|
24.10.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 294/7 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tat-22 ta’ Ottubru 2012
li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiddieħed mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Laos fil-WTO
(2012/656/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 91, 100(2), u 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fl-16 ta’ Lulju 1997 il-Gvern tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Laos (il-Laos) applika għall-adeżjoni fil-Ftehim ta’ Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), skont l-Artikolu XII ta’ dan il-Ftehim. |
|
(2) |
Fil-19 ta’ Frar 1998 twaqqaf Grupp ta’ Ħidma dwar l-adeżjoni tal-Laos biex jintlaħaq ftehim dwar it-termini tal-adeżjoni aċċettabbli għal-Laos u l-Membri kollha tal-WTO. |
|
(3) |
Il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, innegozjat serje komprensiva ta’ impenji fir-rigward tal-ftuħ tas-suq min-naħa tal-Laos li jissodisfaw it-talbiet tal-Unjoni u huma skont il-livell ta’ żvilupp tal-Laos. |
|
(4) |
Dawn l-impenji huma issa inkorporati fil-Protokoll ta’ Adeżjoni tal-Laos fil-WTO. |
|
(5) |
L-adeżjoni fil-WTO hija mistennija tagħmel kontribut pożittiv u dejjiemi għall-proċess ta’ riforma ekonomika u żvilupp sostenibbli fil-Laos. |
|
(6) |
Il-Protokoll ta’ Adeżjoni għandu għalhekk jiġi approvat. |
|
(7) |
L-Artikolu XII tal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO jistipula li t-termini tal-adeżjoni għandhom jaqblu dwarhom il-Membru tal-adeżjoni u l-WTO, u li l-Konferenza Ministerjali tal-WTO tapprova t-termini tal-adeżjoni min-naħa tal-WTO. L-Artikolu IV.2 tal-Ftehim li jistabbilixxi li l-WTO jipprevedi li matul l-intervalli bejn il-laqgħat tal-Konferenza Ministerjali, il-funzjonijiet tagħha għandhom jitmexxew mill-Kunsill Ġenerali. |
|
(8) |
Għalhekk, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tieħu l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill Ġenerali tal-WTO dwar l-adeżjoni tal-Laos fil-WTO, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tieħu l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Laos fil-WTO, hija li tapprova l-adeżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-22 ta’ Ottubru 2012.
Għall-Kunsill
Il-President
S. ALETRARIS