shipyard rigward kapital li dak iż-żmien kien ta’ USD 8,45 miljun.

(15)

F’April 1999 ġie konkluż ftehim (‘l-iskedar mill-ġdid tal-1999’) mal-Ministeru tal-Finanzi, li ħa fuqu l-klejms tal-Fond Statali għar-Rikostruzzjoni u għall-Iżvilupp; skont il-ftehim USD 8 miljun mid-dejn imsemmi hawn fuq, flimkien mal-imgħax miġmugħ, ġie iddenominat mill-ġdid (8) f’ewro u r-Rousse Beteiligungsgesellschaft mbH daħlet biex tħallas lura din is-somma bejn l-1 ta’ Diċembru 2000 u t-30 ta’ Ġunju 2006 skont pjan skedat mill-ġdid għall-ħlas lura.

(16)

Fil-21 ta’ Mejju 2001 il-Ministeru tal-Finanzi u r-Ruse Industry kkonkludew ftehim ieħor, li skontu ż-żmien biex isir il-ħlas sħiħ tad-dejn li l-kumpanija kellha mal-Istat (9), flimkien mal-imgħax miġmugħ, ittawwal sat-30 ta’ Settembru 2015, b’perjodu ta’ konċessjoni (għall-ħlas tal-imgħax biss, mhux tal-kapital) sal-31 ta’ Marzu 2006 (‘l-iskedar mill-ġdid tal-2001’).

(17)

Bl-iskedar mill-ġdid tal-2001 id-dejn sħiħ kien magħmul minn EUR 7.97 miljun, flimkien ma’ EUR 2 miljun imgħax (miġmugħ sal-1 ta’ April 1999). Skont dan il-ftehim, il-kapital kellu fuqu mgħax ta’ 1 % fis-sena, bi mgħax ta’ penali ta’ 3 % fis-sena pagabbli fuq somom li suppost ikunu diġà tħallsu (i.e. jekk il-kumpanija tkun waqgħet lura fil-ħlasijiet).

(18)

F’Settembru 2005, eżatt qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ konċessjoni, il-benefiċjarju talab li għal darb’oħra d-dejn pubbliku tiegħu jiġi skedat mill-ġdid (wara l-ftehim tal-2001). F’Diċembru 2006, il-Kummissjoni Bulgara dwar il-Kompetizzjoni kkonkludiet li din it-talba kienet inammissibbli skont l-Att dwar l-Għajnuna mill-Istat tal-Bulgarija. Ir-Ruse Industry appellat mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni quddiem il-Qorti Amministrattiva, u l-appell ġie rrifjutat f’Lulju 2007. Ġie rrifjutat ukoll appell ieħor li sar kontra din id-deċiżjoni. Minkejja dan, l-Istat ma ppruvax jiġbor b’mod effettiv id-dejn li suppost kien diġà tħallas skont l-iskedar mill-ġdid tal-2001.

(19)

F’Lulju 2008 l-benefiċjarju offra minn jeddu li jħallas EUR 1 miljun mill-ammont li suppost kien diġà tħallas, f’żewġ pagamenti indaqs. Skont din l-offerta, l-ewwel pagament kellu jsir sa Ottubru 2008 u t-tieni wieħed sa Frar 2009. Meta r-Ruse Industry m’għamlet l-ebda wieħed minn dawn il-pagamenti, l-Istat – wara li talbitu jagħmel dan il-kumpanija – tawwal darbtejn iż-żmien sa meta kellu jsir l-ewwel pagament, darba sa Diċembru 2008 u mbagħad sa Jannar 2009.

(20)

Meta l-ħlas lura mwiegħed mir-Ruse Industry baqa’ ma seħħx, l-awtoritajiet Bulgari bagħtu jfakkru lill-kumpanija fi Frar 2009. F’April u darbtejn f’Ġunju 2010 ntbagħtu aktar tfakkiriet biex isir il-ħlas lura tas-somom li suppost kienu diġà tħallsu. Madanakollu, l-Istat naqas milli jiġbor b’mod effettiv id-dejn li ma kienx tħallas lura skont l-iskedar mill-ġdid tal-2001.

(21)

B’ittra bid-data tal-4 ta’ Ġunju 2009 r-Ruse Industry reġgħet talbet lill-awtoritajiet Bulgari biex jiskedaw mill-ġdid id-dejn tagħha mal-Istat sal-2019 b’perjodu ta’ konċessjoni sal-2012. Wara li saret din it-talba, u skont l-Artikolu 108(3) TFUE, il-Bulgarija nnotifikat l-iskedar mill-ġdid li kellhom il-ħsieb li jagħmlu tad-dejn bħala għajnuna għar-ristrutturazzjoni.

(22)

B’ittra bid-data tat-28 ta’ Ġunju 2010 ir-Ruse Industry reġgħet offriet lill-Istat li tħallas lura l-obbligazzjonijiet li suppost kienet diġà ħallset skont l-arranġamenti għall-ħlas lura li kienu saru fl-iskedar mill-ġdid tal-2001. F’Lulju 2010 il-kumpanija wegħdet li tkopri l-flus kollha li suppost kienu diġa tħallsu f’żewġ pagamenti indaqs: l-ewwel wieħed sa tmiem Lulju 2010 u t-tieni wieħed sa tmiem Awwissu 2010. Madanakollu, il-kumpanija ma rnexxilhiex tirrispetta dan il-ftehim.

(23)

Skont l-informazzjoni mressqa mill-awtoritajiet Bulgari, sa tmien l-2010 l-benefiċjarju kien ħallas EUR 1 miljun mis-somma totali li hija dovuta skont l-iskedar mill-ġdid tal-2001. Fi tmiem l-2010, id-dejn pendenti li suppost kien diġà tħallas fir-rigward tas-somma totali dovuta kien EUR 3.7 miljun.

In-nuqqas tal-infurzar tad-dejn mal-Istat

(24)

Il-korrispondenza bejn ir-Ruse Industry u l-awtoritajiet Bulgari turi li dawn tal-aħħar bagħtu għadd ta’ tfakkiriet biex isir il-ħlas tal-ammonti pendenti li suppost kienu diġa tħallsu. Għalkemm il-benefiċjarju esprima r-rieda tiegħu jew offra minn jeddu li jħallas lura l-flus, fir-realtà qatt ma kopra għal kollox id-dejn pendenti skont l-iskedar mill-ġdid tal-2001. Barra mit-tfakkiriet, m’hemmx evidenza li l-awtoritajiet Bulgari ħadu xi passi biex jinfurzaw il-klejms tagħhom b’mod effettiv.

(25)

Rigward il-kapital, ir-Ruse Industry ma ħallsitx is-somom stipulati (10), u għaldaqstant ma mxietx skont skont l-iskeda ta’ ħlas kull sitt xhur. Barra minn hekk, l-imgħax ordinarju tħallas biss sa Lulju 2008.

(26)

Rigward l-imgħax ta’ penali, l-awtoritajiet Bulgari indikaw li t-3 % stipulati mill-kuntratt (ara l-paragrafu 17 iktar ‘il fuq) bdew jiddekorru fuq il-pagamenti dovuti mill-2006 ‘l quddiem, meta l-kumpanija kellha tibda tħallashom lura. Ir-Ruse ħallset dan l-imgħax ta’ penali biss bejn Awwissu 2006 u Lulju 2008. Minn Lulju 2008 ‘l quddiem il-kumpanija ma ħallsitx l-imgħax ta’ penali li kien ġie miżjud mad-dejn.

(27)

Fit-3 ta’ Novembru 2010 l-awtoritajiet Bulgari għamlu talba uffiċjali għall-ħlas lura. Meta saret din it-talba d-dejn li suppost kien diġà tħallas kien ilaħħaq it-EUR 3,7 miljun (li kien magħmul minn EUR 3,4 miljun f’kapital, EUR 151 000 f’imgħax u EUR 140 000 f’imgħax ta’ penali).

(28)

Meta saret din it-talba l-benefiċjarju kien ħallas lura total ta’ EUR 1 miljun li kienu dovuti skont l-iskedar mill-ġdid tal-2001 (li kienu magħmula minn EUR 245 000 f’kapital, EUR 705 000 f’imgħax u EUR 50 000 f’imgħax ta’ penali). L-aħħar darba li fil-fatt sar ħlas lura mir-Ruse Industry kien fil-11 ta’ Lulju 2008.

(29)

Wara t-talba u wara li l-kumpanija naqset milli tikkonforma mal-obbligi tagħha, fil-11 ta’ Novembru 2010 l-awtoritajiet nazzjonali fetħu proċedura ta’ falliment kontra l-benefiċjarju. Dan kien disa’ snin wara l-iskedar mill-ġdid tal-2001, aktar minn erba’ snin wara li għalaq il-perjodu ta’ konċessjoni u aktar minn sentejn mill-aħħar darba li r-Ruse Industry kienet għamlet xi ħlas ta’ xi tip.

(30)

Fil-11 ta’ Novembru 2010 l-awtoritajiet Bulgari fetħu proċedura ta’ falliment kontra l-benefiċjarju.

III   ID-DEĊIŻJONI LI JINGĦATA BIDU GĦALL-PROĊEDURA

(31)

Kif issemma aktar ‘il fuq (ara l-paragrafu 21) f’Ġunju 2009 l-benefiċjarju reġa’ talab li jiġi skedat mill-ġdid id-dejn pendenti skont il-ftehim tal-2001. Dan l-iskedar mill-ġdid ippjanat kien il-miżura li fit-30 ta’ Ġunju 2009 ġiet innotifikata lill-Kummissjoni bħala għajnuna għar-ristrutturazzjoni.

(32)

Skont in-notifikazzjoni, il-pjan kellu jipprovdi għall-ħlas lura tad-dejn ta’ EUR 9,85 miljun fuq perjodu ta’ 10 snin (i.e. sal-2019), b’perjodu ta’ konċessjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012.

(33)

Il-Bulgarija kienet tal-opinjoni li l-miżura ppjanata kienet kompatibbli mas-suq intern bħala għajnuna għar-ristrutturazzjoni fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ‘Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni tal-kumpaniji f’diffikultà’ (11).

(34)

Il-Kummissjoni kellha d-dubji tagħha dwar il-kompatibilità tal-għajnuna nnotifikata. Għalhekk, fl-14 ta’ April 2010, tat bidu għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE.

(35)

Barra minn hekk, id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura qajmet tħassib dwar jekk in-nuqqas, fil-passat, ta’ infurzar tal-obbligazzjonijiet tal-kumpanija li suppost kienu diġà tħallsu skont il-ftehim tal-2001 dwar l-iskedar mill-ġdid jistax jikkostitwixxi aktar għajnuna mill-Istat.

(36)

L-awtoritajiet Bulgari rtiraw in-notifikazzjoni tagħha fit-23 ta’ Novembru 2010, u b’hekk l-investigazzjoni formali dwar il-miżura nnotifokata saret superfluwa.

IV   IL-KUMMENTI TAL-BULGARIJA DWAR ID-DEĊIŻJONI BIEX TINBEDA L-PROĊEDURA

(37)

Rigward in-nuqqas ta’ infurzar tad-dejn, il-Bulgarija tistqarr biss li l-Istat ġab ruħu bħalma kien jagħmel investitur privat f’ekonomija tas-suq, b’mod li mmassimizza l-possibilitajiet li jirkupra d-dejn li kellu jieħu billi jippermetti li jkun hemm ħlas lura volontarju. F’dan ir-rigward il-Bulgarija ma ressqet l-ebda argumenti ddettaljati.

V   VALUTAZZJONI

L-għajnuna nnotifkata għar-ristrutturazzjoni

(38)

Il-Bulgarija rtirat in-notifikazzjoni tal-iskedar mill-ġdid tad-dejn tar-Ruse Industry mal-Istat f’Novembru 2010. Kaġun ta’ hekk, l-invesigazzjoni formali rigward il-miżura nnotifikata ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni saret superfluwa skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (12).

In-nuqqas ta’ infurzar tad-dejn tal-passat

L-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

(39)

Il-miżura li qed tiġi vvalutata hija n-nuqqas ta’ infurzar tad-dejn skont l-iskedar mill-ġdid tal-2001.

(40)

Rigward is-sħubija tal-Bulgarija fl-UE u, għalhekk, rigward jekk dan in-nuqqas ta’ infurzar tad-dejn mill-1 ta’ Jannar 2007 ‘il quddiem jistax jikkostitwixxi għajnuna ġdida skont it-tifsira tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, il-Kummissjoni tinnota li l-fatt li l-benefiċjarju naqas milli jħallas lura s-somom dovuti skont l-iskedar mill-ġdid u l-fatt li l-Istat ma ħax azzjoni wasslu għal bidliet fl-iskopertura totali tal-Istat skont l-iskedar mill-ġdid tal-2001. Din iż-żieda fid-dejn dovut lill-Istat (i.e. in-nuqqas ta’ infurzar) tħalli l-effetti wara d-data tas-sħubija u għaldaqstant il-miżura għandha titqies bħala applikabbli wara s-sħubija u għalhekk li tikkostitwixxi għajnuna ġdida mill-Istat.

(41)

Għandu jiġi nnutat ukoll li din il-miżura mhux innotifikata ma kinitx koperta mill-Appendiċi ta’ mal-Anness V tal-Att tal-Adeżjoni tal-Bulgarija (13). B’mod aktar speċifiku, il-miżura: (a) la ddaħħlet fis-seħħ qabel il-31 ta’ Diċembru 1994, (b) la ġiet elenkata fl-Appendiċi ta’ mal-Anness V, u (c) lanqas m’ kienet koperta mill-mekkaniżmu interim li kien japplika b’rabta mas-sħubija.

(42)

B’dan l-isfond, hawn taħt il-Kummissjoni tivvaluta jekk in-nuqqas ta’ infurzar tad-dejn mill-1 ta’ Jannar 2007 ‘il quddiem jikkostitwix għajnuna ġdida skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE.

(43)

Skont l-Artikolu 107(1) TFUE, kull għajnuna ta’ kwalunkwe forma mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetittività billi tiffavorixxi lil ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti, u li tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri hija inkompatibbli mas-suq intern.

(44)

Il-miżura hija ffinanzjata mir-riżorsi tal-Istat, minħabba li twassal biex l-Istat jitlef xi dħul, u d-deċiżjonijiet li ħa l-Ministeru tal-Finanzi jikkwalifikaw bħala deċiżjonijiet diretti meħudin mill-Istat.

(45)

In-nuqqas ta’ infurzar tad-dejn għandu x’jaqsam mar-Ruse Industry individwalment u, għalhekk, huwa selettiv.

(46)

Barra minn hekk, ir-Ruse Industry hija impriża li tipproduċi affarijiet li jiġu kkummerċjalizzati liberament fl-Unjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li hawnhekk tiġi ssodisfata l-kundizzjoni li l-għajnuna trid tkun taffettwa lill-kompetizzjoni u l-kummerċ fl-Unjoni.

(47)

Il-Kummissjoni trid tivvaluta wkoll jekk il-miżura fil-forma tan-nuqqas ta’ infurzar tad-dejn tagħtix lill-kumpanija vantaġġ li kieku ma kienx ikollha fis-suq.

(48)

Kif ġie spjegat hawn fuq, id-dejn ilu li sar mill-1996-97 u diġà ġie skedat mill-ġdid darbtejn (fl-1999 u fl-2001). Rigward in-nuqqas ta’ infurzar tad-dejn skont l-iskedar mill-ġdid tal-2001 u n-nuqqas preċedenti tal-kumpanija li tissodisfa l-obbligi tagħha, l-ebda kreditur privat ma kien iġib ruħu bħalma għamel l-Istat Bulgaru. Ċertament, l-informazzjoni disponibbli turi li ma ttieħdu l-ebda passi konkreti biex id-dejn jiġi infurzat mit-30 ta’ Marzu 2006 ‘l quddiem, meta ntemm il-perjodu ta’ konċessjoni u kellhom isiru l-ewwel pagamenti tal-kapital li iżda baqgħu ma sarux. Aktar minn hekk, il-qagħda finanzjarja tal-kumpanija kienet dgħajfa (ara t-Tabella 1 iktar ‘il fuq) minħabba li rreġistrat fatturat li kien qed jonqos u telf li kien qed jiżdied, u ma kien hemm l-ebda tama li l-kumpanija terġa’ tibda tagħmel il-qligħ. Barra minn hekk, irid jiġi nnutat ukoll li avolja parti mid-dejn (BGN 1,13 miljun (14)) ġiet iggarantita bil-kollateral (15), l-awtoritajiet Bulgari xorta waħda ma ħadu l-ebda passi biex jinfurzaw dik il-parti tad-dejn.

(49)

Fil-fatt, l-awtoritajiet Bulgari ma pprovdew l-ebda ġustifikazzjoni dwar għaliex l-iskeda tal-ħlas lura ma ġietx infurzata u ma ġġustifikawx l-istqarrija tagħhom li l-istennija għal ħlas lura volontarju (fid-dawl tal-istorja li kellha l-kumpanija ta’ nuqqas ta’ ħlas tad-djun) kellha timmassimizza l-probabbiltajiet tagħhom li jirkupraw id-dejn.

(50)

F’ċirkustanzi simili, kreditur privat kien ifittex li l-ftehim jiġi infurzat. Għalhekk, in-nuqqas ta’ konformità mal-iskedar mill-ġdid tal-2001 u l-fatt li l-Bulgarija ma infurzatx id-dejn li kellha tieħu jagħtu vantaġġ lir-Ruse Industry.

Konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

(51)

Fuq il-bażi ta’ li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li n-nuqqas ta’ infurzar tad-dejn li r-Ruse Industry kellha mal-Istat jikkostitwixxi għajnuna ġdida skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE mill-1 ta’ Jannar 2007 ‘il quddiem.

Il-kumpatibiltà

(52)

Dwar il-possibbiltà li l-miżura tkun kompatibbli, għandu jiġi nnutat li l-Bulgarija ma ressqet l-ebda argumenti f’dan ir-rigward.

(53)

Anki jekk ir-Ruse Industry tikkwalifika formalment bħala kumpanija f’diffikultà skont it-tifsira tal-Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, il-kriterji għal għajnuna kompatibbli għas-salvataġġ jew għar-ristrutturazzjoni mhumiex issodisfati. B’mod aktar speċifiku, rigward l-għajnuna għas-salvataġġ, ma ntweriex li l-miżura tkun ristretta għall-minimu neċessarju, li tingħata għal raġunijiet ta’ diffikultajiet soċjali serji u li ma jkollha l-ebda effetti mifruxin negattivi eċċessivi fuq Stati Membri oħrajn. Aktar minn hekk, taqbeż is-sitt xhur. Mil-lat tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, fin-nuqqas ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni ir-restawr tal-vijabbiltà fuq tul ta’ żmien twil ma ġiex ippruvat. Barra minn dan, ma ntweriex li l-għajnuna kienet tinżamm fuq livell minimu u li kienu jiġu evitati distorsjonijiet eċċessivi tal-kompetizzjoni.

(54)

Il-kumpanija tinsab f’żona assistita skont l-Artikolu 107(3)(a) TFUE u, bħala tali, hija eliġibbli għal għajnuna reġjonali skont il-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali għall-2007-2013 (16). Il-miżura, iżda, ma tikkonforma lanqas ma’ dawn il-Linji Gwida. B’mod partikulari, rigward il-possibbiltà ta’ għajnuna operazzjonali, din l-għajnuna ma tiffaċilitax l-iżvilupp ta’ xi attivitajiet jew oqsma ekonomiċi u mhix limitata fiż-żmien, digressiva jew proporzjonata ma’ dak li hu neċessarju biex jiġu rrimedjati żvantaġġi ekonomiċi speċifiċi.

(55)

Mhuma applikabbli l-ebda raġunijiet oħra għall-kompatibbiltà. Għaldaqstant, l-għajnuna hija illegali u mhix kompatibbli mat-TFUE.

Irkupru

(56)

Skont it-TFUE u l-każistika kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni għandha l-kompetenza li tiddeċiedi li l-Istat ikkonċernat irid jabolixxi jew jibdel għajnuna li tkun sabet li hi inkompatibbli mas-suq intern (17). Il-Qorti ddeċidiet b’mod konsistenti li l-obbligu li Stat jannulla għajnuna meqjusa mill-Kummissjoni bħala inkompatibbli mas-suq intern huwa mfassal biex jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni kif kienet qabel (18). F’dan il-kuntest, skont il-Qorti dan l-għan jintlaħaq malli l-benefiċjarju jkun jħallas lura s-somom mogħtijin fil-forma ta’ għajnuna illegali, u hekk jitlef il-vantaġġ li kellu fis-suq fil-konfront tal-kompetituri tiegħu, u s-sitwazzjoni tkun treġġgħet lura għal kif kienet qabel il-ħlas tal-għajnuna (19).

(57)

B’konformità ma’ dik il-każistika, l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 stabbilixxa li ‘meta jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju’.

(58)

Għalhekk, minħabba li l-miżura inkwistjoni għandha titqies bħala għajnuna illegali u inkomptibbli, l-ammonti tal-għajnuna jridu jiġu rkuprati sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti fis-suq qabel ma ngħatat l-għajnuna. L-irkupru għandu, għalhekk, jiġi applikat miż-żmien meta ngħata l-vantaġġ lill-benefiċjarju, i.e. meta l-għajnuna tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju, u għandu jkun jinkludi l-imgħax għall-irkupru sakem ikun sar l-irkupru kollu.

(59)

L-element tal-miżuri li għandu x’jaqsam mal-għajnuna inkompatibbli jiġi kkalkulat bħala s-somma dovuta u mhux imħallsa skont l-iskedar mill-ġdid tal-2011 għall-perjodu li jibda mill-1 ta’ Jannar 2007 u jintemm fil-11 ta’ Novembru 2010, meta l-Bulgarija rreġistrat il-klejm tagħha fil-proċedura tal-falliment. F’dak iż-żmien is-somma li suppost kienet diġà tħallset kienet EUR 3,7 miljun. Is-somma preċiża li trid tiġi rkuprata, inkluż l-imgħax fuqha, trid tiġi kkalkulata mill-Bulgarija. Il-pagamenti li saru apparti mis-somom imħallsin skont il-ftehim jistgħu jitnaqqsu mis-somma li trid tinġabar lura minħabba li hi għajnuna illegali u inkompatibbli.

VI   KONKLUŻJONI

(60)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tinnota li l-Bulgarija rtirat in-notifikazzjoni dwar l-iskedar mill-ġdid innotifikat tad-dejn ta’ EUR 9,85 miljun, u b’hekk il-proċedura formali ta’ investigazzjoni saret superfluwa.

(61)

It-tieni nett, il-Kummissjoni tikkonkludi li n-nuqqas ta’ infurzar tad-dejn li r-Ruse Industry kellha mal-Istat mill-1 ta’ Jannar 2007 ‘il quddiem jikkostitwixxi għajnuna ġdida mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE.

(62)

Minħabba li din l-għajnuna mill-Istat hija illegali u inkompatibbli, trid tittieħed lura mingħand il-benefiċjarju.

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħlaq il-proċedura formali ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 108(2) TFUE rigward l-iskedar mill-ġdid innotifikat tad-dejn ta’ EUR 9,85 miljun, minħabba li l-Bulgarija rtirat in-notifikazzjoni tagħha.

Artikolu 2

L-għajnuna mill-Istat li l-Bulgarija tat illegalment lir-Ruse Industry bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE billi naqset milli tinforza d-dejn li kellu jieħu l-Istat mill-1 ta’ Jannar 2007 ‘il quddiem hija inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 3

1.   Il-Bulgarija għandha tirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 mingħand il-benefiċjarju.

2.   Fuq is-somom li jridu jiġu rkuprati għandu jiddekorri l-imgħax mill-1 ta’ Jannar 2007 sa meta jkunu ġew irkuprati kollha kemm huma.

3.   L-imgħax għandu jkun ikkalkulat fuq il-bażi ta’ imgħax kompost skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (20).

Artikolu 4

1.   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 għandu jkun immedjat u effettiv.

2.   Il-Bulgarija għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tkun implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

1.   Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, il-Bulgarija għandha tippreżenta l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

(а)

l-ammont totali (kapital u mgħax tal-irkupru) li għandu jkun irkuprat mill-benefiċjarju;

(b)

deskrizzjoni fid-dettall tal-miżuri li diġà ttieħdu u ta’ dawk li huma ppjanati biex ikun hemm konformità ma’ din id-Deċiżjoni;

(c)

dokumenti li juru li l-benefiċjarju ġie ordnat iħallas lura l-għajnuna.

2.   Il-Bulgarija għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata bil-progress tal-miżuri nazzjonali li jkunu ġew adottati biex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sakemm tiġi rkuprata l-għajnuna kollha li tissemma fl-Artikolu 2. Għandha tibgħat immedjatament, meta titlobha l-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri diġà meħuda u ppjanati biex tikkonforma ma’ din id-Deċiżjoni. Għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta’ għajnuna u l-imgħax għall-irkupru li jkunu diġà ġew irkuprati mingħand il-benefiċjarju.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)   ĠU C 187, 10.7.2010, p. 7.

(2)  B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 107 u 108, rispettivament, tat-TFUE; iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet huma, fis-sustanza, identiċi. Għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni, ir-referenzi għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE għandhom fejn xieraq jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 87 u 88, rispettivament, tat-Trattat tal-KE.

(3)  Ara n-nota 2 ta’ qiegħ il-paġna.

(4)  Fl-4 ta’ April 2009 r-reġistru kummerċjali tal-Bulgarija rreġistra l-bidla fl-isem minn Ruse Shipyard għal Ruse Industry.

(5)  Din kienet l-informazzjoni rċevuta fin-notifikazzjoni. Għandu jiġi nnutat li aktar tard il-Bulgarija qalet li l-kumpanija ma kinitx timmanifattura l-bċejjeċ tal-baħar, iżda sempliċiment partijiet tal-metall.

(6)  Ir-rata tal-kambju bejn l-EUR u l-BGN hija ffissata fl-ammont ta’ 1,9558 mill-5 ta’ Lulju 1999 ‘il quddiem minħabba s-sistema ta’ bord tal-valuta li titħaddem fil-Bulgarija.

(7)  Il-ftehim tal-15.11.1996 dwar selfa ta’ valuta barranija ta’ USD 1 402 341,08; il-ftehim tat-22.11.1996 dwar somma ta’ USD 450 131,17; u l-ftehim tas-27.1.1997 dwar il-ħlas lura tad-dejn li l-kumpanija kienet għamlet qabel, ta’ USD 6 597 658,92 (kapital) u ta’ USD 365 575,86 (imgħax pagabbli mill-1.11.1996 ‘il quddiem). Dawn id-djun kollha ġew ittrasferiti lill-Fond Statali għar-Rikostruzzjoni u għall-Iżvilupp mill-iStopanksa Banka (bank statali li falla).

(8)  L-awtoritajiet Bulgari ma indikawx ir-rata tal-kambju ta’ din it-tranżazzjoni.

(9)  i.e. id-dejn kollu li fil-bidu kien ilaħħaq it-USD 8 450 131,17, li minnhom USD 8 miljun kienu diġà ġew iddenominati mill-ġdid jew skedati mill-ġdid fit-8.4.1999.

(10)  Fl-2008 r-Ruse Industry ħallset biss parti mill-ewwel pagament li kien dovut fl-2006 (EUR 245 000). Il-pagamenti l-oħrajn qatt ma saru.

(11)   ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(12)   ĠU L 83, 27.3.1999 p. 1.

(13)   ĠU L 157, 21.6.2005, р.93.

(14)  Bejn wieħed u ieħor EUR 565 000.

(15)  Fl-2001 l-assi mwegħdin kellhom valur ta’ BGN 1,18 miljun (bejn wieħed u ieħor EUR 590 000).

(16)   ĠU C 54, 4.3.2006, p. 13.

(17)  Kawża C-70/72, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, [1973] Ġabra 813, punt 13.

(18)  Kawżi Konġunti C-278/92, C-279/92 u C-280/92 Spanja vs Il-Kummissjoni, [1994] Ġabra I-4103, punt 75.

(19)  Kawża C-75/97, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, [1999] Ġabra I-3671 punti 64-65.

(20)   ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.