16.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 319/8


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Novembru 2012

li temenda d-Deċiżjoni 2009/791/KE u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1013/UE li jawtorizzaw lill-Ġermanja u lill-Awstrija rispettivament li jkomplu japplikaw miżura ta’ deroga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

(2012/705/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

B’ittra rreġistrata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fil-5 ta’ Jannar 2012, il-Ġermanja talbet l-awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika miżura li kienet preċedentament mogħtija bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/791/KE tal-20 ta’ Ottubru 2009 li tawtorizza lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex tkompli tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikoli 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (2), li tidderoga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE li tiggverna d-dritt ta’ tnaqqis.

(2)

B’ittra rreġistrata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fis-16 ta’ April 2012, l-Awstrija talbet l-awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika miżura li kienet preċedentament mogħtija bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2009/1013/UE tat-22 ta’ Diċembru 2009 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Awstrija biex tkompli tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (3), li tidderoga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE li tiggverna d-dritt ta’ tnaqqis.

(3)

B’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra permezz tal-ittra datata l-4 ta’ April 2012 bit-talba tal-Ġermanja. Permezz ta’ ittra datata l-11 ta’ April 2012, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Ġermanja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(4)

B’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra permezz tal-ittra datata l-20 ta’ April 2012 bit-talba tal-Awstrija. Permezz tal-ittra datata t-23 ta’ April 2012, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Awstrija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(5)

Il-miżura derogatorja segwita miż-żewġ Stati Membri hija maħsuba biex teskludi kompletament it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imposta fuq oġġetti u servizzi mill-ambitu tad-dritt għat-tnaqqis meta dawn l-oġġetti u s-servizzi jintużaw f’iktar minn 90 % tal-każijiet għal raġunijiet privati ta’ persuna taxxabbli, jew tal-impjegati tagħha, jew għal raġunijiet li mhumiex ta’ negozju inġenerali.

(6)

Il-miżura tidderoga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE li tiggverna d-dritt tal-persuni taxxabbli biex inaqqsu l-VAT imposta fuq oġġetti u servizzi fornuti lilhom għall-iskop tat-tranżazzjonijiet intaxxati tagħhom. L-objettiv tal-miżura derogatorja huwa li tissimplifika l-proċedura tal-imposti u l-ġbir tal-VAT u b’hekk ikunu wkoll impeduti l-evażjoni u l-ħrib mit-taxxa. L-ammont ta’ taxxa dovut fil-livell tal-konsum finali huwa biss affettwat b’mod negliġibbli.

(7)

Skont l-informazzjoni provduta mill-Ġermanja u mill-Awstrija, is-sitwazzjoni legali u fattwali li ġġustifikat l-applikazzjoni preċedenti tal-miżura derogatorja ma nbidlitx u għadha teżisti. Il-Ġermanja u l-Awstrija għandhom għalhekk ikunu awtorizzati jkomplu japplikaw dik il-miżura matul perjodu addizzjonali, iżda limitat fiż-żmien sal-31 ta’ Diċembru 2015, sabiex jippermettu għal reviżjoni tan-neċessità u l-effikaċja tal-miżura li tidderoga u r-rata ta’ tqassim bejn l-użu għan-negozju u mhux li hija bbażata fuqu.

(8)

Fejn il-Ġermanja u l-Awstrija jikkunsidraw li estensjoni ulterjuri lil hinn mill-2015 hi meħtieġa, huma għandhom iressqu rapport dwar l-applikazzjoni tal-miżura derogatorja, li jinkludi reviżjoni tar-rata ta’ tqassim applikata, lill-Kummissjoni flimkien mat-talba għall-estensjoni sal-31 ta’ Marzu 2015 sabiex iħallu biżżejjed żmien biex il-Kummissjoni teżamina t-talba u biex, f’każ li l-Kummissjoni tressaq proposta, il-Kunsill jadottaha.

(9)

Fid-29 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni adottat proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 77/388/KEE, issa d-Direttiva 2006/112/KE, li tinkludi l-armonizzazzjoni tal-kategoriji ta’ nfiq li għalihom jistgħu japplikaw l-esklużjonijiet mid-dritt tat-tnaqqis. Il-miżura ta’ deroga prevista f’din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fid-data li fiha l-Istati Membri għandhom jew jistgħu japplikaw ir-regoli stabbiliti f’tali Direttiva emendatorja adottata mill-Kunsill wara li d-Deċiżjoni ssir effettiva, jekk dik id-data tkun qabel id-data ta’ skadenza prevista f’din id-Deċiżjoni.

(10)

Id-derogi se jkollhom biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali ta’ taxxa miġbura fl-istadju tal-konsum finali u mhux se jkollhom effetti negattivi fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jinġabru mit-taxxa fuq il-valur miżjud.

(11)

Id-Deċiżjoni 2009/791/KE u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1013/UE għandhom għalhekk jiġu emendati kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni 2009/791/KE jinbidlu b’dan li ġej:

“Artikolu 1

B’deroga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Ġermanja hija awtorizzata li teskludi n-nefqa fuq oġġetti u servizzi mid-dritt ta’ tnaqqis tal-VAT meta f’iktar minn 90 % tal-każijiet l-oġġetti u s-servizzi inkwistjoni huma użati għal raġunijiet privati tal-persuna taxxabbli, jew tal-impjegati tagħha, jew, b’mod iktar ġenerali, għal skopijiet li mhumiex ta’ negozju.

Artikolu 2

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fid-data li minnha l-Istati Membri għandhom jew jistgħu japplikaw ir-regoli tal-Unjoni li jiggvernaw ir-restrizzjonijiet fuq id-dritt tal-persuna taxxabbli għat-tnaqqis adottat mill-Kunsill wara li din id-Deċiżjoni ssir effettiva, jew fil-31 ta’ Diċembru 2015, skont liema jkun l-ewwel.

2.   Kwalunkwe talba għal estensjoni tal-miżura prevista f’din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2015.

Tali talba għandha tkun akkumpanjata minn rapport li jinkludi reviżjoni tar-restrizzjoni tar-rata ta’ tqassim applikata fuq id-dritt għal tnaqqis tal-VAT abbażi ta’ din id-Deċiżjoni.”.

Artikolu 2

L-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1013/UE jinbidlu b’dan li ġej:

“Artikolu 1

B’deroga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Awstrija hija awtorizzata li teskludi n-nefqa fuq oġġetti u servizzi mid-dritt ta’ tnaqqis tal-VAT meta f’iktar minn 90 % tal-każijiet l-oġġetti u s-servizzi inkwistjoni jintużaw għal raġunijiet privati tal-persuna taxxabbli jew tal-impjegati tagħha, jew, b’mod iktar ġenerali, għal skopijiet li mhumiex ta’ negozju.

Artikolu 2

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fid-data li minnha l-Istati Membri għandhom jew jistgħu japplikaw ir-regoli tal-Unjoni li jiggvernaw ir-restrizzjonijiet fuq id-dritt tal-persuna taxxabbli għat-tnaqqis adottat mill-Kunsill wara li din id-Deċiżjoni ssir effettiva, jew fil-31 ta’ Diċembru 2015, skont liema jkun l-ewwel.

2.   Kwalunkwe talba għal estensjoni tal-miżura prevista f’din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2015.

Tali talba għandha tkun akkumpanjata minn rapport li jinkludi reviżjoni tar-restrizzjoni tal-perċentwali applikata fuq id-dritt għal tnaqqis tal-VAT abbażi ta’ din id-Deċiżjoni.”.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2013.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u lir-Repubblika tal-Awstrija.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Novembru 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

V. SHIARLY


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 283, 30.10.2009, p. 55.

(3)  ĠU L 348, 29.12.2009, p. 21.