9.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 274/30


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-5 ta’ Ottubru 2012

dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Awstralja bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2012/627/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1060/2009 tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-17 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni tat mandat lill-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli (KRET) li l-kompiti tiegħu ġew assunti mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq stabbilita fl-1 ta’ Jannar 2011 skont ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (2) (AETS), fejn talbet il-parir tagħhom fir-rigward tal-valutazzjoni teknika tal-qafas legali u superviżorju tal-Awstralja fir-rigward tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu.

(2)

Fil-parir mogħti fit-18 ta’ April 2012, l-AETS issuġġeriet li l-qafas legali u superviżorju tal-Awstralja fir-rigward tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu jista’ jitqies bħala ekwivalenti għar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

(3)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, sabiex il-qafas legali u superviżorju ta’ pajjiż terz jitqies bħala ekwivalenti għar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, jeħtieġ li jkun ivvalutat jekk ġewx issodisfati tliet kundizzjonijiet.

(4)

Skont l-ewwel kundizzjoni, l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu fil-pajjiż terz għandhom ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni jew għar-reġistrazzjoni u jkunu soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa. Il-qafas legali u regolatorju tal-Awstralja għall-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu kien introdott fl-1 ta’ Jannar 2010. Il-liġijiet u regolamenti rilevanti kollha, partikolarment l-Att dwar il-Korporazzjonijiet (2001) u l-Att dwar il-Kummissjoni Awstraljana tat-Titoli u l-Investimenti (Australian Securities and Investments Commission – ASIC) (2001), daħlu fis-seħħ. Skont dan il-qafas regolatorju, l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu għandhom ikunu rreġistrati u taħt superviżjoni fuq bażi kontinwa mill-Kummissjoni Awstraljana tat-Titoli u l-Investimenti (ASIC). Il-qafas legali u superviżorju tal-Awstralja jagħti biżżejjed setgħat lill-ASIC li jippermettu s-superviżjoni u l-infurzar effettivi tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, inkluża s-setgħa li tissanzjona s-CRAs (Credit Rating Agencies) li jiksru r-regoli applikabbli: L-ASIC tista’ tingħata l-mandat li tissekwestra kotba mhux prodotti mis-CRAs. Abbażi ta’ mandat ta’ tfittxija mogħti mill-awtorità ġudizzjarja kompetenti, l-ASIC għandha s-setgħa li tfittex fil-bini tas-CRAs. Minbarra dan, l-ASIC hija mogħtija s-setgħa mill-Att dwar il-Korporazzjonijiet li tapplika għand qorti federali għal ordnijiet biex tiġi kkanċellata l-liċenzja ta’ aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu. Wara tali kanċellazzjoni ta’ liċenzja, l-ASIC tista’ tapplika għand qorti għal ordnijiet li jipprojbixxu b’mod permanenti li CRA toħroġ klassifikazzjonijiet tal-krediti fl-Awstralja. Taħt l-Att dwar il-Korporazzjonijiet, l-ASIC tista’ tapplika għal ordnijiet biex titwaqqaf imġiba illegali minn CRA jew biex jiġu imposti multi fuqha meta tikser waħda mill-obbligi tagħha skont il-leġiżlazzjoni rilevanti dwar is-servizzi finanzjarji. Fil-ftehim ta’ kooperazzjoni konkluż bejn l-AETS u l-ASIC huwa previst skambju ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ miżuri ta’ infurzar u dawk superviżorji meħuda fil-konfront ta’ CRAs transfruntieri.

(5)

Skont it-tieni kundizzjoni, l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu fil-pajjiż terz għandhom ikunu soġġetti għar-regoli legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għal dawk stipulati mill-Artikoli 6 sa 12 u l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Il-qafas legali u superviżorju tal-Awstralja jissodisfa l-għanijiet tal-qafas regolatorju tal-UE għall-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu fir-rigward tal-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess. Il-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess hija meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Awstraljana (Att dwar l-ASIC) inkluż l-obbligu ta’ ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u rekwiżiti organizzazzjonali, partikolarment fir-rigward tal-esternalizzazzjoni, iż-żamma tar-rekords u l-kunfidenzjalità. Fir-rigward tal-governanza korporattiva, il-kundizzjonijiet ta’ liċenzja tal-ASIC jesiġu li CRA tkun organizzata b’tali mod li tiżgura li l-interess kummerċjali tagħha ma jfixkilx l-indipendenza u l-preċiżjoni tal-attivitajiet tagħha ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu. Il-qafas Awstraljan jesiġi wkoll li s-CRAs jistabbilixxu funzjoni rigoruża ta’ evalwazzjoni għal metodoloġiji ta’ klassifikazzjoni u jinkludi firxa wiesgħa ta’ rekwiżiti ta’ divulgazzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjonijiet tal-krediti u l-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni. Għaldaqstant, il-qafas legali u superviżorju tal-Awstralja jilħaq l-għanijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 fir-rigward tal-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, il-proċessi organizzazzjonali u l-proċeduri li għandhom jiġu stabbiliti mill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, il-kwalità tal-klassifikazzjonijiet u l-metodoloġiji tal-klassifikazzjonijiet, id-divulgazzjoni tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u d-divulgazzjoni ġenerali u perjodika tal-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu. Għalhekk dan jipprovdi protezzjoni ekwivalenti f’termini ta’ integrità, trasparenza, governanza tajba tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu u affidabbiltà tal-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu.

(6)

Skont it-tielet kundizzjoni, is-sistema regolatorja fil-pajjiż terz għandha tevita l-indħil mill-awtoritajiet superviżorji u awtoritajiet pubbliċi oħra ta’ dak il-pajjiż terz fil-kontenut tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u fil-metodoloġiji. Kwalunkwe ndħil bħal dan fil-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u l-metodoloġiji ta’ klassifikazzjoni jmorru kontra l-għanijiet tal-Kapitolu 7 tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet tal-Awstralja tal-2001 u l-għanijiet tal-ASIC. La l-ASIC u lanqas xi awtorità pubbika oħra ma tista’ tingħatalhom is-setgħa li jindaħlu fil-kontenut tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu jew il-metodoloġiji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu,

(7)

Fl-isfond tal-fatturi eżaminati, il-kundizzjonijiet stipulati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jistgħu jitqiesu li huma ssodisfati mill-qafas legali u superviżorju tal-Awstralja għall-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu. Għaldaqstant, il-qafas legali u superviżorju tal-Awstralja għall-aġenziji ta’ klassifikazjoni tal-kreditu għandu jitqies bħala ekwivalenti għall-qafas legali u superviżorju stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-AETS, se tkompli timmonitorja l-evoluzzjoni tal-qafas legali u superviżorju tal-Awstralja għall-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu u l-issodisfar tal-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom ittieħdet din id-deċiżjoni.

(8)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma bi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, il-qafas legali u superviżorju tal-Awstralja għall-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, għandu jitqies bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Ottubru 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1.

(2)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.