12.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 279/1


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-20 ta’ Diċembru 2011

dwar l-għajnuna mill-Istat Nru C 25/08 (ex NN 23/08) riforma tal-mod ta’ finanzjament tal-pensjonijiet tal-uffiċjali tal-Istat li jaħdmu ma’ France Télécom imwettqa mir-Repubblika Franċiża favur France Télécom

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 9403)

(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2012/540/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 108(2), l-ewwel subparagrafu (1),

Wara li kkunsidrat il-ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) (2),

Wara li stiednet lill-partijiet interessati jressqu l-kummenti tagħhom (3) skont l-Artikoli msemmija u wara li kkunsidrat dawn il-kummenti,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Permezz ta’ lment bid-data tal-4 ta’ Ottubru 2002 finalizzat fis-16 ta’ Jannar 2003, il-Kummissjoni rċeviet allegazzjonijiet li skonthom ir-Repubblika Franċiża kienet tat għajnuna favur France Télécom li naqqset parzjalment l-obbligi finanzjarji tagħha, l-aktar dawk marbuta mal-finanzjament tal-pensjonijiet. Permezz ta’ ittra datata s-17 ta’ Marzu 2004, ir-Repubblika Franċiża kkomunikat lill-Kummissjoni l-informazzjoni li din kienet talbet dwar l-ilment.

(2)

Permezz ta’ ittri datati t-2 ta’ April 2004 u l-24 ta’ Frar 2006, dawk li ressqu l-ilment taw informazzjoni supplimentari dwar l-ilment.

(3)

Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni nfurmat lir-Repubblika Franċiża bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) fir-rigward ta’ din l-għajnuna.

(4)

Ir-Repubblika Franċiża ppreżentat il-kummenti tagħha fit-18 ta’ Lulju 2008.

(5)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (4). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar l-għajnuna inkwistjoni.

(6)

Fit-22 ta’ Settembru 2008, il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn għand France Télécom u, wara estensjoni tal-iskadenza, irċeviet il-kummenti ta’ min ressaq l-ilment u ta’ operatur tat-telekomunikazzjoni fl-1 u s-16 ta’ Ottubru 2008, rispettivament. Imbagħad il-Kummissjoni bagħtithom lir-Repubblika Franċiża filwaqt li tatha l-possibilità li tagħti l-kummenti tagħha, u rċeviet il-kummentarji tar-Repubblika Franċiża f’ittra bid-data tat-13 ta’ Frar 2009.

(7)

Fis-16 ta’ Frar 2009, France Télécom ippreżentat kummenti li ġibdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal Sentenza tal-Qorti tat-28 ta’ Novembru 2008 (5) li, skont din, tikkonferma l-argumenti tagħha. Fl-14 ta’ Mejju 2009, l-operatur tat-telekomunikazzjoni imsemmi fil-Premessa (6) ippreżenta informazzjoni supplimentari b’rabta mal-kummenti tiegħu li qegħdin fil-fażi tal-proċedura, u rrefera għal Deċiżjoni tal-Kummissjoni datata l-11 ta’ Frar 2009 (6) li, skont hu, issaħħaħ il-kummenti tiegħu.

(8)

Saru laqgħat bejn ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u ta’ France Télécom, fuq talba ta’ din tal-aħħar, fis-17 ta’ Diċembru 2009, it-23 ta’ Settembru 2010 u t-12 ta’ Ottubru 2010. France Télécom bagħtet kummenti supplimentari fit-18 ta’ Ottubru 2010.

(9)

Fit-18 ta’ Marzu 2010, fuq talba tal-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża tat speċifikazzjonijiet u aġġornament ta’ ċerta dejta li tinsab fil-kummenti inizjali tagħha, li akkumpanjat bi tfakkira tal-kontenut tagħhom.

(10)

Fit-22 ta’ Settembru 2010, l-awtoritajiet Franċiżi infurmaw lill-Kummissjoni b’kummenti ġodda u talbu li ssir laqgħa, li saret fit-22 ta’ Ottubru 2010. Permezz ta’ ittra datata t-28 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni bagħtitilhom dettalji fattwali ppreżentati waqt din il-laqgħa u l-kummenti supplimentari ta’ France Télécom u stiednet lir-Repubblika Franċiża tifformula l-kummenti possibbli tagħha. Fis-17 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni bagħtet dettalji supplimentari mitluba mill-awtoritajiet Franċiżi biex iħejju l-kummenti tagħhom fl-10 ta’ Novembru 2010.

(11)

Permezz ta’ ittra datata d-9 ta’ Diċembru 2010, iffinalizzata fl-24 ta’ Ġunju 2011, ir-Repubblika Franċiża bagħtet il-kummenti supplimentari tagħha, akkumpanjati b’aġġornament ta’ ċerta dejta li tinsab fil-kummenti inizjali tagħha. Saru laqgħat mal-awtoritajiet Franċiżi fit-28 ta’ Ġunju u l-4 ta’ Lulju 2011. Ġew ippreżentati kummenti ġodda fis-7 ta’ Ottubru 2011.

2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-GĦAJNUNA

(12)

Il-miżuri soġġetti għal din il-proċedura jikkonsistu fil-bidliet introdotti fl-1996 fl-iskema tal-obbligi fir-responsabbiltà tal-impriża France Télécom fir-rigward tal-ħlas tal-pensjonijiet tal-persunal tagħha bl-istatus ta’ uffiċjal. L-iskema preċedenti kienet ġiet stabbilita mat-twaqqif fl-1990 ta’ France Télécom bħala impriża indipendenti mill-amministrazzjoni tal-Istat. Fil-fatt, il-Liġi tal-1990 adottat il-prattika preċedenti fir-rigward tal-obbligi soċjali ta’ France Télécom. Iddaħħlet skema ġdida fl-1996 minn naħa meta France Télécom twaqqfet bħala kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata, meta ġiet offruta fis-suq u meta nfetħet parti akbar tal-kapital tagħha, u min-naħa l-oħra, mal-ftuħ totali għall-kompetizzjoni tas-swieq fejn kienet topera, fi Franza u fl-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea. L-iskema introdotta fl-1996 essenzjalment għadha fis-seħħ, bħalissa.

2.1.   Il-qafas legali tal-istatus ta’ France Télécom u tal-persunal tagħha bejn l-1990 u l-1996

2.1.1.   Status ta’ France Télécom u sitwazzjoni tal-persunal tagħha bejn l-1990 u l-1996

(13)

Skont il-Liġi Nru 90-568 tat-2 ta’ Lulju 1990 (minn hawn ‘il quddiem “il-Liġi tal-1990”) (7), France Télécom twaqqfet bħala operatur pubbliku b’personalità ġuridika. Qabel, kienet tifforma Direttorat Ġenerali tal-Ministeru tal-Posta u t-Telekomunikazzjoni. Permezz ta’ din l-istess Liġi, is-sjieda sħiħa tal-assi mobbli u immobbli tal-Istat marbuta mas-servizzi li jaqgħu taħt dan id-Direttorat Ġenerali ġiet trasferita ipso jure u mingħajr ħlas lil France Télécom.

(14)

L-Artikolu 3 tal-Liġi tal-1990 jagħti partikolarment il-missjoni lil France Télécom:(i) li tiżgura s-servizzi pubbliċi tat-telekomunikazzjoni kollha fir-relazzjonijiet interni u internazzjonali; (ii) li tistabbilixxi, tiżviluppa u topera n-netwerks pubbliċi meħtieġa għall-provvista ta’ dawn is-servizzi u tiżgura l-konnessjoni tagħhom man-netwerks barranin; (iii) li tipprovdi s-servizzi, is-sistemi u n-netwerks tat-telekomunikazzjoni l-oħra kollha, kif ukoll li tistabbilixxi netwerks li jiddistribwixxu bil-kejbil servizzi ta’ xandir tal-awdjo jew tat-televiżjoni.

(15)

Skont l-Artikolu 29 tal-Liġi tal-1990, il-persunal ta’ France Télécom igawdi minn status partikolari, b’applikazzjoni tal-Liġi li tistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-uffiċjali pubbliċi u tal-Liġi li tintroduċi dispożizzjonijiet statutorji dwar il-funzjoni pubblika tal-Istat. Il-Liġi tal-1990 kienet tippermetti l-impjieg ta’ uffiċjali kuntrattwali taħt l-iskema ta’ ftehimiet kollettivi fil-qafas speċifikat minn ftehim legali milħuq bejn l-Istat u l-impriża. Dan kien jipprevedi limitu ta’ 3 % tal-persunal għal dan it-tip ta’ reklutaġġ.

(16)

Bl-insegwiment tal-prattika baġitarja preċedenti, il-Liġi tal-1990 kienet tistabbilixxi fl-Artikolu 30 tagħha t-tqassim tar-responsabbiltajiet relatati mal-finanzjament tas-servizzi soċjali tal-persunal bejn l-Istat Franċiż u France Télécom, kif ġej:

“L-impjegati attivi u rtirati tal-Ministeru tal-Posta u t-Telekomunikazzjoni u dawk tal-operaturi pubbliċi li jaqgħu fl-istatus ġenerali ta’ uffiċjali tal-Istat, kif ukoll id-dipendenti tagħhom, jibbenefikaw minn servizzi ta’ assigurazzjoni medika, tal-maternità u tal-invalidità, permezz tal-assigurazzjoni ġenerali tal-P.T.T. skont il-kundizzjonijiet previsti fil-Ktieb III u fil-Kapitolu II tal-Ewwel Titolu tal-Volum VII tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali. Madankollu, il-parti tal-kontribuzzjoni dovuta mill-Istat skont l-Artikolu L. 712-9 għandha tkun ir-responsabbiltà tal-operaturi pubbliċi għall-uffiċjali tagħhom

Il-likwidazzjoni u l-ħlas tal-pensjonijiet allokati, b’applikazzjoni tal-kodiċi tal-pensjonijiet ċivili u militari, għall-uffiċjali ta’ La Poste u ta’ France Télécom għandhom isiru mill-Istat. Bħala kumpens, l-operaturi pubbliċi huma obbligati li jħallsu lit-Teżor:

(a)

L-ammont li jitnaqqas mill-paga tal-uffiċjal, li r-rata hi stabbilita mill-Artikolu L. 61 tal-kodiċi tal-pensjonijiet ċivili u militari;

(b)

Kontribuzzjoni supplimentari li tippermetti t-teħid tar-responsabbiltà kollha tal-ispejjeż tal-pensjonijiet mogħtija u li għandhom jingħataw lill-uffiċjali rtirati.

L-obbligi li jirriżultaw mill-applikazzjoni għall-uffiċjali ta’ La Poste u ta’ France Télécom tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 134-1 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali li jaqgħu kollha fuq l-operaturi pubbliċi.

Digriet tal-Kunsill tal-Istat jistabbilixxi, jekk ikun meħtieġ, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet”.

(17)

Bejn l-1991 u l-1996, b’applikazzjoni tal-Artikolu 30 tal-Liġi tal-1990, il-kontribuzzjoni ta’ “min iħaddem” (jiġifieri l-kontribuzzjoni supplimentari, imsemmija fil-Punt b) tal-Artikolu 30 tal-Liġi tal-1990 fl-abbozz inizjali tagħha) li kienet tirregola lil France Télécom fir-rigward tal-impjieg tal-uffiċjali tagħha, kienet stabbilita skont id-differenza bejn l-ammont totali tal-pensjonijiet imħallsa mill-Istat Franċiż u l-parti mħallsa mill-uffiċjali impjegati fuq il-pagi tagħhom. France Télécom ipparteċipat ukoll fl-iskemi msejħa ta’ “kumpens” u ta’ “kumpens żejjed”, li jipprevedu trasferimenti bil-għan li jiżguraw il-bilanċ bejn l-iskemi tal-irtirar ta’ uffiċjali ta’ entitajiet pubbliċi oħra. Il-parti tas-salarju għall-finanzjament tal-obbligi tal-pensjoni tal-uffiċjali ġiet iffissata b’applikazzjoni tal-Artikolu L 61 tal-Kodiċi tal-Pensjonijiet Ċivili u Militari permezz ta’ ammont imnaqqas mill-paga tal-uffiċjal, stabbilit għal 7,85 % tal-paga grossa skont il-grad.

(18)

Il-pagamenti ta’ France Télécom għolew minn EUR 920 miljun għal EUR 1 151 miljun bejn l-1991 u l-1996 u saru kif ġej:

Tabella 1

Kontribuzzjonijiet tal-pensjoni tal-impjegati u ta’ min iħaddem ta’ France Télécom 1991-96  (8)

(miljuni ta’ EUR)

 

1991

1992

1993

1994

1995

1996

A/Pensjonijiet totali mħallsa

939

983

1 070

1 079

1 173

1 214

a 1/kontribuzzjonijiet tal-impjegati

195

201

217

213

229

238

a 2/kontribuzzjoni ta’ min iħaddem

743

782

853

866

944

976

B/Spiża kompensatorja

176

188

277

136

201

175

Spejjeż totali (A + B)

1 115

1 171

1 348

1 215

1 375

1 389

Parti totali ta’ France Télécom (a2 + B)

920

970

1 131

1 002

1 146

1 151

(19)

France Télécom kienet iddaħħal fil-kontijiet l-ispejjeż marbuta mal-pensjonijiet abbażi tal-kontribuzzjonijiet imħallsa. Minħabba n-natura ċerta taż-żieda f’dawn l-ispejjeż, meta titqies l-evoluzzjoni prevedibbli tal-pensjonijiet li jkollhom jitħallsu lill-ex-uffiċjali tagħha, France Télécom kienet iddaħħal ukoll fil-kontijiet tagħha provvediment annwali maħsub biex tifrex l-effett maħsub taż-żidiet futuri tal-pagamenti fuq perjodu ta’ 30 sena. L-ammont totali tal-provvediment li sar sal-1996 kien ta’ FRF 23,4 biljun (EUR 3,6 biljun). Skont l-awtoritajiet Franċiżi, billi l-Istat Franċiż huwa l-assiguratur tiegħu stess, min-naħa tiegħu ma waqqafx riżervi għal dawn il-pensjonijiet (9).

2.1.2.   L-emendi li saru fl-istatut ta’ France Télécom u l-pożizzjoni tal-uffiċjali tagħha mill-1996

L-istatuti tal-kumpanija France Télécom

(20)

Il-Liġi Nru 96-660 tas-26 ta’ Lulju 1996 (10) (minn hawn ‘il quddiem “il-Liġi tal-1996”) emendat ċerti dispożizzjonijiet fil-Liġi tal-1990. B’effett mill-31 ta’ Diċembru 1996, minn naħa din tat lil France Télécom it-titolu ta’ impriża nazzjonali soġġetta għad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi applikabbli għall-kumpaniji pubbliċi bir-responsabbiltà limitata, sakemm dawn ma jmorrux kontra l-liġi u, min-naħa l-oħra, ittrasferiet mingħajr ħlas il-parti essenzjali tal-assi, id-drittijiet u l-obbligi tal-persuna ġuridika rregolata bil-liġi pubblika France Télécom lill-impriża nazzjonali France Télécom.

(21)

Il-kapital tal-impriża France Télécom SA (“France Télécom”) ġie stabbilit permezz ta’ Digriet għal FRF 25 biljun (EUR 3,8 biljun) mill-fondi proprji li jidhru fil-karta tal-bilanċ fil-31 ta’ Diċembru 1995. L-ishma ta’ France Télécom f’Ottubru 1997 tqiegħdu fis-suq ewlieni tal-Bourse de Paris kif ukoll fin-New York Stock Exchange (NYSE). Skont ir-rapport annwali tal-1998, il-kapital ta’ France Télécom kien maqsum bejn l-Istat b’63,6 %, l-investituri privati b’31,2 %, il-persunal ta’ France Télécom b’3,2 % u Deutsche Telekom b’2 %. Mis-7 ta’ Settembru 2004, biċ-ċessjoni ta’ 10,85 % tal-kapital, il-parteċipazzjoni tal-Istat Franċiż ma baqgħetx tikkontrolla. Wara, din il-parti kompliet tonqos u saret 26,65 % tal-kapital sal-31 ta’ Diċembru 2008. Madankollu, b’26,65 % tad-drittijiet tal-votazzjoni u fin-nuqqas ta’ blokki oħra ta’ azzjonisti sinifikanti, l-Istat Franċiż jaħtar il-President-Direttur-Ġenerali, jibqa’ l-azzjonist ewlieni ta’ France Télécom u fil-prattika jista’ jiddetermina r-riżultat tal-vot tal-azzjonisti dwar il-kwistjonijiet li jeħtieġu maġġoranza sempliċi (11).

L-istatuti u r-reklutaġġ tal-persunal tal-kumpanija France Télécom

(22)

It-tibdil fl-istatut ta’ France Télécom previst mil-Liġi tal-1996 kien jinkludi wkoll diversi dispożizzjonijiet dwar il-persunal tagħha. Skont din il-Liġi, il-korp ta’ uffiċjali ta’ France Télécom hu marbut mal-impriża nazzjonali France Télécom u jaqa’ taħt it-tmexxija ta’ din tal-aħħar. Il-persunal bi status ta’ uffiċjal kien iżomm dan l-istatus u l-garanziji marbuta miegħu. Il-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-uffiċjali marbuta ma’ France Télécom huma identiċi għal dawk tal-uffiċjali statali: huma jgawdu mill-garanzija tal-impjieg u ma jistgħux jitkeċċew ħlief għal raġuni serja, fil-każijiet speċifikati mil-liġi. Fir-rigward tar-reklutaġġ ta’ persunal ġdid, il-Liġi tal-1996 kienet tippermetti lil France Télécom tkompli bir-reklutaġġ ta’ uffiċjali sal-1 ta’ Jannar 2002, filwaqt li kienet tippermettilha timpjega uffiċjali kuntrattwali taħt l-iskema tal-ftehimiet kollettivi.

(23)

Fil-31 ta’ Diċembru 1996, France Télécom kienet timpjega 165 200 persuna, li 94,1 % minnhom kienu uffiċjali. Fil-fatt, mingħajr ma stenniet l-iskadenza tal-1 ta’ Jannar 2002 stabbilita bil-Liġi tal-1996, France Télécom waqfet tirrekluta uffiċjali fl-1997. Bħala konsegwenza, in-numru ta’ uffiċjali naqas b’47 % f’għaxar snin, u niżel minn 133 434 uffiċjal fl-1997 għal 69 892 uffiċjal fl-2007. Dan it-tnaqqis hu b’mod ċar akbar minn dak tal-persunal totali ta’ France Télécom (-25 %) li kellha 124 166 impjegat fil-31 ta’ Diċembru 2007.

Il-kontribuzzjonijiet ta’ min iħaddem għall-pensjonijiet tal-kumpanija France Télécom

(24)

L-Artikolu 6 tal-Liġi tal-1996 emenda wkoll l-Artikolu 30 tal-Liġi tal-1990 billi żied żewġ paragrafi c) u d) mat-test oriġinali. Il-Liġi timponi fuq France Télécom li tħallas lit-Teżor, bħala kumpens tal-likwidazzjoni u l-ħlas mill-Istat tal-pensjonijiet allokati għall-uffiċjali ta’ France Télécom:

“(c)

[…], kontribuzzjoni ta’ min iħaddem ta’ natura liberatorja, dovuta mill-1 ta’ Jannar 1997, proporzjonalment mas-somom imħallsa bħala kumpens imnaqqas għall-pensjoni. Ir-rata tal-kontribuzzjoni liberatorja tiġi kkalkolata b’mod li jsiru ugwali l-livelli tal-obbligi soċjali u fiskali obbligatorji fuq is-salarji bejn France Télécom u l-impriżi l-oħra fis-settur tat-telekomunikazzjoni li jaqgħu taħt il-liġi komuni tas-servizzi soċjali, għal dawk ir-riskji komuni għall-impjegati skont il-liġi komuni u għall-uffiċjali tal-Istat. Din ir-rata tista’ tkun soġġetta għal reviżjoni f’każ ta’ modifika tal-imsemmija obbligi. Il-metodi għad-determinazzjoni u għall-ħlas lill-Istat tal-kontribuzzjoni ta’ min iħaddem jiġu ffissati permezz ta’ Digriet fil-Kunsill tal-Istat;

(d)

[…], kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali, li l-ammont u l-metodi tal-ħlas tagħha għandhom jiġu ffissati skont il-Liġi tal-Finanzi qabel il-31 ta’ Diċembru 1996”.

(25)

Il-Liġi tal-1996 eskludiet ukoll lil France Télécom mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu tal-kumpensi tax-xjuħija ġeneralizzata u speċifika previsti mil-Liġi tal-1990 u li jirriżultaw, għal France Télécom, fil-ħlas ta’ kumpensi u kumpensi żejda addizzjonali għall-kontribuzzjoni ta’ min iħaddem, elenkati fit-Tabella 1. Bejn l-1991 u l-1996, l-ammonti mħallsa għal dan il-għan kienu jirrappreżentaw 18 % tal-pensjonijiet imħallsa lill-uffiċjali.

(26)

Il-kontribuzzjoni ta’ min iħaddem ta’ natura liberatorja implimentata bil-Liġi tal-1996 tissostitwixxi l-kontribuzzjoni supplimentari prevista fil-punt b) tal-Artikolu 30 tal-Liġi tal-1990. Din il-kontribuzzjoni hi bbażata fuq rata ta’ ekwità kompetittiva bbażata fuq ibbilanċjar tal-livell tal-kontribuzzjonijiet soċjali u fiskali obbligatorji għal salarju nett ugwali. Il-metodu ta’ bbilanċjar hu bbażat fuq rikostruzzjoni ta’ x’ikun l-ammont tal-ispejjeż ta’ kompetitur li jħaddem impjegati soġġetti għal-liġi komuni tal-kontribuzzjonijiet soċjali, inklużi l-pensjonijiet, billi jiżguralhom salarju nett ugwali għal dak tal-uffiċjali ta’ France Télécom bi struttura ta’ impjieg identika.

(27)

Il-metodu jeskludi l-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-kompetituri biex jiżguraw ir-riskji mhux komuni għall-impjegati u għall-uffiċjali, l-aktar il-qgħad u d-djun tal-impjegati f’każ ta’ rimedju ġudizzjarju jew likwidazzjoni tal-impriża (minn hawn ‘il quddiem “Assurance Garantie des Salaires” (Assigurazzjoni Garanzija tas-Salarji) jew “AGS”). Meta ġiet ivvutata l-Liġi tal-1996, din id-differenza bejn France Télécom u l-kompetituri tagħha ġiet osservata mil-leġiżlatur, li stqarr li: “il-lakuna fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tippermetti lil France Télécom tinħeles mill-kontribuzzjonijiet UNEDIC li jkollhom iħallsu l-kompetituri potenzjali tagħha” (12).

(28)

Il-kontribuzzjoni ta’ min iħaddem ta’ France Télécom, ikkalkulata mill-ġdid kull sena, tingħata bħala perċentwali tas-salarji grossi skont il-grad tal-uffiċjali fis-servizz. Ir-rata ta’ din il-kontribuzzjoni ta’ min iħaddem fil-medja kienet ta’ […] (*1) % bejn l-1997 u l-2010 u hija stabbilita kif indikata fit-Tabella 2, skont il-kummenti tar-Repubblika Franċiża.

Tabella 2

Kontribuzzjoni ta’ min iħaddem ta’ natura liberatorja mħallsa minn France Télécom bejn l-1997 u l-2010

Sena

Rata tal-kontribuzzjoni

Miljuni ta’ EUR

1997

36,20  %

1 088,9

1998

35,40  %

1 069,6

1999

36,70  %

1 108,5

2000

36,40  %

1 085,0

2001

37,00  %

1 088,6

2002

37,70  %

1 100,1

2003

37,60  %

1 085,0

2004

[…] %

1 048,6

2005

[…] %

984,6

2006

[…] %

957,6

2007

[…] %

917,6

2008

[…] %

859,2

2009

[…] %

805,4

2010

[…] %

744,5

(29)

Il-waqfien mir-reklutaġġ tal-uffiċjali mill-1997 illimita l-persunal tal-uffiċjali attivi ta’ France Télécom. Minkejja rtirar ta’ parti dejjem tikber tal-persunal tal-uffiċjali bejn l-1991 u l-2010, it-tabella turi li l-kontribuzzjoni ta’ min iħaddem ta’ EUR 744 miljun imħallsa minn France Télécom fl-2010 kienet inqas mill-EUR 407 miljun għall-obbligi tal-pensjonijiet li l-impriża kienet tħallas lill-Istat Franċiż qabel id-dħul fis-seħħ tar-riforma tal-1996 u kienet ekwivalenti biss għall-kontribuzzjoni ta’ min iħaddem li France Télécom kienet tħallas 20 sena qabel fl-1991 (EUR 1 151 miljun u EUR 743 miljun rispettivament, ara t-Tabella 1).

(30)

Ir-riforma introdotta bil-Liġi tal-1996 għalhekk irriżultat li l-ammont tal-kontribuzzjoni ta’ France Télécom qed jonqos fil-valur assolut u ma għadux marbut man-numru ta’ uffiċjali rtirati. It-trasferiment tal-obbligi lill-Istat introdott bil-Liġi tal-1996 sar meta t-tbassir mill-Istat kien qed jipprevedi żieda sinifikanti fl-ispiża tal-pensjonijiet mill-2005, li kienet se togħla minn FRF 13 biljun (EUR 1,98 biljun) fl-2007, FRF 21,5 biljun (EUR 3,3 biljun) fl-2017 u FRF 34 biljun (EUR 6,1 biljun) fl-2027 (13).

(31)

Għalhekk, id-diskussjonijiet dwar l-abbozz tal-liġi fl-Assemblea Nazzjonali u fis-Senat isemmu ammont ta’ FRF 250 biljun f’trasferiment ta’ obbligi ta’ pensjonijiet lejn il-baġit tal-Istat, li ma kinux se jiġu koperti minn FRF 100 miljun f’kontribuzzjonijiet annwali u FRF 40 biljun f’kontribuzzjoni eċċezzjonali, anke biż-żieda tal-waqfien ta’ parti mill-attivitajiet tal-impriża. L-istess diskussjonijiet urew ammont stmat massimu ta’ FRF 40 biljun f’kontribuzzjoni eċċezzjonali biex titnaqqas l-importanza tal-obbligu ġdid u peżanti għall-Istat. Dan l-ammont ġie ffissat fuq parir minn bankiera sabiex jiġi kontabilizzat ma’ proporzjon ta’ dejn fuq fondi proprji ta’ 150 % u sabiex jikkorrispondi mal-provvedimenti għall-pensjonijiet stabbiliti mill-impriża u miżjuda għall-Istat, għal għaxar snin, u għaxar snin biss, li jirriżulta mid-differenza bejn il-pensjonijiet imħallsa u l-kontribuzzjoni liberatorja li jkollha titħallas minn dakinhar (14).

(32)

L-għan tal-kumpens mill-Istat jissemma, mhux biss fit-titolu tal-Artikolu 30 tal-Liġi vvutata mil-leġiżlatur u waqt id-diskussjonijiet dwar l-abbozz tal-Liġi tal-1996, imma anke fir-Rapport annwali ta’ France Télécom għall-1997, li jsemmi l-“ħlas mill-Istat Franċiż ta’ kontribuzzjoni eċċezzjonali ta’ FRF 37,5 biljun b’rabta mal-pensjonijiet futuri tal-ex uffiċjali” (15). Il-provvedimenti stabbiliti minn France Télécom ippermettew lil France Télécom tnaqqas il-finanzjament nett li għandha tagħti billi hi llimitat ruħha li tħallas, f’sena waħda, l-ispejjeż żejda għall-Istat fuq għaxar snin li rriżultaw mir-riforma.

(33)

B’hekk jidher li l-provvediment maħsub biex jifrex l-effett taż-żidiet futuri fil-kontribuzzjonijiet li jirriżultaw mil-Liġi tal-1990, li France Télécom kienet stabbilixxiet kull sena għal ammont kumulat ta’ FRF 23,4 biljun (EUR 3,6 biljun) fl-1996, ġiet ikkunsidrata għall-iffissar tal-ammont tal-kontribuzzjoni eċċezzjonali (jew “aġġustament”). Il-parti ta’ din il-kontribuzzjoni li ma tikkorrispondix għall-provvedimenti stabbiliti kienet tkopri din iż-żieda fl-ispejjeż għal perjodu ta’ għaxar snin. L-ammont ta’ din ġie stabbilit billi tqies l-ammont li diġà kien hemm provvediment għalih mill-impriża kif jirriżulta bla dubju mid-diskussjonijiet li saru dak iż-żmien.

(34)

Fil-fatt, minħabba n-natura liberatorja tal-kontribuzzjoni annwali ta’ min iħaddem introdotta bil-Liġi tal-1996, l-obbligu ta’ France Télécom minn dakinhar huwa limitat għall-ħlas ta’ din il-kontribuzzjoni, mingħajr ebda impenn ieħor ta’ kopertura tal-iżbilanċi futuri possibbli la fis-sistema ta’ pensjonijiet tal-uffiċjali tagħha u lanqas f’sistemi oħra tas-servizz pubbliku. Il-provvediment kontabbli għalhekk sar mhux applikabbli b’riżultat tal-Liġi tal-1996. Il-provvediment reġa’ ddaħħal bi profitt fil-kont tar-riżultat ta’ France Télécom fil-31 ta’ Diċembru 1996, għal valur ta’ FRF 17,5 biljun (EUR 2,7 biljun) fir-riżultat nett (16).

(35)

Barra minn hekk, l-ammont tal-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali prevista mil-Liġi tal-1996 bħala kumpens għal-likwidazzjoni u għall-ħlas mill-Istat tal-pensjonijiet allokati għall-uffiċjali ta’ France Télécom ġie ffissat għal FRF 37,5 biljun bil-Liġi dwar il-Finanzi għall-1997, jiġifieri EUR 5,71 biljun. Dan ġie ffinanzjat permezz ta’ żieda fid-dejn tal-impriża fuq perjodu qasir u fit-tul (17) u tħallas f’bosta pagamenti bejn Jannar u Ottubru tal-1997. Id-dħul minn din il-kontribuzzjoni eċċezzjonali ppermetta li l-iżbilanċ tal-amministrazzjoni pubblika Franċiża jonqos għal EUR 41,8 biljun fl-1997. Mingħajrha, l-iżbilanċ kien jirrappreżenta 3,7 % tal-PDG din is-sena.

(36)

Id-dħul minn din il-kontribuzzjoni ġie allokat għall-Istabbiliment Pubbliku tal-Ġestjoni tal-Kontribuzzjoni Eċċezzjonali ta’ France Télécom imwaqqaf skont il-Liġi tal-Finanzi għall-1997. Il-kontribuzzjoni eċċezzjonali tikkonsisti, flimkien mal-prodotti finanzjarji li tista’ tiġġenera, l-uniku dħul tal-istabbiliment. L-ispejjeż tagħha huma f’forma ta’ ħlas lura annwali fil-baġit tal-Istat, li ilu jiġi allokat fid-dħul mill-2006 fil-kont ta’ attribuzzjoni speċjali tal-pensjonijiet għall-pensjonijiet ċivili u militari tal-Istat. Dan il-ħlas ġie ffissat għal FRF 1 biljun (EUR 152,4 miljun) għall-1997, li mbagħad jiżdied b’10 % kull sena, sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni speċifika kuntrarja fil-Liġi tal-Finanzi. Il-ħajja tal-istabbiliment pubbliku tintemm wara l-ħlas lura kollu tad-dħul tiegħu lill-Istat (18).

(37)

L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet previsti mil-Liġi tal-Finanzi għall-1997 li jistabbilixxu l-ħlasijiet annwali wasslu biex id-dewmien tal-ħajja tal-istabbiliment pubbliku jiġi stmat għal 17-il sena fl-1999, bla rimunerazzjoni fil-likwidità (19). Madankollu, minħabba l-ħlasijiet annwali akbar minn dawk previsti mil-Liġi tal-Finanzi tal-1997, dan id-dewmien tqassar. Kif elenkat fit-Tabella 3, l-ammont akkumulat tal-pagamenti annwali mill-istabbiliment kien diġà jammonta għal EUR 5,47 biljun fl-2010. L-għeluq tal-istabbiliment minħabba l-ħlas lura totali tar-riżorsi disponibbli kien previst għall-31 ta’ Diċembru 2011 (20). Għalhekk, il-Liġi tal-Finanzi għall-2011 tipprevedi ħlas ta’ EUR 243 miljun lill-kont ta’ attribuzzjoni speċjali tal-pensjonijiet għal din is-sena, li għandu jirregolarizza l-kontijiet tal-istabbiliment (21).

(38)

Fi kwalunkwe każ, l-ammont tal-kontribuzzjoni eċċezzjonali ta’ FRF 37,5 biljun allokat għall-Istabbiliment Pubbliku tal-Ġestjoni tal-Kontribuzzjoni Eċċezzjonali ta’ France Télécom fl-1997 huwa ekwivalenti għall-ammont tal-kontribuzzjoni, anqas minn FRF 40 biljun, imsemmi waqt id-diskussjoni dwar l-abbozz tal-Liġi tal-1996. Minkejja li din ġiet inkluża fil-baġit tal-Istat tal-1997 u kull sena tipprovdi l-fondi lil dan tal-aħħar għall-pensjonijiet ċivili u militari, l-ammont ta’ din il-kontribuzzjoni ġie ffissat sabiex jikkumpensa ż-żieda li rriżultat għall-Istat bl-applikazzjoni tal-Liġi tal-1996.

(39)

Il-parti tas-salarju għall-finanzjament tal-obbligi tal-pensjoni tal-uffiċċjali ffissata b’applikazzjoni tal-Artikolu L 61 tal-Kodiċi tal-pensjonijiet tal-irtirar ċivili u militari mit-twaqqif tal-impriża pubblika France Télécom fl-1991 ma ġietx modifikata bil-Liġi tal-1996. Barra minn hekk, il-liġijiet tal-1990 u l-1996 ma mmodifikawx l-iskema tal-irtirar tal-uffiċjali rregolati bil-liġi privata ta’ France Télécom, li hi dik tal-liġi komuni tas-sigurtà soċjali għall-assigurazzjoni tal-pensjoni tal-irtirar, issupplimentata bl-iskema tal-AGIRC (l-Assoċjazzjoni Ġenerali tal-Istituzzjonijiet tal-Pensjonijiet għall-Persunal Maniġerjali) għall-persunal eżekuttiv u bl-iskema tal-ARRCO (l-Assoċjazzjoni tal-Iskema Supplementari tal-Irtirar għall-Impjegati b’Salarju) għall-persunal mhux eżekuttiv. Skont din l-iskema, France Télécom u l-impjegati tagħha rregolati bil-liġi privata jassumu obbligi ekwivalenti għal dawk ta’ impriżi kompetitriċi fir-rigward b’mod partikolari tal-pagament tal-kontribuzzjonijiet liberatorji ta’ min iħaddem.

L-istimi tal-obbligi li jirriżultaw għall-Istat Franċiż mir-riforma introdotta bil-Liġi tal-1996

(40)

Meta seħħet ir-riforma introdotta bil-Liġi tal-1996, l-uffiċċju tal-attwarji maħtur bħala konsulent tal-Istat Franċiż kien evalwa li l-likwidazzjoni u l-ħlas mill-Istat tal-pensjonijiet allokati għall-uffiċjali attivi u rtirati ta’ France Télécom kienu jiswew FRF 242 biljun (EUR 36,9 biljun (22)) bħala valur aġġornat probabbli fl-1 ta’ Jannar 1997 (23). Din il-figura hi qrib l-ammont sħiħ ta’ FRF 250 biljun diskuss fis-Senat. L-istima fuq l-istess ipotesi attwarji tal-kontribuzzjoni ta’ min iħaddem ta’ natura liberatorja li France Télécom ikollha tħallas bħala kumpens ġiet stmata, abbażi tal-istessi ipotesi attwarji, għal EUR 15,2 biljun, li magħhom iridu jiżdiedu l-aġġustament jew il-kontribuzzjoni eċċezzjonali ta’ EUR 5,7 biljun imħallsa b’kollox f’Ottubru 1997. L-awtoritajiet Franċiżi jistmaw għal EUR […] biljun, mad-dħul fis-seħħ tar-riforma, il-valur tal-kontribuzzjonijiet fuq is-salarji futuri. Il-valur tal-obbligu nett trasferit minn France Télécom lill-Istat Franċiż, kif stmat fl-1996, ikun għalhekk ta’ EUR […] biljun.

(41)

Għall-perjodu ta’ għaxar snin (mill-1997 sal-2006) imsemmi waqt id-diskussjonijiet dwar l-abbozz tal-Liġi tal-1996, l-ammont kumulat tas-servizzi li għandhom jitħallsu evalwati mill-Kumitat tal-attwarji maħtur bħala konsulent tal-Istat Franċiż kien ta’ EUR […] biljun. F’dan il-perjodu, l-ammont totali tas-servizzi effettivament imħallsa kien kważi identiku, EUR […] biljun, jiġifieri differenza fil-previżjoni ta’ anqas minn 0,83 % (24). Dan jikkonferma a posteriori l-eżattezza tal-previżjonijiet li taw informazzjoni għad-diskussjonijiet dwar il-liġi.

(42)

Minn dawn il-figuri, huwa possibbli li jiġi nnutat li l-ammonti u l-ġustifikazzjoni tagħhom li ġew diskussi fl-Assemblea Nazzjonali u fis-Senat għall-iffissar tal-ammont tal-aġġustament jew kontribuzzjoni nazzjonali ta’ France Télécom huwa ekwivalenti għall-evalwazzjonijiet ivverifikati ex post matul il-perjodu ta’ għaxar snin imsemmi fid-diskussjonijiet dwar l-abbozz tal-liġi. Fil-fatt, l-ammont massimu mħabbar tal-kontribuzzjoni eċċezjonali, EUR 6 biljun (FRF 40 biljun) huwa ekwivalenti għall-provvedimenti li saru mill-impriża sal-1996 biex tilqa’ għall-obbligi tal-irtirar futur li ġew previsti dak iż-żmien, jiġifieri EUR 3,6 biljun (FRF 23,4 biljun) flimkien mad-differenza ta’ EUR 2,4 biljun li kellhom jitħallsu mill-Istat bejn il-kontribuzzjonijiet ta’ minn iħaddem u tal-impjegati li nġabru bejn l-1997 u l-2006, minn naħa, u, min-naħa l-oħra, is-servizzi li kellhom jitħallsu stmati fl-1996 għall-istess perjodu ta’ għaxar snin.

(43)

Min-naħa l-oħra, l-informazzjoni trażmessa mir-Repubblika Franċiża u elenkata fit-Tabella 3 turi li, għall-perjodu mill-1997 sal-2010, l-obbligu akkumulat tal-pensjonijiet tal-uffiċjali ta’ France Télécom li kellhom jiġu ffinanzjati mill-Istat Franċiż skont ir-riforma tal-1996 kien laħaq EUR […] biljun. L-obbligu li għandu jiġi ffinanzjat mill-Istat huwa definit bħala l–bilanċ bejn il-kontribuzzjonijiet annwali ta’ France Télécom u tal-uffiċjali tiegħu fl-impjieg u s-servizzi tal-pensjonijiet li jingħataw lill-uffiċjali rtirati sena wara sena, wara li jitnaqqsu l-pagamenti annwali mill-Istabbiliment Pubbliku tal-Ġestjoni tal-Kontribuzzjoni Eċċezzjonali ta’ France Télécom. Bejn l-1997 u l-2010, l-obbligu evolva kif ġej:

Tabella 3

Obbligi li rriżultaw għall-Istat Franċiż mir-riforma tal-1996 (1997-2010)

(miljuni ta’ EUR)

 

Kontribuzzjonijiet

(ta’ min iħaddem, tal-impjegati)

Pagamenti annwali mill-istabbiliment pubbliku għall-ġestjoni tal-kontribuzzjoni eċċezzjonali ta’ France Télécom

Servizzi mħallsa

Obbligi għall-Istat

1997

[…]

152,4

[…]

[…]

1998

[…]

167,7

[…]

[…]

1999

[…]

184,5

[…]

[…]

2000

[…]

202,9

[…]

[…]

2001

[…]

223,2

[…]

[…]

2002

[…]

245,5

[…]

[…]

2003

[…]

270,0

[…]

[…]

2004

[…]

297,1

[…]

[…]

2005

[…]

326,9

[…]

[…]

2006

[…]

1 359,5

[…]

[…]

2007

[…]

395,4

[…]

[…]

2008

[…]

435,0

[…]

[…]

2009

[…]

578,0

[…]

[…]

2010

[…]

635,8

[…]

[…]

Total

[…]

5 473,9

[…]

[…]

(44)

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi tal-Finanzi tal-1997 li tikkontrollahom, l-ammonti tal-pagamenti annwali tal-Istabbiliment Pubbliku għall-Ġestjoni tal-Kontribuzzjoni Eċċezzjonali ta’ France Télécom imħallsa fl-1997 ma kinux ekwivalenti għall-ammonti tas-servizzi stmati jew imħallsa fir-realtà lill-persunal irtirat ta’ France Télécom u lanqas għall-ammonti tal-obbligi li fadal biex jiġu ffinanzjati mill-Istat u ma ġewx iffisati skont l-ammonti msemmija. L-eżami tal-ammonti li effettivament tħallsu lura jikkonferma dan in-nuqqas ta’ ekwivalenza. Minkejja l-kontribuzzjoni eċċezzjonali mħallsa minn France Télécom fl-1997, it-Tabella 3 turi li l-ammonti ta’ servizzi mħallsa lill-uffiċjali rtirati ta’ France Télécom qabżu r-riżorsi annwali mill-2004, ħlief għas-sena 2006.

(45)

Għalhekk, il-pagamenti tal-kontribuzzjonijiet annwali ta’ France Télécom u l-pagamenti annwali tal-istabbiliment li jmexxi l-kontribuzzjoni eċċezzjonali ma jiġux allokati b’mod differenti u ex ante lis-servizzi mogħtija lill-persunal irtirat ta’ France Télécom fil-kont ta’ approprjazzjoni speċjali tal-pensjonijiet. Fil-fatt, l-allokazzjoni tal-kontribuzzjoni eċċezzjonali għall-finanzjament biss tas-servizzi inkwistjoni mill-1997, jekk din ġiet applikata minflok is-sistema ta’ ħlas lura ta’ ammont miżjud kull sena b’10 % previst bil-Liġi tal-Finanzi tal-1997, kienet twassal għall-għeluq tal-istabbiliment pubbliku fi tmiem l-2008, minflok fi tmiem l-2011 kif previst, meta jitqies l-ammont mhux kopert mill-kontribuzzjonijiet annwali, elenkati fit-Tabella 3. Fi kwalunkwe ipotesi, fiż-żewġ każijiet, l-ammont tal-kontribuzzjoni eċċezzjonali kien jispiċċa sal-31 ta’ Diċembru 2011.

2.2.   Il-ftuħ progressiv imbagħad totali tas-swieq tat-telekomunikazzjoni

(46)

Ir-riforma tal-finanzjament tal-pensjonijiet tal-uffiċjali ta’ France Télécom saret bl-isfond tal-ftuħ totali għall-kompetizzjoni tas-swieq tas-servizzi li kienet topera fuqhom France Télécom. Mill-1988, is-settur tat-telekomunikazzjoni ġie progressivament liberalizzat permezz tad-Direttiva 88/301/KEE tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Mejju 1988 dwar il-kompetizzjoni fis-swieq ta’ tagħmir tat-terminals tat-telekomunikazzjoni (25) u bid-Direttiva 90/388/KEE tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Ġunju 1990 dwar il-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni (26). Id-Direttiva 90/388/KEE kienet tipprevedi miżuri ta’ liberalizzazzjoni li kellhom jiġu implimentati qabel il-31 ta’ Diċembru 1990 fir-rigward tal-komunikazzjoni ta’ dejta u s-servizzi tat-telefonija bil-leħen u tad-dejta għan-netwerks tal-intrapriża u gruppi magħluqa ta’ utenti. Id-Direttiva 96/19/KE tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Marzu 1996 li temenda d-Direttiva 90/388/KEE fir-rigward tat-twettiq tal-kompetizzjoni sħiħa fis-suq tat-telekomunikazzjoni (27) kellha bħala għan tagħha l-liberalizzazzjoni totali tas-settur tat-telekomunikazzjoni mill-1 ta’ Jannar 1998.

(47)

Fil-fatt, il-Liġi Nru 96-659 tas-26 ta’ Lulju 1996 dwar ir-regolazzjoni tat-telekomunikazzjoni (loi no 96-659 du 26 juillet 1996 relative à la réglementation des télécommunications) iffissat il-kundizzjonijiet li jippermettu li titwettaq kompletament il-liberalizzazzjoni tas-settur billi jintemm il-monopolju ta’ France Télécom fuq it-telefonija fissa u t-trażmissjoni tad-dejta u billi jitħejjew tariffi u interkonnessjonijiet mal-kompetituri. Anke f’setturi oħra, għalkemm ma kinux soġġetti għal drittijiet esklussivi u għalhekk kompetittivi mill-1987, bħal fis-swieq tat-telefonija ċellulari, France Télécom kellha leadership b’sehem fis-suq li għadda minn 53,3 % għal 49,8 % bejn l-1997 u l-2002 (28). Il-Liġi Nru 96-659 ukoll investiet lil France Télécom missjonijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali u stabbilixxiet it-twaqqif ta’ fond għall-finanzjament tal-obbligi relatati ma’ dawn, imħallas mill-kompetituri.

(48)

B’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-Premessi 46 u 47, mill-1988 France Télécom kellha taffaċċja kompetituri - uħud minnhom parzjalment ta’ gruppi internazzjonali — fis-swieq tal-prodotti u s-servizzi fejn kienet topera fi Franza, fosthom, pereżempju t-telefonija ċellulari jew il-komunikazzjonijiet internazzjonali, b’komponent transkonfinali. Dan il-moviment żdied fis-swieq liberalizzati mill-1998. Barra minn hekk, France Télécom ikkonkludiet alleanzi ma’ operaturi barranin, pereżempju Deutsche Telekom u Sprint fl-1996 (Global One), - filwaqt li mill-1997 żiedet is-sħubiji u l-investiment ta’ ekwità — fl-Italja (Wind), fl-Olanda (Casema) jew bil-ksib ta’ liċenzji ċellulari fid-Danimarka u fil-Portugall (29).

(49)

Ir-riforma tal-finanzjament tal-pensjonijiet tal-irtirar ta’ France Télécom għalhekk seħħet fl-istess ħin bħal-liberalizzazzjoni tas-suq fil-livell tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk kellha effett fuq suq kompletament liberalizzat għall-kompetizzjoni, fejn, barra minn hekk, France Télécom ikkonkludiet alleanzi u wettqet investiment sinifikanti ta’ ekwità fi Stati Membri oħra. Fil-fatt, ix-xewqa li tiġi nkoraġġita l-espansjoni ta’ France Télécom fi swieq Ewropej minbarra Franza tidher fl-isfond tal-Liġi tal-1996 u tal-ftuħ tal-impriża għall-kapital privat, kif jirriżulta mill-istqarrijiet waqt id-diskussjoni tal-abbozz, li jsemmu “l-ambizzjonijiet li kien qed iħaddan il-gvern Franċiż għall-kampjun nazzjonali tiegħu, France Télécom” (30).

(50)

Fil-preżent, France Télécom tistqarr li hi l-fornitur ewlieni ta’ aċċess għall-Internet bil-broadband u t-tielet operatur ċellulari fi Franza u fost il-leaders globali tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni lill-intrapriżi multinazzjonali. Lil hinn minn Franza, France Télécom hi attiva b’mod sinifikanti permezz tas-sussidjarji tagħha, b’pożizzjonijiet b’saħħithom fi Spanja, fir-Renju Unit, fil-Polonja, fis-Slovakkja, fil-Belġju u fl-Awstrija (31).

3.   RAĠUNIJIET LI WASSLU GĦALL-FTUĦ TAL-PROĊEDURA

(51)

Fid-Deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura tal-eżami, il-Kummissjoni esprimiet l-apprezzament preliminari tagħha għall-miżuri introdotti permezz tal-Liġi tal-1996 billi qabblithom mal-qafas ta’ referenza għall-kontribuzzjonijiet soċjali u fiskali obbligatorji ta’ France Télécom, stabbiliti bil-Liġi tal-1990. Hi qieset li dawn il-miżuri jidhru li jagħtu, permezz ta’ riżorsi tal-Istat, vantaġġ selettiv lil France Télécom li seta’ jfixkel il-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u seta’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(52)

Il-Kummissjoni nnutat ukoll li, anke jekk dawn il-miżuri kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, dan ma kienx ġie notifikat lill-Kummissjoni qabel l-implimentazzjoni tagħha, għalhekk kellha titqies bħala għajnuna ġdida skont il-ġurisprudenza. Ir-Repubblika Franċiża għalhekk ma rrispettatx l-obbligu tagħha ta’ notifika skont it-Trattat u l-miżura għalhekk kellha titqies bħala illegali.

(53)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li huwa abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE li hi setgħet teżamina l-kompatibilità tal-għajnuna mas-suq intern. Il-Kummissjoni nnutat ukoll li l-istess dispożizzjoni ppermettitilha tikkonkludi li l-għajnuna mogħtija lil La Poste bir-riforma fil-mod tal-finanzjament tal-pensjonijiet tal-uffiċjali tagħha kienet kompatibbli mas-suq intern (32) u li, meta tqies ix-xebħ bejn dawn iż-żewġ każijiet, kien jidher xieraq f’dan il-każ li ssir analiżi simili.

(54)

Fl-eżami preliminari tagħha tal-kompatibilità tal-għajnuna mas-suq intern, u minkejja x-xebħ mar-riforma fil-mod ta’ finanzjament tal-pensjonijiet ta’ La Poste, il-Kummissjoni infurmat lir-Repubblika Franċiża b’dawn id-dubji li ġejjin:

(a)

l-ewwel nett, filwaqt li enfasizzat li ma kellhiex informazzjoni ddettaljata li turi li r-rati tal-kontribuzzjoni mħallsa minn France Télécom huma ugwali għal dawk imħallsa minn impriżi privati rregolati bil-liġi komuni li joperaw fis-settur tat-telekomunikazzjoni fi Franza, il-Kummissjoni nnutat li r-rata tal-kontribuzzjoni liberatorja applikata għal France Télécom mill-1997 ma ppermettietx li jiġu żgurati kundizzjonijiet indaqs mal-kompetituri tagħha. Dan jirriżulta mill-fatt li r-rata applikata għal France Télécom tinkludi biss il-kontribuzzjonijiet li jikkorrispondu għar-riskji komuni bejn impjegati rregolati bil-liġi komuni u uffiċjali tal-Istat, u għalhekk teskludi kontribuzzjonijiet li jikkorrispondu għar-riskji mhux komuni bħall-qgħad jew in-nuqqas ta’ pagament tas-salarji f’każ ta’ organizzazzjoni mill-ġdid jew ta’ likwidazzjoni tal-impriża;

(b)

it-tieni nett, il-Kummissjoni ma kellhiex biżżejjed informazzjoni dwar l-effetti tat-tnaqqis fl-obbligi tal-pensjonijiet fuq il-kompetizzjoni, sabiex tevalwa jekk l-effetti possibiliment pożittivi kinux akbar mill-effetti negattivi. Iżda, għal dan il-għan, il-Kummissjoni kellha tqis ukoll il-fatt li France Télécom kienet għadha ma rimborżatx kompletament l-għajnuna illegali u inkompatibbli b’applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Awwissu 2004 dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija minn Franza lil France Télécom (minn hawn ‘il quddiem id-“Deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tat-taxxa professjonali għal France Télécom”) (33), Deċiżjoni li Franza kienet naqset li tikkonforma magħha fiż-żmien stipulat, kif sabet il-Qorti tal-Ġustizzja (34).

4.   IL-KUMMENTI TAL-PARTIJIET INTERESSATI

(55)

Il-kummenti mressqa mill-partijiet interessati jingħataw fil-qosor fit-Taqsimiet 4.1 sa 4.3.

4.1.   France Télécom

(56)

Fil-kummenti tagħha, li hi tqis supplimentari fir-rigward tal-kummenti trażmessi mir-Repubblika Franċiża, France Télécom tqis li hi qed taffaċċja problema kronika ta’ persunal żejjed marbuta mal-istatus preċedenti tagħha ta’ amministrazzjoni u li hi ma għandhiex, għall-popolazzjoni kkonċernata, l-istess possibilitajiet ta’ flessibilità fl-impjieg bħall-kompetituri tagħha. Għalhekk, France Télécom trid tagħmel allokament għat-taħriġ sinifikanti ħafna ta’ EUR 180 miljun, ekwivalenti għal 4,5 % tat-total tas-salarji meta mqabbla ma’ 2,9 % għall-medja tal-impriżi Franċiżi. France Télécom tallega wkoll li għandha piż ta’ salarji akbar ta’ madwar […]% minbarra aġġustamenti u żidiet. Barra minn hekk, billi ma tistax timplimenta programmi ta’ għoti ta’ sensji, France Télécom iffinanzjat l-ispiża tal-bonuses għat-tluq tal-uffiċjali, pereżempju l-liv fi tmiem il-karriera, għal ammont ogħla minn EUR 8 biljun bejn l-1996 u l-2006.

(57)

It-tieni, France Télécom tqis li l-obbligi tal-pensjonijiet imħallsa bejn l-1990 u l-1996 kienu anormali u qiegħduha f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ strutturali meta mqabbla mal-kompetituri privati tagħha, skont is-sentenza Combus (35) billi l-qafas ta’ referenza għall-evalwazzjoni tan-natura normali jew anormali tal-imsemmija obbligi hija l-iskema tal-liġi komuni applikabbli għall-kompetituri. Il-prinċipji li jinsabu fis-sentenza Combus ġew ikkonfermati wara mill-Qorti fis-sentenza tagħha Hotel Cipriani (36). France Télécom tikkontesta li s-sitwazzjoni ta’operatur wieħed, f’dan il-każ hi stess, qabel u wara r-riforma introdotta bil-Liġi tal-1996, tikkostitwixxi qafas ta’ tqabbil xieraq biex tiġi apprezzata l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku skont il-ġurisprudenza. Fi kwalunkwe każ, jekk il-qafas ta’ referenza kellu jkun France Télécom qabel u wara r-riforma tal-1996, il-miżura ma kinitx tikkwalifika bħala selettiva billi kienet tiġi applikata b’mod simili fi ħdan l-imsemmi qafas.

(58)

Jirriżulta li l-miżuri inkwistjoni la ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont it-Trattat billi jħollu lil France Télécom minn żvantaġġ strutturali anormali, anqas ma jistgħu jiġu klassifikati bħala vantaġġ selettiv li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

(59)

Alternattivament, France Télécom tqis li l-għajnuna mill-Istat, kieku din ġiet ippruvata, kienet tkun kompatibbli mas-suq intern skont il-kriterji stabbiliti mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha dwar l-iskema ta’ pensjonijiet ta’ La Poste (minn hawn ‘il quddiem “deċiżjoni La Poste”) (37). F’dan ir-rigward, in-natura speċifika tas-sistema tagħha fis-sens li hi tħallas kontribuzzjoni kkalkulata abbażi tar-riskji komuni biss ma timplikax li France Télécom kienet tpoġġiet f’sitwazzjoni favorevoli meta mqabbla mal-kompetituri mill-1996: minbarra l-iżvantaġġi strutturali marbuta mal-istatus tal-uffiċjali li timpjega, France Télécom kellha tħallas obbligu konsiderevoli marbut mar-riforma tal-1996, li l-kompatibilità tagħha mar-riforma tal-1996 trid tiġi analizzata u li l-ammont tagħha ta’ EUR 5,7 biljun jaqbeż bil-kbir l-ammont li France Télécom kien ikollha tħallas kieku l-kontribuzzjoni tagħha ġiet soġġetta għar-riskji mhux komuni.

(60)

France Télécom tqis li, fid-Deċiżjoni La Poste (38), il-Kummissjoni aċċettat li l-ammont ta’ kontribuzzjoni eċċezzjonali waħda (EUR 2 biljun), fil-qafas ta’ riforma li daħlet fis-seħħ wara n-notifikazzjoni imma qabel id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, jikkumpensal-kontribuzzjonijiet li jikkorrispondu għar-riskji mhux komuni, sakemm jitħallas l-ammont kollu tal-kontribuzzjoni unika. Xejn ma jiġġustifika, skont France Télécom, li l-Kummissjoni twarrab dan il-prinċipju minħabba li l-istqarrijiet politiċi fiż-żmien tad-diskussjoni dwar l-abbozz tal-Liġi tal-1996 ma jippermettux li jitqies li l-ammont tal-kontribuzzjoni fissa ta’ France Télécom ġiet iffissata mil-leġiżlatur b’mod li jinżamm status quo ta’ għaxar snin.

(61)

Barra minn hekk, il-figuri disponibbli fl-1996 jikkontradixxu t-teżi li skont din l-ammont ta’ EUR 5,7 biljun kien ġie stmat dak iż-żmien b’mod li jaqbel eżatt mal-ispiża żejda għall-Istat tal-applikazzjoni tal-Liġi tal-1996 billi kkumpensa, sena wara sena, l-obbligi annwali anqas imħallsa mill-impriża, anke b’kunsiderazzjoni tal-obbligi tal-kumpens bejn l-iskemi tal-irtirar li France Télécom inħelset minnhom fl-1996 (39). L-ammont tal-kontribuzzjoni eċċezzjonali kellu l-għan li jikkumpensa globalment lill-Istat Franċiż skont ir-riforma. Għalhekk bilfors kellu jitqies biex tiġi analizzata l-ekwità kompetittiva ta’ din tal-aħħar mid-dħul fis-seħħ tagħha fl-1997.

(62)

Fl-aħħar, France Télécom tqis li, billi mingħajr ir-riforma tal-1996, hi kien ikollha żvantaġġ kompetittiv sinifikanti fi swieq li l-liberalizzazzjoni tagħhom kienet objettiv tal-Unjoni u billi l-awtoritajiet Franċiżi minn dakinhar ikkonformaw kompletament mad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tat-taxxa professjonali għal France Télécom (40), il-miżura ma twassalx għal effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni.

4.2.   Dawk li ressqu l-ilment

(63)

Dawk li ressqu l-ilment jaqblu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-ftuħ dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat skont it-Trattat fit-tnaqqis tal-obbligi tal-pensjonijiet li kellhom jitħallsu minn France Télécom imdaħħal bil-Liġi tal-1996. Skont ir-raġunament segwit f’din id-Deċiżjoni, fejn dawk li ressqu l-ilment qed jilmentaw dwar in-nuqqas ta’ kwantifikazzjoni, l-ammont ta’ għajnuna kien ta’ EUR 12,3 biljun u f’ebda każ ma kien anqas minn EUR 9,9 biljun (41). Dawk li ressqu l-ilment iqisu li huma l-effetti tal-miżura, jiġifieri t-tnaqqis tal-obbligi soċjali li normalment iwieżnu fuq il-baġit tal-impriża, u mhux l-għan tagħha, jiġifieri l-kumpens ta’ żvantaġġ allegat, li jiddeterminaw il-klassifikazzjoni tagħha bħala għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk ma kienx ikun hemm żvantaġġ bl-impjieg ta’ uffiċjali minn France Télécom, billi l-impriża kienet tħallas kontribuzzjonijiet tal-qgħad u tal-obbligi tas-salarji ta’ 13 % inqas mill-kompetituri u kellha persunal stabbli u flessibbli fir-rigward tat-tnaqqis fl-ispiża tas-salarji permezz ta’ rtirar bikri u rabtiet mas-servizz pubbliku.

(64)

Skont min ressaq l-ilment, l-għajnuna mill-Istat, ikkaratterizzata hekk, hija inkompatibbli mas-suq intern. Fil-fatt, il-vantaġġ kompetittiv konsiderevoli mogħti lil France Télécom kien ta’ żvantaġġ akbar billi t-tnaqqis tal-obbligi ma kienx meħtieġ biex jiġi evitat li tkun kompromessal-istruttura finanzjarja tagħha: wara li tneħħilha dejn aġġornat nett ta’ pensjonijiet ta’ mill-anqas EUR 9,9 biljun fl-1996 u billi ma kellhiex tibqa’ tirreġistra din l-ispiża fil-karta tal-bilanċ tagħha jew fl-anness ta’ dan, France Télécom imbagħad daħlet għal dejn b’ammonti ħafna ogħla, b’dejn finanzjarju nett ta’ EUR 44 biljun bħala medja bejn l-1997 u l-2007. Imbagħad, l-għajnuna li ħelset lil France Télécom mill-obbligi tal-pensjonijiet li ntwirtu mill-monopolju ppermettiet il-finanzjament tal-espansjoni internazzjonali tal-impriża, filwaqt li saħħet il-pożizzjoni tagħha fi Franza, fejn kienet tgawdi vantaġġi sinifikanti bħala monopolju li l-obbligi tiegħu kienu biss il-kumpens ġust.

(65)

Barra minn hekk l-għajnuna illegali u inkompatibbli li ma ġietx rimborżata fil-passat timpedixxi li l-għajnuna għall-funzjonament inkwistjoni tiġi ddikjarata kompatibbli, meta jitqies l-effett kumulat tagħha. Fl-aħħar, in-nuqqas ta’ ekwità kompetittiva tar-riforma tal-1996 minħabba n-nuqqas ta’ pagament ta’ kontribuzzjonijiet li jikkorrispondu għar-riskji tal-qgħad u n-nuqqas ta’ ħlas tas-salarji fil-każ ta’ organizzazzjoni mill-ġdid tal-impriża jeskludi l-kompatibilità tar-riforma mar-regoli tat-Trattat. Għalhekk, l-obbligu tal-pensjonijiet ta’ France Télécom għandu jiġi kkalkolat minn espert indipendenti u Franza timpenja ruħha li tiżgura n-newtralità finanzjarja tal-iskema, l-aktar billi tistabbilixxi mekkaniżmi ta’ aġġustament tal-kontribuzzjoni ta’ min iħaddem u tal-aġġustament ta’ EUR 5,7 biljun fil-każ li jvarjaw l-obbligi.

4.3.   L-operatur tat-telekomunikazzjoni

(66)

L-operatur tat-telekomunikazzjoni jaqsam u jappoġġja l-analiżi preliminari ppreżentata fid-Deċiżjoni tal-ftuħ tal-Kummissjoni, li tikklassifika bħala għajnuna mill-Istat ġdida u illegali l-modifiki li ddaħħlu bil-Liġi tal-1996 li jissostitwixxu l-kontribuzzjonijiet liberatorji annwali ta’ France Télécom bil-ħlas tal-pensjonijiet li effettivament l-Istat ħa fir-responsabbiltà tiegħu, wara li tnaqqsu l-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-impjegati fil-grad ta’ uffiċjal. L-istess klassifikazzjoni għandha tapplika wkoll skont dan l-operatur għall-kontribuzzjonijiet soċjali ugwali għar-riskji mhux komuni għall-impjegati rregolati bil-liġi privata li jħallsu l-kompetituri ta’ France Télécom imma li din tal-aħħar ilha ma tħallasx mill-anqas mill-1996 għall-uffiċjali tagħha u għall-persunal irregolat bil-liġi komuni. Barra minn hekk, għall-kuntrarju tal-każ li kien is-suġġett tad-Deċiżjoni La Poste (42), il-kalkolu tal-kontribuzzjoni ta’ min iħaddem ta’ France Télécom ma nkludiex u għadu ma jinkludix dawn il-kontribuzzjonijiet, ħaġa li timpedixxi li l-għajnuna tiġi ddikjarata kompatibbli.

(67)

Fir-rigward tal-għajnuna li tirriżulta mill-għejbien tar-rimborż lill-Istat tal-pensjonijiet mogħtija, l-operatur iqis li l-analiżi tal-bilanċ kompetittiv imwettqa mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha La Poste kellha twassalha, a contrario, biex tikkonkludi dwar l-inkompatibilità tagħha. Din l-analiżi kellha tkun ibbażata fuq il-fatti li seħħew mill-1996 u mhux, bħal fid-Deċiżjoni La Poste, b’mod ipotetiku għall-futur.

(68)

Issa, skont dan l-operatur, f’ħafna mis-swieq fejn topera, France Télécom għandha pożizzjoni ta’ saħħa fis-suq simili għal pożizzjoni dominanti. Għalhekk, hi tinsab soġġetta għal obbligi ta’ regolazzjoni ex ante fis-swieq għall-operaturi b’veloċità għolja u għolja ħafna, li joriġinaw u jintemmu b’telefonati fuq linji fissi. Fid-Deċiżjoni tagħha tas-16 ta’ Lulju 2003 dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 82 tat-Trattat KE fil-każ COMP-38.233, il-Kummissjoni sabet u ssanzjonat ukoll ksur tal-Artikolu 102 tat-TFUE fl-istabbiliment prinċipali ta’ France Télécom permezz tas-sussidjarja tagħha Wanadoo (43). Billi l-impriża tgawdi saħħa finanzjarja tajba, l-għajnuna li rċiviet ippermettitilha tiffinanzja t-tkabbir internazzjonali tagħha, l-aktar permezz tal-akkwist ta’ Orange, Retevisión u AMENA.

(69)

Finalment, l-operatur qed jitlob lill-Kummissjoni tikkwantifika preċiżament l-ammonti ta’ għajnuna u, b’applikazzjoni tal-Liġi Deggendorf (44), tiċħad li tammetti l-kompatibilità tal-miżuri inkwistjoni mas-suq intern sakemm l-għajnuna illegali tal-passat ma tkunx rimborżata.

5.   KUMMENTI TAR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA

(70)

Ir-Repubblika Franċiża tqis li l-bidliet introdotti fl-1996 fil-mod ta’ finanzjament tal-pensjonijiet tal-uffiċjali tal-Istat Franċiż impjegati ma’ France Télécom ma jinkludu l-ebda element ta’ għajnuna mill-Istat. Fi kwalunkwe każ, ir-riforma tal-1996 kienet tkun kompatibbli mas-suq intern, partikolarment, permezz ta’ traspożizzjoni f’dan il-każ tar-raġunament li segwiet il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha La Poste (45).

5.1.   Dwar il-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat

(71)

Skont ir-Repubblika Franċiża, il-Liġi tal-1990 poġġiet lil France Télécom f’sitwazzjoni anormali u eċċezzjonali fir-rigward tal-liġi komuni li tipprevedi li l-impriżi għandhom iħallsu kontribuzzjoni ta’ min iħaddem ta’ natura liberatorja, proporzjonali mal-kost tas-salarji u mhux marbuta mal-livell ta’ pensjonijiet mogħtija. Għalhekk l-obbligu li ħadet France Télécom kien ikun anormali, billi l-iżbilanċ finanzjarju tal-iskema sekondarja għall-popolazzjoni kkonċernata kien sigur u bla dubju kien se jsir impossibbli meta jitqies it-tnaqqis inevitabbli fin-numru ta’ uffiċjali attivi u fl-istess ħin iż-żieda fin-numru ta’ pensjonanti.

(72)

Ir-riforma tal-1996 kienet tallinja l-finanzjament tal-pensjonijiet mal-liġi komuni, mingħajr ma twassal li tpoġġi lill-impriża f’sitwazzjoni kompetittiva aktar favorevoli, billi l-kontribuzzjoni ta’ France Télécom tiġi kkalkolata kull sena b’mod li tallinja l-livell tal-obbligi soċjali u fiskali obbligatorji ma’ dawk tal-kompetituri fis-settur tat-telekomunikazzjoni. Madankollu, in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-kontribuzzjonijiet li jikkorrispondu għar-riskji mhux komuni bejn l-impjegati rregolati bil-liġi privata u l-uffiċjali fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni b’applikazzjoni tar-“rata ta’ ekwità kompetittiva” ikun ġustifikat skont il-kuntratt ta’ dawn tal-aħħar, li jeskludi pereżempju r-riskju tal-qgħad minbarra każijiet eċċezzjonali ta’ liċenzjament jew ta’ tneħħija mill-kariga.

(73)

Ir-Repubblika Franċiża tqis li s-sitwazzjoni tal-kompetituri tal-impriża fi Franza għandha tikkostitwixxi l-qafas ta’ referenza għad-determinazzjoni tan-natura normali jew anormali tal-obbligi li jaqgħu fuq France Télécom. Issa f’dan il-każ, meta titqies in-natura prevalenti, eċċezzjonali tal-liġi komuni, inġusta u mhux sostenibbli fir-rigward tal-obbligu li kienet titfa’ fuq France Télécom il-Liġi tal-1990, it-tneħħija u l-allinjament tagħha mas-sitwazzjoni tal-kompetituri previsti fir-riforma tal-1996 sempliċement reġgħu daħħlu l-kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni. Barra minn hekk, France Télécom ma ġietx ikkumpensata għall-iżvantaġġi li kellha taħt din is-sistema, filwaqt li, kif jenfasizzaw il-kummenti tagħha, hi għadha tbati minn żvantaġġi strutturali, spejjeż żejda u nuqqas ta’ flessibilità skont il-kuntratt applikabbli għall-uffiċjali li timpjega fir-rigward ta’ bonuses finanzjarji għar-riżenji jew għar-ritorn fl-amministrazzjoni, sforzi fil-qasam tat-taħriġ professjonali jew spiża tas-salarji ogħla. Finalment, l-iskema preżenti li tirriżulta mir-riforma għalhekk ma tagħti l-ebda vantaġġ lil France Télécom u konsegwentement ma fiha l-ebda element ta’ għajnuna mill-Istat skont it-Trattat.

(74)

Din l-interpretazzjoni tirriżulta mill-prinċipji ġenerali stabbiliti mill-ġurisdizzjoni tal-Unjoni li skont din, billi jikkostitwixxu biss għajnuna mill-Istat l-interventi li jnaqqsu l-obbligi li jitfgħu piż normalment fuq il-baġit ta’ impriża, liġi li tippermetti li jiġi evitat li l-baġit ta’ impriża jitgħabba b’obbligu li, f’sitwazzjoni normali, ma kienx jeżisti, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat (46). Dan xorta kien ikun il-każ ta’ miżuri li jeħilsu kompetitur pubbliku minn żvantaġġ strutturali meta mqabbel mal-kompetituri privati tiegħu (47). Din l-interpretazzjoni tkun konformi wkoll mal-prattika tal-Kummissjoni (48).

(75)

Fl-aħħar nett, b’mod aktar ġenerali, ir-Repubblika Franċiża ma tqisx li hu pertinenti li jiddaħħlu f’din il-proċedura l-mekkaniżmi ta’ kumpens u ta’ kumpens żejjed skont liema France Télécom kienet tħallas obbligi bejn l-1991 u l-1996 (ara Tabella 1) biex tiddetermina l-eżistenza ta’ għajnuna jew id-data li fiha jidher vantaġġ li jirriżulta mir-riforma introdotta bil-Liġi tal-1996, li ma fiha ebda dispożizzjoni f’dan ir-rigward. Il-pagament ta’ dawn l-obbligi rriżulta wkoll minn skema eċċezzjonali skont il-liġi komuni li fiha l-iskema ta’ pensjonijiet applikabbli għal France Télécom kienet titqies bħala skema awtonoma, li ma għadux il-każ mill-1997.

(76)

B’din ir-riżerva, ir-Repubblika Franċiża rfinat l-evalwazzjoni tal-obbligi pprovduta minn France Télécom u msemmija fil-Premessa 61 li l-intrapriża ma baqgħetx tħallas mill-1997. Abbażi ta’ rikostruzzjoni reali għall-2008 sal-2010 ikkalkolata b’lura b’applikazzjoni ta’ fattur ta’ transazzjoni, ir-Repubblika Franċiża tqis li l-obbligi li France Télécom kienet tħallas skont dan huma EUR 165 miljun anqas minn dawk ikkalkolati mill-impriża.

5.2.   Dwar il-kompatibilità mas-suq intern ta’ għajnuna possibbli mill-Istat

(77)

Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika Franċiża tqis li jekk ir-riforma tal-1996 b’rabta ma’ France Télécom kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, din kellha tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern, b’konformità mal-analiżi li ġiet segwita mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha La Poste (49). Ir-riforma tal-1996 teħles lil France Télécom minn obbligu strutturali li kien jaffettwa l-kompetittività tagħha f’suq li kien fil-fażi tal-liberalizzazzjoni u l-kontribuzzjonijiet tagħha issa qed jiġu kkalkolati abbażi ta’ rata ta’ ugwaljanza kompetittiva fir-rigward tar-riskji komuni.

(78)

Il-fatt li l-kontribuzzjoni li France Télécom ilha tħallas mill-1997 ma tinkludix ir-riskji mhux komuni għall-impjegati rregolati bil-liġi privata ma jkunx ta’ ostakolu għall-kompatibilità mas-suq intern. F’dan ir-rigward, it-Tabella 4, meħuda mill-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika Franċiża, turi d-differenza bejn il-kontribuzzjoni mħallsa minn France Télécom u dak li kienet tħallas kieku r-riskji mhux komuni kienu ddaħħlu fil-kalkolu, wara t-tnaqqis tas-servizzi awtoassigurati minn France Télécom u imposti oħra, li jitfgħu piż fuq din tal-aħħar meta mqabbla mal-kompetituri.

Tabella 4

Kontribuzzjoni ta’ min iħaddem ta’ France Télécom bejn l-1997 u l-2010 kkalkolata fuq ir-rata ta’ ekwità kompetittiva applikata (REK) u rata ta’ ekwità kompetittiva modifikata (REK*) biex jiġu inklużi r-riskji mhux komuni

Sena

REK

Miljuni ta’ EUR

REK*

Miljuni ta’ EUR

REK-REK*

1997

36,2  %

1 088,9

48,1  %

1 446,9

– 358,0

1998

35,4  %

1 069,6

47,1  %

1 423,1

– 353,5

1999

36,7  %

1 108,5

48,4  %

1 460,3

– 351,8

2000

36,4  %

1 085,0

48,0  %

1 429,3

– 344,3

2001

37,0  %

1 088,6

47,9  %

1 407,9

– 319,3

2002

37,7  %

1 100,1

43,5  %

1 267,9

– 167,8

2003

37,6  %

1 085,0

45,0  %

1 298,5

– 213,5

2004

[…] %

1 048,6

[…] %

[…]

[…]

2005

[…] %

984,6

[…] %

[…]

[…]

2006

[…] %

957,6

[…] %

[…]

[…]

2007

[…] %

917,6

[…] %

[…]

[…]

2008

[…] %

859,2

[…] %

[…]

[…]

2009

[…] %

805,4

[…] %

[…]

[…]

2010

[…] %

744,5

[…] %

[…]

[…]

(79)

Ir-Repubblika Franċiża tqis li, mill-1997 u sal-2043, il-valur aġġornat tal-kontribuzzjonijiet effettivament imħallsa u li jkollhom jitħallsu minn France Télécom ikun ta’ EUR 13,5 biljun. Rata ta’ ugwaljanza kompetittiva modifikata permezz tal-kunsiderazzjoni tar-riskji mhux komuni fil-kalkolu, wara t-tnaqqis ta’ kontribuzzjonijiet li jitfgħu piż fuq France Télécom u mhux lill-kompetituri tagħha, twassal għal kontribuzzjoni annwali ogħla għall-istess perjodu, jiġifieri EUR 16,7 biljun. Filwaqt li jikkunsidraw li l-inklużjoni tal-imsemmija riskji mhix rilevanti, l-awtoritajiet Franċiżi kkalkolaw li d-differenza (EUR 3,2 biljun) kienet tiġi kkumpensata sew permezz tal-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali ta’ EUR 5,7 biljun imħallsa minn France Télécom fl-1997.

(80)

Ir-Repubblika Franċiża tqis li wieħed jista’ jikkunsidra, bħal fid-Deċiżjoni La Poste (50), li din il-kontribuzzjoni fissa tista’ tkun simili għal aġġustament li jista’ jikkumpensal-pagament ta’ kontribuzzjonijiet marbuta ma’ rata modifikata li tinkludi l-kontribuzzjonijiet għar-riskji mhux komuni. F’dan il-każ, jidher li l-ammont ta’ dan l-aġġustament fil-preżent hu ogħla mill-ammont li jirriżulta mid-differenza bejn ir-rata ffissata mir-riforma tal-1996 u r-rata emendata elenkata fit-Tabella 4 u li dan l-ammont ta’ aġġustament qatt ma jintuża kompletament bid-differenza fir-rati. F’dawn il-kundizzjonijiet, jikbru d-dubji espressi mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-ftuħ tagħha dwar in-nuqqas ta’ ekwità kompetittiva vera bejn France Télécom u l-kompetituri tagħha.

(81)

Għar-Repubblika Franċiża, ir-riforma tal-mod ta’ finanzjament tal-pensjonijiet tal-uffiċjali impjegati ma’ La Poste, introdotta fl-2006 u ispirata minn dik ta’ France Télécom fl-1996, tkun tista’ titqabbel perfettament ma’ din tal-aħħar, fir-rigward tal-aspetti essenzjali tagħha. Meta jitqies dan il-paralleliżmu, l-ebda ġustifikazzjoni ma tippermetti lill-Kummissjoni titlaq mill-preċedenti li jikkonċerna la Poste. B’mod partikolari, il-Kummissjoni jkollha tammetti li l-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali imposta fuq France Télécom għandha titqies fl-analiżi tal-ekwità kompetittiva tar-riforma, billi titqies de facto bħala avvanz fuq il-pagament tal-kontribuzzjonijiet marbuta mar-riskji mhux komuni.

(82)

Għall-kuntrarju, id-diskussjonijiet quddiem l-Assemblea Nazzjonali u s-Senat li dak iż-żmien kienu jsemmu perjodu ta’ għaxar snin ta’ kopertura finanzjarja tar-riforma jsegwu stqarrijiet okkażjonali. Raġunament simili ma jinsabx la fin-noti spjegattivi tal-mottivi tal-abbozzi tal-liġi u lanqas fil-liġijiet inkwistjoni jew fit-testi maħruġa għall-applikazzjoni tagħhom. Il-ħsieb tal-leġiżlatur fl-1996 kien li jiffissal-obbligi tal-pensjonijiet ta’ France Télécom fuq livell ekwivalenti għal dak tal-kompetituri u mhux li jtellef l-effett tar-riforma għal perjodu ta’ għaxar snin, kif jimplika r-raġunament li l-Kummissjoni tista’ tadotta billi toqgħod fuq stqarrijiet mhux fil-kuntest.

(83)

Is-servizzi parlamentari jindikaw mingħajr ambigwità li l-ammont tal-kontribuzzjoni ġie stabbilit b’mod fiss, bla rabta mal-obbligu li l-Istat fil-fatt kellu jassumi. Bl-istess mod, fid-Deċiżjoni tiegħu Nru 96-385 DC tat-30 ta’ Diċembru 1996, il-Kunsill kostituzzjonali nnota li l-kontribuzzjoni fissa ta’ FRF 37,5 biljun kienet iġġustifikata bit-teħid tar-responsabbiltà mill-Istat għall-pensjonijiet tal-uffiċjali, bla ma ġie stabbilit il-kumpens għal dan filwaqt li, min-naħa l-oħra, il-ħlas lill-baġit tal-Istat ma kienx se jiġi allokat għal spiża partikolari u kien jikkontribwixxi għall-kundizzjonijiet ġenerali ta’ bilanċ ta’ dan il-baġit konformi mal-Artikolu 18 tad-Digriet organiku tat-2 ta’ Jannar 1959 dwar il-liġijiet tal-finanzi.

(84)

Għar-Repubblika Franċiża, l-ammont preċiż tal-kontribuzzjoni eċċezzjonali ġie ffissat mil-Liġi tal-Finanzi tal-1997 billi tqis mhux biss perjodu ta’ għaxar snin li matulu din il-kontribuzzjoni kellha tiġi “rimborżata” lill-Istat iżda għall-kuntrarju skont l-effett fuq l-istruttura tal-karta tal-bilanċ ta’ France Télécom, li kellha tibqa’ sostenibbli.

(85)

Il-kalibrazzjoni tal-ammont tagħha kellha ssir mhux biss bil-ħsieb ta’ kumpens tal-obbligi għall-Istat, imma billi titqies il-kapaċità kontributorja tal-impriża. Il-mod kif tmexxiet din il-kontribuzzjoni b’konnessjoni mas-servizzi ta’ rtirar imħallsa attwalment mill-1997 jikkonferma n-natura fissa tagħha. Għalhekk, jirriżulta mill-figuri pprovduti mir-Repubblika Franċiża li, bejn l-1997 u l-2006, il-pensjonijiet mogħtija lill-uffiċjali ta’ France Télécom permezz tal-kont ta’ approprjazzjoni speċjali għall-pensjonijiet kienu ta’ EUR […] biljun, minkejja li l-Istabbiliment pubbliku nkarigat bil-ġestjoni tal-kontribuzzjoni eċċezzjonali ta’ France Télécom kien irrimborża ammont ta’ EUR 3,4 biljun f’dan il-kont. Għall-istess perjodu, l-ammont mhux iffinanzjat mill-kontribuzzjonijiet imħallsa kien ta’ EUR 1,2 biljun. Barra minn hekk, fl-1997, kien stmat li dan il-fond kellu ħajja ta’ minn 17 sa 25 sena, mingħajr rabta mal-perjodu ta’ għaxar snin li fuqu l-Kummissjoni tibbaża r-raġunament tagħha li tidher li tixtieq tadotta.

(86)

Ir-Repubblika Franċiża tqis li France Télécom tneħħiet mis-suq mingħajr ir-riforma, b’rati ta’ kontribuzzjoni li kienu jilħqu 77 % tas-salarju gross skont il-grad fl-2010 u proviżjonament fil-kontijiet tagħha tal-obbligi tal-irtirar għall-uffiċjali impjegati magħha..Għalhekk ir-riforma kienet stadju deċiżiv fl-adattament għal-liberalizzazzjoni tas-suq, konformi ma’ għan tal-Unjoni, adattata għal dan tal-aħħar u limitata għall-minimu meħtieġ. Mingħajr din ir-riforma, France Télécom kienet toħroġ mis-suq u ma kinitx tkun tista’ twettaq l-investimenti meħtieġa, l-aktar biex tippermetti d-diżaggregazzjoni taċ-ċirkwit lokali, mingħajr ma jkun jista’ jiġi eskluż riskju ta’ falliment, b’mod li r-riforma ma kienx ikollha effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni.

(87)

Barra minn hekk, skont ir-Repubblika Franċiża, ir-riforma tal-mod ta’ finanzjament tal-pensjonijiet ta’ France Télécom u, b’mod partikolari l-impożizzjoni tal-pagament ta’ kontribuzzjoni eċċezzjonali, ma kinux jirriżultaw fi spiża għall-Istat bejn l-1997 u l-2006 imma kienu jiġġeneraw, fil-fatt, dħul nett ta’ aktar minn EUR 9,1 biljun għall-Istat Franċiż, skont l-istimi tal-awtoritajiet Franċiżi (51). Kieku jkollu jsir kalkolu tar-rendiment mill-kontribuzzjoni eċċezzjonali r-Repubblika Franċiża tqis li għandha tinżamm rata ta’ aġġornament ta’ 7 %. Għalhekk, il-prinċipju ta’ kontribuzzjoni eċċezzjonali ilu li nkiseb mill-1996. L-orizzont tal-investiment kellu jkun twil billi d-differenzi mistennija bejn is-servizzi li kellhom jitħallsu u l-kontribuzzjonijiet mistennija qabżu l-EUR 500 miljun biss fl-2005, jiġifieri disa’ snin wara u qabżu l-EUR 1 biljun biss 12-il sena wara. Bħala medja għall-1996, ir-rata tal-obbligi simili tat-Teżor (minn hawn ‘il quddiem “OST”) fi 15-il sena għoliet għal 6,9 %. Min-naħa tagħha France Télécom ipproċediet għal ħruġ ta’ bonds bejn Novembru tal-1991 u Novembru tal-1997 bir-rata medja komparabbli ta’ 7 %.

(88)

Finalment, is-sekwestru tal-ammonti mitluba mill-Kummissjoni b’applikazzjoni tad-Deċiżjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tat-taxxa professjonali għal France Télécom (52) imbagħad il-ħlas ta’ dawn l-ammonti, kellhom iwasslu lill-Kummissjoni biex tqis li d-Deċiżjoni tagħha ġiet implimentata, b’konformità mal-Komunikazzjoni tagħha tal-2007 dwar dan is-suġġett (53). Konsegwentement, l-effett kumulat ta’ din l-għajnuna ma kellux jiġi eżaminat.

6.   EVALWAZZJONI TAL-GĦAJNUNA

6.1.   L-eżistenza ta’ għajnuna skont L-Artikolu 107(1) tat-TFUE

(89)

L-Artikolu 107(1) tat-TFUE jistabbilixxi li: “Ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”.

(90)

L-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet kumulattivi ta’ dan l-Artikolu għall-fatti ta’ dan il-każ tiġi eżaminata fit-Taqsimiet 6.1.1 sa 6.1.5.

6.1.1.   Għajnuna mogħtija mill-Istat permezz ta’ riżorsi tal-Istat

(91)

Il-Liġi tal-1990 u l-Liġi tal-1996 inħarġu mill-Istat Franċiż. Huma jistabbilixxu l-miżura li skont din France Télécom tħallas lit-Teżor kumpens għal-likwidazzjoni u l-ħlas tal-pensjonijiet allokati għall-uffiċjali ta’ France Télécom li jsir mill-Istat. Billi, b’applikazzjoni tal-Liġi tal-1996, il-kumpens imħallas minn France Télécom lit-Teżor hu anqas milli dak li hemm fil-verżjoni inizjali tal-Liġi tal-1990, l-għajnuna ngħatat lil France Télécom permezz ta’ riżorsi tal-Istat Franċiż.

6.1.2.   Jiġu ffavoriti ċerti impriżi

(92)

Id-dispożizzjonijiet tal-Liġi tal-1990 kienu jiddefinixxu l-iskema applikabbli għall-operatur pubbliku li kellu personalità ġuridika ta’ France Télécom. Il-Liġi tal-1996 dwar l-impriża nazzjonali France Télécom temenda l-imsemmija skema permezz ta’ dispożizzjonijiet li japplikaw għal France Télécom skont metodi li tispeċifika għal din l-impriża biss.

(93)

L-iskema introdotta bil-Liġi tal-1990 għandha l-għan li tiffissa kumpens speċifiku fir-rigward tal-prinċipiji u tal-ammonti tal-kontribuzzjonijiet ta’ min iħaddem għall-pensjonijiet imħallsa minn France Télécom u l-Istat Franċiż. Anke l-kumpens li kellu jitħallas minn France Télécom previst bil-Liġi tal-1990 fl-abbozz inizjali tagħha, li ġie applikat bejn l-1991 u l-1996, bħall-kumpens differenti stabbilit bil-Liġi tal-1996, li ilha fis-seħħ mill-1997, huma miżuri speċifiċi li jikkonċernaw biss lil France Télécom, u b’hekk jissodisfaw il-kundizzjoni ta’ selettività, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni France Télécom.

6.1.3.   Vantaġġ ekonomiku li jfixkel jew jhedded li jfixkel il-kompetizzjoni

(94)

Għandu jiġi determinat jekk il-miżuri li jiffissaw l-ammont tal-kumpens inkwistjoni jiffavorixxux lil France Télécom. Il-kwistjoni li wieħed isir jaf jekk l-emendi mdaħħla fl-Artikolu 30 tal-Liġi tal-1990 permezz tal-Liġi tal-1996 jikkostitwixxux għajnuna billi jagħtu vantaġġ ekonomiku lil France Télécom għandha tiġi apprezzata fid-dawl tan-natura u tal-ekonomija tal-iskema tal-pensjonijiet inkwistjoni u tal-effetti li rriżultaw għal France Télécom u mhux fid-dawl tar-raġunijiet jew tal-għanijiet tal-emendi. L-għan segwit permezz tal-emenda tal-Liġi tal-1990 għalhekk mhux, fil-prinċipju, rilevanti biex jiġu evalwati l-effetti tiegħu, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-Repubblika Franċiża.

Il-loġika tal-iskema tal-pensjonijiet applikabbli

(95)

It-teħid ta’ responsabbiltà mill-Istat tal-likwidazzjoni u tal-ħlas tal-pensjonijiet allokati għall-uffiċjali ta’ France Télécom jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Kodiċi tal-pensjonijiet tal-irtirar ċivili u militari, li japplika biss għall-ex uffiċjali inkwistjoni. La l-Liġi tal-1990 u lanqas dik tal-1996 ma emendaw l-istatus ta’ dawn l-uffiċjali u lanqas il-prinċipju tat-teħid tar-responsabbiltà mill-Istat tal-ħlas tal-pensjoni tagħhom. Dan it-teħid ta’ responsabbiltà jidher li jirriżulta mill-prinċipju li skont dan l-uffiċjali b’kuntratt għandhom jaqdu l-ġid pubbliku b’mod indipendenti għal kollox fl-interess ġenerali. Dan mhux il-każ meta dawn l-uffiċjali jaħdmu għal impriża li toffri dawn is-servizzi b’xejn bil-għan li sservi l-interess u l-benefiċċju ta’ din l-impriża, b’kompetizzjoni ma’ impriżi oħra li joffru dawn l-istess servizzi.

(96)

Fid-dawl ta’ dan, il-ħlas ta’ kumpens lill-Istat, previst bil-Liġi tal-1990 kemm fl-abbozz inizjali tagħha kif ukoll wara l-emendi mdaħħla bil-Liġi tal-1996, jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju tat-teħid tar-responsabbiltà mill-Istat Franċiż. Din l-eċċezzjoni tiġi ġġustifikata bin-natura u l-ekonomija tal-iskema applikabbli għall-pensjonijiet tal-uffiċjali impjegati minn France Télécom. Fil-fatt, l-Istat Franċiż huwa obbligat li jaffettwa l-likwidazzjoni u l-ħlas tal-pensjonijiet allokati, b’applikazzjoni tal-Kodiċi tal-pensjonijiet tal-irtirar ċivili u militari, lill-uffiċjali ta’ France Télécom, li jiddependu mir-regolamenti ġenerali tal-uffiċjali tal-Istat Franċiż u mhux mil-liġi komuni dwar is-servizzi tas-sigurtà soċjali.

(97)

Anke fin-nuqqas ta’ kumpens imħallas minn France Télécom, l-Istat Franċiż mhux se jkun anqas responsabbli li jiżgura l-impenji ta’ vitalizju tiegħu fir-rigward tal-uffiċjali skont ir-regolamenti kkonċernati, ħlief biex jemenda b’mod unilaterali l-impenji inkwistjoni. A contrario, id-disponibbiltà ta’ uffiċjali mħarrġa mill-Istat lil France Télécom bla ebda kumpens għall-pensjonijiet imħallsa jew li jridu jitħallsu tagħti vantaġġ ċar lil din tal-aħħar.

(98)

Minħabba li l-impriżi kompetitriċi ta’ France Télécom ma jimpjegawx uffiċjali b’kuntratt li fir-rigward tagħhom l-Istat Franċiż ikollu obbligi finanzjarji simili, il-loġika tas-sistema tal-finanzjament tal-pensjonijiet u tal-ħlas ta’ kumpensi għal France Télécom introdotta bil-liġi ma tistax tiġi trasposta għalihom. Prova tal-fatt li r-regolamenti tal-impjegati tal-kompetituri huma differenti fir-rigward tar-riskji tan-nuqqas ta’ ħlas tas-salarji koperti bil-liġi komuni dwar is-servizzi tas-sigurtà soċjali, l-awtoritajiet Franċiżi jidhru li jqisu li l-ħlas tal-kontribuzzjonijiet soċjali għall-kopertura ta’ dan ir-riskju hu ġġustifikat fil-każ tagħhom. Issa huwa preċiżament dwar dawn ir-regolamenti li r-Repubblika Franċiża qed targumenta biex ikun ikkunsidrat li mhix ġustifikata l-inklużjoni tar-riskji mhux komuni għall-uffiċjali u għall-persunal irregolati bil-liġi privata fil-kalkolu tal-kumpens imħallas minn France Télécom b’applikazzjoni tal-Liġi tal-1996.

(99)

Għalhekk jirriżulta li, fir-rigward tal-obbligi mħallsa skont l-impjieg tal-persunal tagħhom irregolat bil-liġi privata, dawn l-impriżi ma jsibu ruħhom, la skont il-liġi u lanqas fil-fatt, f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik ta’ France Télécom fir-rigward tal-uffiċjali tagħhom, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu fil-kummenti tagħhom ir-Repubblika Franċiża u France Télécom.

(100)

Bl-istess mod, ma tistax titqabbel l-iskema ta’ kumpens applikata għal France Télécom mal-iskema definita għal entitajiet pubbliċi oħra li jimpjegaw uffiċjali b’kuntratt bħall-Borża ta’ Pariġi, jew l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Foresti, u li jistgħu jiġu kklassifikati bħala impriżi għal uħud mill-attivitajiet tagħhom skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, jew stabbilimenti pubbliċi oħra ta’ natura industrijali u kummerċjali, bħal EDF jew GDF fil-passat. EDF jew GDF kellhom skemi ta’ rtirar speċifiċi, u mhux allinjati ma’ dawk tal-funzjoni pubblika. Barra minn hekk, l-iskemi ta’ EDF u ta’ GDF minn dak iż-żmien ġew garantiti mill-iskema ġenerali, anke jekk għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni kkonkludiet li hemm nuqqas ta’ għajnuna biss sakemm il-garanzija tkun finanzjarjament newtrali għall-Istat (54), li mhuwiex il-każ tar-riforma tal-1996 f’dan il-każ partikolari.

(101)

Għall-kuntrarju, l-iskema ta’ kumpens favur l-Istat għall-ħlas tal-pensjonijiet ta’ uffiċjali impjegati ma’ La Poste, qabel l-emendi deskritti u approvati b’ċerti kundizzjonijiet mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha La Poste, kienet ukoll dik ta’ intrapriża nazzjonali simili għal stabbiliment pubbliku ta’ natura industrijali u kummerċjali u baqgħet, skont il-Liġi tal-1990 fl-abbozz inizjali tagħha, simili għal dik ta’ France Télécom, billi stabbilixxiet ir-rimborż annwali lill-Istat tal-pensjonijiet tal-irtirar imħallsa lill-uffiċjali u l-ikklerjar tal-obbligi previsti fl-Artikolu L-134 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali.

(102)

Anke jekk jidher li La Poste mhix f’kompetizzjoni ma’ France Télécom, kompetizzjoni li l-vantaġġi mogħtija lil din tal-aħħar jistgħu jgħawġu jew jheddu li jgħawġu, xorta jibqa’ l-fatt li l-loġika u d-dispożizzjonijiet tal-iskema tal-irtirar tal-uffiċjali ta’ France Télécom qabel ir-riforma tal-1996 kienet l-istess bħal dik tal-iskema komparabbli applikata għal La Poste fl-istess perjodu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset fid-Deċiżjoni tagħha La Poste li r-riforma tal-iskema applikabbli għal La Poste kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, għal kuntrarju ta’ dak li ssostni r-Repubblika Franċiża fir-rigward ta’ France Télécom. B’mod aktar ġenerali, biex tiġi evalwata s-sitwazzjoni ta’ France Télécom, is-sitwazzjoni ta’ referenza għandha tkun dik ta’ impriża, pubblika jew privata, li timpjega uffiċjali li żammew il-kuntratt tagħhom. Impriżi simili kienu jsibu ruħhom fl-istess sitwazzjoni ta’ referenza bħal France Télécom. Għalhekk huwa skont din is-sistema ta’ referenza li tista’ tiġi evalwata l-eżistenza ta’għajnuna mill-Istat favur France Télécom.

Il-vantaġġi finanzjarji

(103)

Bl-istess mod, ma jistax jiġi sostnut li miżura ma tagħtix vantaġġ lil impriża, f’dan il-każ France Télécom, mis-sempliċi fatt li din qed tikkumpensa ċertu żvantaġġ li din l-impriża ma kienx ikollha fil-passat, għall-kuntrarju ta’ dak li jallegaw ir-Repubblika Franċiża u France Télécom. Riċentement il-Kummissjoni reġgħet ċaħdet l-argument ta’ operatur preeżistenti tat-telekomunikazzjoni kompetitur ta’ France Télécom skont liema drittijiet soċjali speċifiċi tal-pensjoni simili għal dawk tal-funzjoni pubblika li ntwirtu mill-passat u differenti minn dawk tal-liġi komuni għal parti mill-persunal jiġġustifikaw miżuri ta’ tnaqqis tal-obbligi soċjali marbuta mal-pensjonijiet ta’ din il-kategorija tal-persunal imġarrba mill-operatur (55). F’dan ir-rigward, kif enfasizzaw l-awtoritajiet Franċiżi waqt id-diskussjoni tal-abbozz, il-Liġi tal-1996 imponiet obbligu ġdid u peżanti għall-Istat Franċiż għal-likwidazzjoni u l-ħlas tal-pensjonijiet allokati għall-uffiċjali ta’ France Télécom. Fl-istess ħin, il-Liġi tal-1996 għalhekk kellha l-effett li tnaqqas il-kumpens li France Télécom kienet dejjem ħallset.

(104)

Bil-metodi tal-kalkolu tar-rata tal-kontribuzzjoni ta’ min iħaddem previsti bil-liġi, mill-31 ta’ Diċembru 1996, France Télécom tħallas lill-Istat kumpens anqas minn dak li kienet tħallas kieku ma ntervenietx il-liġi. Barra minn hekk, minħabba n-natura liberatorja tal-kontribuzzjoni ta’ min iħaddem introdotta b’din il-liġi, France Télécom immedjatament daħħlet mill-ġdid fil-31 ta’ Diċembru 1996 il-provvediment allokat fil-kontijiet tagħha għall-pagament tal-obbligi futuri tagħha. B’hekk, l-obbligu li kien tneħħa minn France Télécom la kien ġdid billi l-Liġi tal-1990 kompliet issegwi l-prattika baġitarja preċedenti, u lanqas imprevedibbli, billi l-impriża kienet tinkludi dispożizzjonijiet għal dan il-għan, u lanqas eċċezzjonali skont il-liġi komuni tas-sigurtà soċjali billi din ma tapplikax għall-kumpens imħallas minn France Télécom.

(105)

Mad-dħul fis-seħħ tagħha, il-Liġi tal-1996 ittrasferiet lill-Istat Franċiż l-obbligu ta’ kontribuzzjoni annwali li tkopri totalment in fine il-piż tal-finanzjament tal-pensjonijiet tal-persunal ikkonċernat. L-ammont tal-għajnuna mogħtija skont il-Liġi tal-1996 tista’ tiġi kkalkolata, mid-dħul fis-seħħ tagħha, permezz tad-differenza annwali bejn il-kumpens li jikkostitwixxi l-kontribuzzjoni liberatorja ta’ min iħaddem imħallas minn France Télécom lill-Istat Franċiż u l-obbligi li kienet tħallas b’applikazzjoni tal-Liġi tal-1990, elenkati fit-Tabella 1, kieku din kienet tibqa’ ma tinbidilx, wara li jitnaqqas l-ammont tal-kontribuzzjoni fissa mħallsa fl-1997.

(106)

Mill-istimi pprovduti mir-Repubblika Franċiża u mogħtija fil-Premessa 40, jirriżulta li, meta seħħet ir-riforma tal-1996 u sat-tmiem previst tal-obbligi finanzjarji li rriżultaw mir-responsabbiltà li ħa l-Istat Franċiż, l-awtoritajiet Franċiżi setgħu jistmaw dan l-ammont totali ta’ responsabbiltà ġdida netta sal-2043, id-data li fiha l-obbligi finanzjarji tal-Istat fir-rigward tal-uffiċjali rtirati jew tal-benefiċjarji tagħhom kellhom jispiċċaw, għal EUR […] biljun. Il-valur attwali tal-obbligu nett kien ta’ EUR […] biljun fl-1996 wara li tnaqqsu l-kontribuzzjonijiet annwali ta’ France Télécom (EUR 15,2 biljun), dawk tal-impjegati (EUR […] biljun) u l-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali ta’ EUR 5,7 biljun.

(107)

Barra minn hekk għandu jiġi nnutat li l-ammonti stmati meta seħħet ir-riforma fl-1996 kienu jikkostitwixxu approssimazzjoni tal-ammont reali (56). L-ammonti tal-kumpens previst għar-responsabbiltà ta’ France Télécom f’forma ta’ kontribuzzjonijiet annwali, mhux aktar mill-aġġustament ta’ EUR 5,7 biljun imħallsa fl-1997, la kellhom l-għan u lanqas l-effett li jfittxu n-newtralità baġitarja għall-Istat Franċiż. Kieku dan kien il-każ, minħabba n-natura adattata tal-ipotesi tal-kalkolu attwarju, kienu jkunu ekwivalenti l-ispejjeż u d-dħul għall-perjodu kollu u, b’konsegwenza, ma kienx ikun hemm vantaġġ ekonomiku għal France Télécom.

(108)

L-awtoritajiet Franċiżi kienu konxji mill-fatt li t-“trasferiment tal-obbligi tal-irtirar tal-uffiċjali ta’ France Télécom għall-baġit ġenerali tal-Istat” kien “obbligu ġdid u peżanti għall-Istat” li kien kopert parzjalment biss mill-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali jew is-somma li tinġabar miċ-ċediment ta’ parti mill-ishma tal-impriża li kienu tal-Istat. Għalhekk id-diskussjonijiet imsemmija fil-premessa 31 juru li l-Istat Franċiż ma fittix, fl-1996, li jikkumpensa kompletament l-obbligu ġdid li kien qed jieħu għall-futur imma għall-kuntrarju fittex li jieħu obbligu ġdid u li jkunu “l-interessi tal-impriża li jitqiesu l-ewwel f’dan il-każ”.

(109)

Huwa evidenti li, anke b’ipotesijiet attwarji differenti minn dawk sostnuti mill-Istat Franċiż biex jiġi stmat l-obbligu ġdid li kien qed jassumi u minkejja l-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali mħallsa fl-1997, ir-riforma tat vantaġġ ekonomiku konsiderevoli f’forma ta’ anqas kontribuzzjonijiet ta’ min iħaddem għall-pensjoni tal-irtirar. Iżda, billi l-kontribuzzjoni fissa jew l-aġġustament ippermettew mhux li jiġu koperti kompletament l-obbligi trasferiti lill-Istat Franċiż imma, l-aktar, li jnaqqsuhom u b’kunsiderazzjoni tal-istimi inkwistjoni, ma tistax tiġi kkonfermata n-natura xierqa tal-kalkolu attwarju użat dak iż-żmien u l-eżattezza tal-istimi li jirriżultaw għall-perjodu kollu sal-2043.

(110)

Barra minn hekk, ma jistgħux jitqabblu l-vantaġġi finanzjarji li jirriżultaw mill-kontribuzzjonijiet imnaqqsa ta’ France Télécom mal-iżvantaġġi allegati li jirriżultaw mill-fatt tal-impjieg tal-uffiċjali, kif issostni France Télécom, appoġġjata mir-Repubblika Franċiża. Fil-fatt, il-Liġi tal-1996 f’ebda każ ma żiedet dawn l-iżvantaġġi allegati, billi hi ma rriżultatx fir-reklutaġġ ta’ uffiċjali addizzjonali. Fil-fatt, waqt li ħelset lil France Télécom minn parti mill-obbligi finanzjarji tagħha, l-għan tal-Liġi tal-1996 ma kienx li jikkumpensa żvantaġġ allegat marbut mas-salarji jew, fit-termini ta’ France Télécom, l-anqas flessibilità fl-impjieg ta’ uffiċjali.

(111)

Għalhekk għandhom assolutament jitwieġbu l-argumenti dwar l-iżvantaġġi allegati fl-impjieg ta’ uffiċjali, imressqa mir-Repubblika Franċiża u minn France Télécom.

L-ewwel nett, eżatt qabel il-ftuħ totali tas-suq Franċiż għall-kompetizzjoni, France Télécom kellha persunal imħarreġ u kompetenti li mingħajru, kieku kellu jiġi sostitwit totalment, il-pożizzjoni tagħha fis-suq ma kinitx tkun tista’ tinżamm, li dan France Télécom tonqos milli tinnota fis-sottomissjonijiet tagħha.

Barra minn hekk, l-ammont tas-salarji u l-investiment fit-taħriġ tal-persunal li France Télécom tanalizza bħala żvantaġġi, jikkostitwixxu obbligi normali fil-baġit ta’ impriża, u mhuwiex ippruvat li ma jtejbux l-impenn u l-produttività tal-persunal fir-rigward tal-kompetituri tagħha.

Barra minn hekk, jekk huwa minnu li France Télécom ma għandhiex possibilitajiet biex taġġusta l-ispejjeż tas-salarji tagħha bl-implimentazzjoni ta’ pjan soċjali għat-tnaqqis tal-impjegati għall-persunal ikkonċernat, huwa dubjuż jekk pjan simili maħsub biss għall-uffiċjali b’kuntratt skont il-kwalità tagħhom jistax jiġi implimentat effettivament, meta l-waqfien tar-reklutaġġ tal-uffiċjali fl-1997 u r-rikors għall-persunal irregolat bil-liġi privata offra possibiltajiet ċerti ta’ flessibilità fl-aġġustament tal-ispejjeż tas-salarji.

Finalment, jekk hu minnu li l-impriża tiddedika baġit konsiderevoli biex tħeġġeġ l-irtirar kmieni tal-persunal inkwistjoni, huwa minnu wkoll li t-tħeġġiġ u l-interess biex l-impriża timplimenta għodda simili kien ikun inqas mingħajr ir-rapport fuq l-Istat Franċiż ta’ obbligi finanzjarji li kellha France Télécom, prevista bil-Liġi tal-1996. B’hekk l-għodda tippermetti li jitħeġġeġ l-irtirar kmieni u għalhekk, għall-persunal ikkonċernat, it-teħid aktar kmieni tal-obbligu mill-Istat. Mingħajr il-Liġi tal-1996, France Télécom kienet tkompli tassumi din ir-responsabbiltà.

(112)

Tidher ukoll bla bażi, minħabba nuqqas ta’ konnessjoni mal-kwistjoni tal-preżenza jew le ta’ vantaġġ ekonomiku li rriżulta mill-miżuri inkwistjoni, il-kunsiderazzjoni tal-vantaġġi kompetittivi li rebħet France Télécom mill-monopolju preċedenti tagħha, li tqajmu minn dawk li ressqu l-ilment. Il-vantaġġi u l-iżvantaġġi allegati huma bla konnessjoni fil-fatt mal-kwistjoni tal-ugwaljanza tal-kompetizzjoni fis-swieq tat-telekomunikazzjoni fir-rigward tal-obbligi soċjali.

(113)

Hija biss il-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali prevista bil-Liġi tal-1996 li tefgħet piż b’mod immedjat fuq l-obbligi ta’ France Télécom meta mqabbla mas-sitwazzjoni ta’ referenza diġà identifikata. Il-ħlas tal-kontribuzzjoni fissa naqqset l-ammont ta’ għajnuna li gawdiet u se tgawdi minnha France Télécom sakemm jintemm l-obbligu finanzjarju li daħal responsabbli għalih l-Istat Franċiż minflok France Télécom b’applikazzjoni tal-Liġi tal-1996. Bla ħsara għall-eżattezza tal-metodi attwarji użati mill-gvern Franċiż f’dak il-perjodu, mingħajr din il-kontribuzzjoni fissa, l-ammont tal-obbligi li France Télécom kienet tinħeles minnhom kien ikun ta’ EUR 18,9 biljun u mhux ta’ EUR […] biljun, il-valur nett fl-1996.

L-effett tat-tfixkil jew tat-theddid tat-tfixkil tal-kompetizzjoni

(114)

Il-Liġi tal-1996 għalhekk ippermettiet u tippermetti lil France Télécom tiddisponi minn riżorsi finanzjarji addizzjonali biex topera fis-swieq fejn hi attiva. Dawn ir-riżorsi għalhekk kienu, skont il-liġi tal-1996, akbar minn dawk li kellha France Télécom abbażi tal-Liġi tal-1990 fl-abbozz inizjali tagħha. Iżda, is-swieq tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni li fihom kienet topera u topera France Télécom fit-territorju kollu fi Franza u fi Stati Membri oħra nfetħu gradwalment għall-kompetizzjoni bl-għejbien progressiv ta’ drittijiet esklussivi jew speċjali mill-1988, imbagħad, ħlief għal derogi speċifiċi, totalment mill-1998. Il-ftuħ għall-kompetizzjoni kien totali fi Franza fl-2002. L-għejbien tal-ostakoli legali kien akkumpanjat mid-dħul ta’ operaturi oħra li France Télécom sabet ruħha u għadha tinsab f’kompetizzjoni magħhom, anke qabel il-miżuri leġiżlattivi tal-1990 u l-1996 li huma s-suġġett ta’ din id-Deċiżjoni.

(115)

Meħlusa mill-obbligu tal-provvediment tal-obbligi tal-irtirar futuri minħabba l-irtirar tal-uffiċjali tagħha u soġġetta għal livell ta’ anqas kontribuzzjoni annwali, France Télécom setgħet tiddisponi minn bilanċ imnaqqas ta’ impenji u obbligi, u b’hekk kabbret l-attrazzjoni tagħha biex tiġbor il-kapital, u dan poġġiha f’sitwazzjoni aktar favorevoli milli qabel ir-riforma tal-1996. Meħlusa minn obbligu li ġarrbet fis-suq storiku Franċiż tagħha, France Télécom setgħet aktar faċilment tiżviluppa fi swieq ta’ Stati Membri oħra li kienu għadhom kif infetħu għall-kompetizzjoni, u dan effettivament għamlitha, kif tintwera fil-Premessi 48 sa 50.

(116)

Jirriżulta minn hekk li t-tnaqqis tal-obbligi ta’ France Télécom li rriżulta mill-metodi tal-kalkolu tal-kumpens li kellu jitħallas lill-Istat Franċiż għat-teħid tar-responsabbiltà tal-pensjonijiet tal-uffiċjali, ifixkel jew jhedded li jfixkel il-kompetizzjoni bejn France Télécom u dawn l-operaturi ġodda fi Franza u fl-Istati Membri l-oħra fejn France Télécom hi preżenti.

6.1.4.   Allokazzjoni tal-kummerċ bejn Stati Membri

(117)

Is-swieq li fihom topera France Télécom fi Franza nfetħu progressivament għall-kompetizzjoni mill-1988 u, għalhekk, huma miftuħa b’mod estensiv għall-kummerċ bejn l-Istati Membri. Id-Direttiva 96/19/KE kellha fil-mira l-liberalizzazzjoni totali tas-settur tat-telekomunikazzjoni mill-1 ta’ Jannar 1998. Operaturi li l-kapital tagħhom jinżamm parzjalment minn impriżi ta’ Stati Membri oħra minbarra Franza għalhekk ġew stabbiliti hemmhekk. Uħud minn dawn is-swieq jikkonċernaw il-komunikazzjonijiet internazzjonali bejn Stati Membri. Bl-istess mod, permezz ta’ sussidjarji, France Télécom toffri servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fi Stati Membri oħra, l-aktar Spanja, il-Belġju jew ir-Renju Unit.

(118)

F’dawn il-kundizzjonijiet, miżura li tnaqqas l-obbligi ġenerali tal-operat u tal-funzjonament ta’ France Télécom u għalhekk teħles riżorsi li din l-intrapriża tiddisponi minnhom biex tinvesti jew ittejjeb l-offerti kummerċjali tagħha fi Franza jew biex tistabbilixxi ruħha fi Stati Membri oħra tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

6.1.5.   Konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna skont L-Artikolu 107(1) tat-TFUE

(119)

Minn dak li ntqal qabel, jirriżulta li, bit-tnaqqis tal-kumpens li jikkostitwixxi l-kontribuzzjoni ta’ min iħaddem li trid titħallas lill-Istat għall-obbligi tal-pensjoni prevista bil-Liġi tal-1990 fl-abbozz inizjali tagħha u bis-sostituzzjoni tal-kumpens previst bil-Liġi tal-1996, sakemm dan il-kumpens tal-aħħar kien anqas minn dak applikat qabel, ir-Repubblika Franċiża tat, permezz tar-riżorsi tagħha, għajnuna lil France Télécom li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE u dan, mit-trasferiment tal-obbligi stabbilit bil-Liġi tal-1996.

(120)

Konsegwentement jenħtieġ li jiġi eżaminat jekk din l-għajnuna tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern.

6.2.   Bażijiet legali alternattivi għall-kompatibilità tal-għajnuna

(121)

Il-Kummissjoni tinnota li Franza ma semmietx l-Artikolu 106(2) tat-TFUE bħala bażi tal-kompatibilità tal-miżuri inkwistjoni.

(122)

Id-derogi previsti fl-Artikolu 107(2) tat-TFUE, dwar l-għajnuna ta’ natura soċjali mogħtija lill-konsumaturi individwali, l-għajnuna li għandha l-għan li tagħti rimedju għad-diżastri naturali u avvenimenti straordinarji oħra kif ukoll l-għajnuna mogħtija f’ċerti reġjuni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, evidentement mhumiex rilevanti fil-każ preżenti.

(123)

Fir-rigward tad-derogi previsti fl-Artikolu 107(3) tat-TFUE il-Kummissjoni tiddikjara li l-għajnuna inkwistjoni mhix maħsuba biex tiffavorizza l-iżvilupp ekonomiku ta’ reġjuni li fihom il-livell tal-ħajja hu baxx b’mod anormali jew li fihom hemm nuqqas serju ta’ impjiegi, li hi ma tikkostitwixxix proġett ta’ interess Ewropew u ma għandhiex l-għan li tagħti rimedju għal taqlib serju fl-ekonomija Franċiża. Hi ma għandhiex l-għan li tippromwovi l-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju.

(124)

Għalhekk jidher li l-Artikolu 107(3)(c) biss tat-TFUE għandu l-għan li jiġi applikat għall-evalwazzjoni tal-kompatibilità ta’ din il-miżura.

6.3.   Kompatibilità tal-għajnuna fir-rigward tal-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE

(125)

Fit-termini tal-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE “jistgħu jkunu kunsidrati bħala kompatibbli mas-suq intern: […] għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni […]”.

(126)

Biex għajnuna titqies bħala kompatibbli mas-suq intern minħabba li tiffaċilita l-iżvilupp tal-attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti setturi ekonomiċi, hi għandha ttejjeb il-mod li bih tiġi eżerċitata l-attività ekonomika. Għajnuna hi kompatibbli biss skont l-Artikolu 107(3)(c) basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni. Fl-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tagħti importanza partikolari għall-kriterji ta’ ħtieġa u ta’ proporzjonalità (57).

(127)

Fuq bażi preliminari u b’kunsiderazzjoni tad-dubji li tqajmu mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-ftuħ tagħha tal-proċedura, għandu jiġi nnutat li r-Repubblika Franċiża ħadet ammont sodisfaċenti minn France Télécom, li jikkorrispondi għall-irkupru tal-għajnuna mitlub mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tat-taxxa professjonali għal France Télécom (58). Il-Kummissjoni tqis, wara li ġiet ikkonfermata s-sentenza tal-Qorti li ċaħdet ir-rikors għall-annullament ta’ din id-Deċiżjoni mill-Qorti Ewropea (59), li r-Repubblika Franċiża ħadet il-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minn din id-Deċiżjoni. Billi l-irkupru korrett tal-għajnuna mħallsa b’applikazzjoni tat-taxxa professjonali telimina l-vantaġġ ekonomiku li France Télécom kienet tgawdi minnu għal dan il-għan, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-effetti ta’ akkumulazzjoni eventwali mal-għajnuna li hi s-suġġett ta’ din il-proċedura.

(128)

Għall-kumplament, għandu jiġi nnutat minnufih li, għall-kuntrarju tal-obbligi ta’ investiment, l-obbligi soċjali ta’ impriża huma spejjeż rikorrenti ta’ funzjonament u li għajnuna li tnaqqas lil dawn tikkostitwixxi għajnuna għall-funzjonament tal-impriża, li l-kompatibilità tagħha mas-suq intern, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti, għandha tiġi evalwata b’mod restrittiv ħafna.

6.3.1.   Konformità tal-miżura ta’ għajnuna ma’ objettiv ta’ interess komuni

(129)

F’dan il-każ partikolari, l-għajnuna mwettqa mill-1997 tista’ titqies bħala li kienet maħsuba biex tiffaċilita l-iżvilupp tal-attività ekonomika tal-għoti ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, fil-kuntest tal-liberalizzazzjoni totali ta’ dawn is-swieq. Fil-fatt, il-Liġi tal-1996 ġiet adottata pari passu mal-Liġi Nru 96-659 tas-26 ta’ Lulju 1996 għar-regolazzjoni tat-telekomunikazzjoni (loi no 96-659 du 26 juillet 1996 de réglementation des télécommunications), li kienet tittrasponi l-obbligi li rriżultaw għal Franza mil-liġi tal-Unjoni u, speċjalment, mid-Direttiva 96/19/KE.

(130)

F’dan ir-rigward, l-objettiv ġenerali fil-mira tal-Liġi tal-1996 fir-rigward tal-ħlas ta’ kumpens finanzjarju lill-Istat Franċiż hu li tqarreb il-livelli ta’ obbligi soċjali u fiskali obbligatorji bbażati fuq is-salarji, bejn France Télécom u l-impriżi l-oħra fis-settur tat-telekomunikazzjoni li jaqgħu taħt il-liġi komuni tas-servizzi soċjali. Il-mezz użat, jiġifieri miżura ta’ għajnuna li timmira direttament u esklussivament il-mod li bih jiġu ffissati l-kontribuzzjonijiet ta’ min iħaddem ta’ France Télécom, jidher adegwat biex jintlaħaq l-objettiv stabbilit.

(131)

Miżura ta’ għajnuna li għandha l-għan li tnaqqas obbligi soċjali attwali ta’ France Télécom li kienet ħadet ir-responsabbiltà tagħhom f’perjodu meta l-provvediment ta’ servizz f’monopolju għall-parti l-kbira tal-attivitajiet tagħha ma kienx jitlob komportament ekonomikament effikaċi, tista’ tikkontribwixxi, f’kuntest kompetittiv differenti, biex ittejjeb il-mod li bih jiġu offruti s-servizzi li qabel kienu f’monopolju sakemm l-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji tal-impriżi konkorrenti mal-obbligi soċjali rispettivi tagħhom ma ddaħħalx tfixkil f’proċess ta’ kompetizzjoni skont il-merti. Ċertament, minn hawn ‘il quddiem se jkun hemm riżervi dwar l-adegwatezza ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-liġi biex jintlaħaq l-objettiv li din tiffissa. Madankollu, la l-leġittimità tagħha u lanqas il-konformità tagħha mal-objettiv ta’ interess komuni li jiġu żviluppati swieq ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fejn il-kompetizzjoni tkun effettiva, billi tikkontribwixxi b’dan il-mod għall-progress teknoloġiku u għall-irkupru ekonomiku ta’ din l-attività, ma jistgħu jiġu ddubitati.

6.3.2.   Il-ħtieġa tal-miżura ta’ għajnuna

(132)

Il-limitu tal-uffiċjali impjegati ma’ France Télécom ikkawżat mill-projbizzjoni tar-reklutaġġ wara l-1 ta’ Jannar 2002 prevista bil-Liġi tal-1996 kellu bħala konsegwenza inevitabbli żieda konsiderevoli fl-obbligu tal-pensjonijiet li kienu jitfgħu piż fuq France Télécom proporzjonalment mal-uffiċjali attivi. Miċħuda b’dan il-mod mill-possibilità li tirrekluta uffiċjali mill-korp tal-Istat, barra minn hekk b’mod komprensibbli meta titqies in-natura issa kompetittiva tal-provvista tas-servizzi inkwistjoni, France Télécom kien ikollha taffaċċja obbligu ta’ ħlas ta’ pensjonijiet eċċessiv għall-persunal ikkonċernat relattivament ma’ dak li l-kompetituri tagħhom kellhom u għandhom jaffaċċjaw. Għandu jiġi nnutat ukoll li l-impenji tal-kumpens li kellu jitħallas lill-Istat Franċiż previsti bid-dispożizzjonijiet inizjali tal-Liġi tal-1990 kienu jirrigwardaw mhux biss l-uffiċjali attivi fi swieq kompetittivi fl-1990 u wara iżda anke l-uffiċjali tad-Direttorat Ġenerali tal-Ministeru tal-Posta u t-Telekomunikazzjoni rtirati fl-1990.

(133)

Pereżempju, ir-rata tal-kontribuzzjoni li kienet tirriżulta għal France Télécom jekk inżammu kif kienu d-dispożizzjonijiet tal-Liġi tal-1990 kienet tkun ta’ 77 % tas-salarji grossi skont il-grad tal-uffiċjali attivi fl-2010, skont ir-Repubblika Franċiża. Din ir-rata hija qrib rata ta’ […]% li tippermetti li tiġi żgurata ekwità kompetittiva totali għar-riskji komuni u mhux komuni bejn France Télécom u l-kompetituri tagħha. F’valuri assoluti, id-differenza tirrappreżenta madwar EUR […] miljun ta’ spiża żejda annwali meta mqabbla mar-rata ta’ kontribuzzjoni li tiżgura l-ugwaljanza kompetittiva. Barra minn hekk, kieku ma ġietx inkluża fil-liġi n-natura liberatorja tal-kontribuzzjonijiet ta’ min iħaddem, France Télécom kien ikollha tkompli taffaċċja ħtiġijiet ta’ fondi sinifikament ogħla meta mqabbla mal-provvedimenti ta’ EUR 3,6 biljun diġà stabbiliti fl-1996.

(134)

F’dan ir-rigward, il-kummenti ta’ dawk li ressqu l-ilment dwar il-fatt li mill-1996 France Télécom setgħet tidħol għal obbligu finanzjarju ħafna ogħla mill-obbligu li l-Istat Franċiż neħħilha mhumiex rilevanti għax mhumiex relatati mal-kwistjoni li qed tiġi eżaminata. Anke jekk it-tkabbir tal-obbligu finanzjarju li ħadet France Télécom mill-1996 u l-ammonti inkwistjoni sa llum jidhru li jnaqqsu r-riskju tal-falliment tal-impriża msemmija mir-Repubblika Franċiża kieku ġiet segwita l-iskema prevista bil-Liġi tal-1990, il-miżura ta’ għajnuna tidher meħtieġa fil-futur biex tippermetti li France Télécom toffri fis-swieq ikkonċernati kompetizzjoni bbażata fuq il-merti, mingħajr ma tkun imxekkla bil-piż ta’ obbligi soċjali li ntwirtu mill-passat li l-kompetituri tagħha m’għandhomx.

(135)

Il-kunsiderazzjonijiet ta’ dawk li ressqu l-ilment u tal-operatur tat-telekomunikazzjoni dwar ir-rilevanza ta’ bilanċ totali bil-għan li titqies il-ħtieġa tal-għajnuna fir-rigward tal-vantaġġi l-oħra li ħadet France Télécom mill-monopolju passat tagħha f’dan il-każ mhumiex ibbażati fuq il-fatti. Huwa minnu li, mill-1996, il-pożizzjoni ta’ France Télécom f’diversi swieq ta’ servizzi fejn hi topera fi Franza għadha predominanti, l-aktar minħabba effetti ta’ netwerk inerenti fis-swieq tal-komunikazzjonijiet. Bl-istess mod, France Télécom firxet il-preżenza tagħha fis-swieq ta’ Stati Membri oħra billi kisbet pożizzjonijiet sinifikanti, l-aktar fil-Polonja u fi Spanja. Jibqa’ l-fatt li, kif jenfasizza indirettament l-operatur tat-telekomunikazzjoni fil-kummenti tiegħu, minħabba l-pożizzjoni predominanti tagħha skont l-Artikolu 102 tat-TFUE jew minħabba l-qawwa sinifikanti fis-suq skont ir-regolamentazzjoni applikabbli għall-komunikazzjonijiet elettroniċi fl-Unjoni (60), France Télécom hi soġġetta għal obbligi asimetriċi li mhumiex imposti fuq impriżi kompetitriċi li l-qawwa fis-suq tagħhom hi iżgħar.

(136)

Issa dawn l-obbligi, pereżempju fil-qasam ta’ aċċess għan-netwerk tiegħu, ta’ bbażar tal-prezzjijiet fuq l-ispejjeż jew ta’ astensjoni minn imġiba kummerċjali li tkun permessa lil impriża mhux dominanti għandhom l-għan preċiżament li jagħmlu fiċ-ċert li l-pożizzjoni ta’ France Télécom li wirtet mill-ex monopolju tagħha ma tibqax tfixkel il-kompetizzjoni. Dawn l-istrumenti regolatorji ad hoc, imfassla u applikati regolarment mill-awtoritajiet nazzjonali tar-regolazzjoni u tal-kompetizzjoni u mill-Kummissjoni (61), huma aktar immirati u effikaċi biex joffru rimedju għall-effetti żvantaġġużi persistenti miksuba minn France Télécom minħabba l-monopolju preċedenti tagħha, kif isostnu dawk li ressqu l-ilment.

(137)

Barra minn hekk, l-għajnuna tal-Istat li hi s-suġġett ta’ din il-proċedura tidher, fil-prinċipju, meħtieġa biex jintlaħaq objettiv ta’ interess komuni bit-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni relatati mal-obbligi tal-irtirar u, allura, il-provvediment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

6.3.3.   Proporzjonalità tal-miżura ta’ għajnuna

(138)

Jidher ċar li l-kumpens finanzjarju favur l-Istat stabbilit bil-Liġi tal-1990 għal-likwidazzjoni u l-ħlas tal-pensjonijiet hu speċifiku għal France Télécom u sui generis. Minflok il-prinċipju ta’ rimborż totali previst mil-Liġi inizjali tal-1990 ġiet sostitwita skema differenti għall-iffissar tal-ammont tal-kumpens li kellu jitħallas lill-Istat mill-1996. Teoretikament kienu possibbli diversi alternattivi għall-iffissar tal-ammont tal-kontribuzzjoni ta’ min iħaddem li kellhom jitħallsu minn France Télécom, sat-teħid totali tar-responsabbiltà mill-Istat bla rimborż. Dan il-kumpens ilu jiġi kkalkolat mill-1997 b’referenza għal ċerti obbligi li jidħlu responsabbli għalihom l-impriżi kompetitriċi fis-settur. Għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ jekk l-għajnuna hijiex proporzjonali biex jintlaħaq l-objettiv stabbilit, allura għandha tiġi eżaminata n-natura oġġettiva u ġustifikata tar-referenza għall-iffissar tal-ammont tal-kumpens iffissat skont il-Liġi tal-1996.

(139)

Għandu jiġi nnutat minnufih li, f’proċessi relatati ma’ tnaqqis ta’ obbligi marbuta mal-pensjonijiet tal-uffiċjali ta’ ex operaturi ta’ monopolji fis-settur tat-telekomunikazzjoni, OTE fir-Repubblika Ellenika u BT Plc fir-Renju Unit, il-Kummissjoni vverifikat l-aktar jekk dawn l-impriżi kinux soġġetti għal obbligi soċjali ekwivalenti għal dawk tal-kompetituri biex tiddeċiedi, rispettivament, dwar il-kompatibilità u l-inkompatibilità mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-operaturi inkwistjoni (62). Issa, il-Kummissjoni tiddikjara li f’dan il-każ, il-kontribuzzjonijiet liberatorji mħallsa kull sena minn France Télécom u previsti bil-Liġi tal-1996 ma jippermettux li jiġi żgurat il-ġbir ta’ obbligi soċjali ekwivalenti għal dawk tal-kompetituri tagħha. Ir-rata ta’ ekwità kompetittiva (minn hawn ‘il quddiem “REK”) ma ntlaħqitx.

(140)

Madankollu, ir-Repubblika Franċiża u France Télécom igawdu mill-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali ta’ EUR 5,7 biljun imħallsa fl-1997 minn France Télécom b’applikazzjoni tal-Liġi tal-1996. L-ammont ta’ din il-kontribuzzjoni fissa ġie stabbilit fl-1996 b’mod li jikkumpensa, għal perjodu ta’ għaxar snin ta’ applikazzjoni tal-Liġi tal-1996, l-ispiża żejda prevista għall-Istat dak iż-żmien, billi tqiesu wkoll il-provvedimenti kontabbli li France Télécom kienet għamlet u li l-impriża setgħet terġa’ tieħu fis-sena finanzjarja 1996-97. Il-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali hi maqsuma f’żewġ elementi:

minn naħa, ammont ta’ EUR 3,6 biljun li jikkorrispondi għall-provvedimenti li saru minn France Télécom sal-1996 sabiex taffaċċja l-obbligi ta’ rtirar futur tal-uffiċċjali previsti dak iż-żmien;

min-naħa l-oħra, ammont ta’ EUR 2,1 biljun (minn hawn ‘il quddiem “ammont supplimentari”) li jikkorrispondi kemm fil-previżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll fil-fatti għall-obbligi soċjali netti tal-likwidazzjoni tal-pensjonijiet li l-Istat kellu jħallas fuq perjodu ta’ għaxar snin, bejn l-1997 u l-2006, minħabba t-trasferiment tal-obbligu tal-pensjonijiet tal-uffiċjali tat-telekomunikazzjoni.

(141)

Billi s-somma fissa ta’ EUR 5,7 biljun qatt ma kellha l-għan li tikkumpensa n-nuqqas ta’ rata ta’ ekwità kompetittiva bejn France Télécom u l-kompetituri tagħha, ma kienx ikun ġustifikat li jiġu bbilanċjati din is-somma u l-kontribuzzjonijiet annwali liberatorji li ma tħallsux minn France Télécom filwaqt li kienu jkunu meħtieġa biex tintlaħaq rata ta’ ekwità kompetittiva reali.

(142)

Għall-kuntrarju, jirriżulta mill-eżami tad-diskussjonijiet parlamentari li l-ammont supplimentari ta’ EUR 2,1 biljun kien maħsub biex ikopri t-trasferiment tal-obbligi mill-1997 sal-2006 u, fil-fatt, biex jelimina l-effetti tal-għajnuna għal perjodu ta’ għaxar snin. Għalhekk, l-isforz finanzjarju nett ta’ France Télécom li jikkorrispondi għal dan l-ammont supplimentari kkonsista fil-finanzjament, għal perjodu ta’ għaxar snin, tal-ispiża żejda tar-riforma għall-Istat Franċiż.

(143)

Barra minn hekk, il-kontribuzzjoni eċċezzjonali tinkludi t-teħid lura tal-provvedimenti kontabbli stabbiliti sal-1996 u li saru mhux applikabbli. Il-provvedimenti li ttieħdu lura mill-Istat kienu ġew stabbiliti minn France Télécom biex jindirizzaw l-obbligu ta’ pensjonijiet futuri u dan it-teħid lura jelimina l-effetti tal-għajnuna għall-perjodu ta’ ħlas tal-pensjonijiet li huma jistgħu jkopru.

(144)

Madankollu, il-Liġi tal-1996 tirreferi għal kontribuzzjoni eċċezzjonali waħda, mingħajr ma d-dispożizzjonijiet applikabbli, mhux aktar dawk tal-Liġi tal-finanzi iżda dawk tad-Digriet addizzjonali, jiddistingwu ammont li jirriżulta mill-provvedimenti, li jkollu jitnaqqas mill-obbligu trasferit lill-Istat għal dan il-perjodu. L-Artikolu 6 tal-Liġi tal-1996 jispeċifika li l-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali għandha titħallas bħala kumpens tat-teħid tal-obbligu mill-Istat tal-pensjonijiet allokati għall-uffiċjali tal-Istat. L-ammont ta’ din il-kontribuzzjoni eċċezzjonali għalhekk trid titqies fit-totalità tagħha fl-analiżi tar-riforma.

(145)

Billi France Télécom, bil-ħlas ta’ din il-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali, kopriet l-obbligu tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-uffiċjali tat-telekomunikazzjoni u l-obbligu tal-kumpens bejn l-iskemi għal perjodu ta’ madwar 15-il sena, l-effetti tal-għajnuna ġew newtralizzati. Għalhekk France Télécom, bil-ħlas ta’ din il-kontribuzzjoni eċċezzjonali, innewtralizzat l-effetti tal-għajnuna għal dan il-perjodu. Għalhekk, huwa ġġustifikat li, matul dan il-perjodu, France Télécom ma tiġix kostretta tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ kompatibilità ta’ din l-għajnuna, u allura li ma tħallasx il-kontribuzzjoni annwali meħtieġa biex tiġi żgurata rata ta’ ekwità kompetittiva li tinkludi r-riskji mhux komuni għall-impjegati rregolati bil-liġi privata.

(146)

Għandhom jiġu riveduti fid-dettall l-istadji ta’ dan ir-raġunament.

Ir-rata ta’ ekwità kompetittiva ma ntlaħqitx

(147)

Jidher ċar li l-imposti annwali liberatorji li saru minn France Télécom mir-riforma tal-1996 ma jippermettux li tintlaħaq rata ta’ ekwità kompetittiva, kif enfasizzat id-Deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura. Dan jirriżulta mill-fatt li r-rata applikata għal France Télécom tinkludi biss il-kontribuzzjonijiet li jikkorrispondu għar-riskji komuni bejn impjegati rregolati bil-liġi privata u uffiċjali tal-Istat, u għalhekk teskludi kontribuzzjonijiet li jikkorrispondu għar-riskji mhux komuni bħall-qgħad jew in-nuqqas ta’ pagament tas-salarji f’każ ta’ organizzazzjoni mill-ġdid jew ta’ likwidazzjoni tal-impriża.

(148)

Għalhekk jirriżulta mit-Tabella 4 li n-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tar-riskji mhux komuni fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni li għandha titħallas minn France Télécom tirriżulta f’differenza konsiderevoli bejn il-kumpens li jħallas France Télécom lill-Istat u dik li kienet tħallas kieku r-rata ta’ kontribuzzjoni ġiet ikkalkolata biex tiġi żgurata ekwità kompetittiva totali mal-bażijiet tal-kalkolu tal-obbligi tal-kompetituri. Għalhekk, il-miżura ta’ għajnuna li tirriżulta mil-Liġi ma tissodisfax il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Biex tissodisfa dan il-prinċipju u sabiex jintlaħaq l-objettiv leġittimu ddikjarat li ttejjeb il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni billi tagħmel ugwali l-metodi ta’ kalkolu relatati mal-obbligi mġarrba mill-impriżi attivi fis-swieq tat-telekomunikazzjoni ikkonċernati fi Franza, l-għajnuna mogħtija lil France Télécom b’applikazzjoni tal-Liġi tal-1996 kellha u għandha effettivament fil-futur tibbilanċja l-imsemmija obbligi billi tinkludi dawk relatati mar-riskji mhux komuni taż-żewġ kategoriji ta’ persunal.

(149)

F’dan ir-rigward, l-argument imressaq minn Franza li skont dan l-uffiċjali tal-Istat mhumiex esposti għal ċerti riskji u, għalhekk, mhuwiex ġustifikat li tikkontribwixxi għal dawn ir-riskji, ma jistax jinżamm. L-ewwel nett, huwa minħabba miżuri tal-Istat li dawn ir-riskji ma jitfaċċawx, għalhekk mhux ġustifikat li France Télécom tikseb vantaġġ finanzjarju minnhom. Pereżempju, huwa minħabba l-impenn tal-Istat Franċiż fir-rigward tal-uffiċjali attivi fi France Télécom u minħabba li l-Istat Franċiż huwa l-assiguratur tiegħu nnifsu li mhux se jkun hemm ir-riskju li s-salarji ma jitħallsux f’każ ta’ rimedju legali tal-impriża. Imma l-possibilità li France Télécom tiddikjara li falliet, eżatt bħal kompetitur, ma tistax tiġi eskluża. Fiż-żewġ każijiet, dan mhuwiex vantaġġ mogħti lill-impriża imma direttament lill-impjegati tagħha. Il-garanzija tal-ħlas tas-salarji tintervjeni wara li l-impriża tkun waqfet topera. Iżda impriża kompetitriċi jkollha tikkontribiwixxi biex tiggarantixxi r-riskju tan-nuqqas ta’ pagament tas-salarji wara li tieqaf topera, għall-kuntrarju ta’ France Télécom. Għalhekk mhuwiex ġustifikat li jingħata vantaġġ lil din tal-aħħar, f’forma ta’ anqas kontribuzzjoni jew, fil-fatt, ta’ esklużjoni ta’ dan ir-riskju bil-mod tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ta’ France Télécom.

(150)

Barra minn hekk, b’mod aktar fondamentali, l-objettiv stess tar-riforma introdotta fl-1996, li ma jidhirx li wasal sa tmiem il-loġika tiegħu, hu li jibbilanċja l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni għall-obbligi fiskali u soċjali bejn il-kompetituri kollha fis-settur, u dan indipendentement mill-kuntratt tal-persunal tagħhom u mill-eżistenza ta’ obbligu attwali għal France Télécom li tissieħeb u tħallas kontribuzzjonijiet lill-korpi ta’ ġestjoni kompetenti. Hi preċiżament din il-loġika ta’ bbilanċjar tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li tkun tista’ trendi l-miżura eżaminata kompatibbli mas-suq intern. Ikunx espost jew le l-persunal ta’ France Télécom għal riskji simili għalhekk mhux rilevanti f’din il-loġika.

(151)

Finalment, tnaqqis tat-teħid tar-responsabbiltà għall-pensjonijiet permezz ta’ trasferiment ta’ obbligu nett lill-Istat ikun jirrispetta l-prinċipju ta’ proporzjonalità biss jekk dan jippermetti bbilanċjar tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni. Iżda, France Télécom ma tpoġġietx f’sitwazzjoni ta’ ekwivalenza totali mal-impriżi tas-settur fir-rigward tal-obbligi soċjali abbażi tas-salarji, billi ċerti obbligi soċjali u fiskali ma ddaħħlux fil-bażi tal-evalwazzjoni tal-kontribuzzjoni annwali.

Mhuwiex ġustifikat li tiġi enfasizzata d-diskrepanza bejn ir-rata tal-kontribuzzjoni liberatorja applikata għal France Télécom mill-1997 u l-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali mħallsa lill-Istat minn France Télécom

(152)

Bl-istess mod, mhuwiex ġustifikat, għall-kuntrarju tal-pretensjonijiet tar-Repubblika Franċiża u ta’ France Télécom, li jitqies l-ammont tal-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali ta’ EUR 5,7 biljun li diġà tħallas minn France Télécom fl-1997 biex tiġi enfasizzata d-diskrepanza tar-rata tal-kontribuzzjoni liberatorja applikata għal France Télécom.

(153)

Bħala limitu, il-Kummissjoni tixtieq tfakkar li, f’kull sitwazzjoni, hi għandha tistabbilixxi jekk humiex issodisfati l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tad-deroga previsti bl-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, mingħajr ma tintrabat ma’ prattika preċedenti ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, u tqisha stabbilita (63).

(154)

Fi kwalunkwe każ, ir-riforma li qed tiġi eżaminata hi nettament differenti, u bil-bosta, mir-riforma msemmija fid-Deċiżjoni La Poste (64), li l-awtoritajiet Franċiżi qed jippruvaw jużaw.

(155)

Fil-fatt, għall-kuntrarju tar-riforma msemmija fid-Deċiżjoni La Poste li qed jinvokaw ir-Repubblika Franċiża u France Télécom, ir-riforma fil-mod ta’ finanzjament tal-pensjonijiet tal-uffiċjali ta’ France Télécom seħħet mal-ftuħ fil-livell tal-Unjoni tas-swieq fejn setgħet topera France Télécom.

(156)

Barra minn hekk jidher li France Télécom kisbet vantaġġ minn din il-liberalizzazzjoni billi stabbilixxiet ruħha fis-swieq ta’ Stati Membri oħra u dan grazzi mhux biss għall-bidla fl-istatut għal kumpanija bir-responsabbiltà limitata, imma anke, parzjalment, għat-tneħħija tal-impenji tal-obbligi tal-pensjonijiet mill-karta tal-bilanċ tagħha u għall-anqas obbligi potenzjali futuri li rriżultaw mir-riforma. Dan it-tnaqqis fl-impenji fil-karta tal-bilanċ tagħha ppermetta lil France Télécom tkabbar is-solvenza tagħha u l-kapaċità li tissellef. Jirriżulta mill-figuri tal-obbligi pprovduti minn dawk li ressqu l-ilment fil-kummenti tagħhom u mhux ikkontestati mir-Repubblika Franċiża dwar l-ammonti, li l-obbligu finanzjarju nett ta’ France Télécom għola minn EUR 19,2 biljun fl-1997 għal EUR 83 biljun fl-2002.

(157)

Huwa minnu li politika proattiva ta’ investiment f’espansjoni fis-swieq ta’ Stati Membri oħra li saret possibbli permezz tal-liberalizzazzjoni tista’ tkun l-oriġini ta’ dan it-tkabbir sostanzjali ħafna ta’ obbligu finanzjarju. Xorta jibqa’ l-fatt li l-provvista ta’ fondi meħtieġa saret possibbli parzjalment minħabba t-tneħħija tal-obbligi tal-irtirar għal ammont nett ta’ EUR […] biljun trasferiti lill-Istat Franċiż fl-1996. Għalhekk, il-kummenti tal-operatur tat-telekomunikazzjoni li jippruvaw juru li l-għajnuna ppermettiet lil France Télécom tiffinanzja l-espansjoni internazzjonali tagħha (kummenti mniżżla fil-Premessa 68) mhumiex, anke jekk indirettament, neqsin minn bażi ta’ verità.

(158)

Għall-kuntrarju, is-swieq postali kollha li fihom La Poste Franċiża tista’ topera fl-Unjoni għadhom mhumiex kompletament miftuħa għall-kompetizzjoni u mhumiex se jkunu qabel l-2012, jiġifieri sitt snin wara r-riforma tal-finanzjament tal-pensjonijiet ta’ La Poste (65). L-effett restrittiv ta’ kompetizzjoni tal-għajnuna li ngħatat lil France Télécom fi swieq kompletament miftuħa għalhekk huwa akbar minn dak tal-għajnuna lil La Poste. Għalhekk ma jenħtieġx paralleliżmu totali fil-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kompatibilità tal-għajnuna, billi dawn huma sitwazzjonijiet kompetittivi differenti fi swieq fejn il-prijorità tagħhom fil-ftuħ fil-livell tal-Unjoni u l-kontribuzzjoni għall-kompetittività tal-ekonomija tagħha, kienu differenti wkoll. Jirriżulta minn dan li l-kriterju ta’ interess komuni msemmi fl-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE mhux bilfors jiġi evalwat b’mod identiku fiż-żewġ każijiet inkwistjoni.

(159)

Barra minn hekk, is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ La Poste u, konsegwentement, il-kapaċità tagħha ta’ espansjoni fi swieq esterni jew ta’ rinfurzar fis-suq Franċiż ma kinux komparabbli ma’ dawk ta’ France Télécom. Kif enfasizzat id-Deċiżjoni La Poste, mingħajr ir-riforma tal-2006, minħabba l-bidla għal standards kontabbli ġodda, La Poste kellha tirreġistra fil-kontijiet tagħha provvediment għall-impenn favur l-Istat li sa dak iż-żmien ma kinitx iddaħħal fil-karta tal-bilanċ tagħha għal ammont ta’ EUR 76 biljun (66). Iżda, għall-kuntrarju ta’ La Poste, France Télécom kienet tirreġistra provvedimenti kontabbli fil-kontijiet tagħha biex tilqa’ għall-impenji futuri tagħha mingħajr ir-riforma, u dan għamel is-sitwazzjonijiet finanzjarji ta’ kull intrapriża oġġettivament differenti.

(160)

Bl-istess mod, in-nuqqas ta’ riforma għal France Télécom u l-insegwiment tal-iskema implimentata bil-Liġi tal-1990 kienu jissarrfu fi tkabbir tal-obbligi tal-pensjonijiet li kien qed isir sinifikanti mill-2005-07 skont il-previżjonijiet ta’ dak iż-żmien li jingħataw fil-Premessa 30, u dawn jikkorroboraw ir-riżultati a posteriori elenkati fit-Tabella 3. Iżda, meta seħħet ir-riforma, l-insegwiment tal-iskema implimentata bil-liġi applikabbli għal La Poste issarrfet immedjatament f’żieda annwali ta’ madwar EUR […] miljun għal La Poste (67).

(161)

Għalhekk ma ġiex ippruvat li s-sitwazzjoni taż-żewġ impriżi bl-effett tal-liġi applikabbli qabel ir-riformi rispettivi u, konsegwentement, l-impatt kompetittiv ta’ dawn, kienet simili. Il-fatti juru l-kuntrarju. Huwa ċar li eżami li jwassal għal konklużjonijiet simili fiż-żewġ każijiet mhux ġustifikat.

(162)

Barra minn hekk, fil-każ tad-Deċiżjoni La Poste, kien hemm raġunijiet biżżejjed biex jitqies li l-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali setgħet terġa’ tiġi allokata fil-futur bħala avvanz fuq il-pagament tal-kontribuzzjonijiet marbuta mar-rata emendata ta’ ekwità kompetittiva. Dawn ir-raġunijiet ma jidhrux f’dan il-każ. Fil-fatt, il-kundizzjoni li timponi l-allokazzjoni mill-ġdid tal-kontribuzzjoni eċċezzjonali ta’ La Poste ġiet iffissata wara li l-Kummissjoni kienet għaddiet għall-ftuħ tal-proċedura formali ta’ eżami billi poġġiet f’dubju s-sottovalutazzjoni tal-kontribuzzjoni liberatorja meħtieġa biex tinkiseb rata ta’ ekwità kompetittiva.

(163)

Il-biċċa l-kbira, u għalkemm l-awtoritajiet Franċiżi ma rrikonoxxewx dan b’mod espliċitu, l-allokazzjoni tal-kontribuzzjoni liberatorja eċċezzjonali inkwistjoni fid-Deċiżjoni La Poste għalhekk kienet ir-riżultat ta’ negozjar bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru maħsub biex jiżgura l-ħlas ta’ kontribuzzjoni liberatorja u b’hekk jiżgura rata ta’ ekwità kompetittiva. F’dan in-negozjar, il-punt tat-tluq tal-awtoritajiet Franċiżi mniżżel fin-notifika tagħhom tat-23 ta’ Ġunju 2006, wara l-ewwel entrati fil-fajl f’Diċembru 2005, kien li l-kontribuzzjoni eċċezzjonali prevista għal La Poste ma kinitx meħtieġa mil-lat tal-ekwità kompetittiva, għall-kuntrarju tal-abbozz maħsub tar-riforma tal-kontribuzzjoni annwali.

(164)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni għalhekk ma kinitx se tivvalida riforma li kienet daħlet fis-seħħ, kif jidher li qed issostni France Télécom. Fil-fatt, in-notifika u d-Deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura tat-12 ta’ Ottubru 2006 ġew qabel l-iffissar tal-ammont tal-kontribuzzjoni eċċezzjonali bil-Liġi 2006-1771 tat-30 ta’ Diċembru 2006 (Liġi tal-Finanzi li jemendaw għall-2006). Dawn in-negozjati kienu jikkonċernaw bosta aspetti tar-riforma u l-aktar il-kunsiderazzjoni tal-vantaġġ li kienet tirrappreżenta r-riforma nnotifikata fil-passat, il-perimetru tal-kalkolu tar-rata tal-kontribuzzjoni maħsuba u l-metodi għall-kunsiderazzjoni tal-ispeċifiċità tal-bank tal-posta b’rabta mal-attivitajiet postali u l-persunal affettwat. Dawn in-negozjati komplew u kien biss fil-kummenti tagħhom tat-8 ta’ Ġunju 2007 li l-awtoritajiet Franċiżi aċċettaw il-metodi għall-allokazzjoni tal-kontribuzzjoni eċċezzjonali fil-qafas ta’ ftehim globali dwar ir-riforma, u b’hekk marru lura għall-pożizzjoni nnotifikata tagħhom dwar il-kontribuzzjoni eċċezzjonali u l-metodu tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet annwali tal-futur.

(165)

Min-naħa l-oħra, għall-kuntrarju tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi tal-Finanzi għall-1997 li waqqfet l-istabbiliment pubbliku għall-ġestjoni tal-kontribuzzjoni ta’ France Télécom, li kienu jipprevedu regoli stretti dwar il-ħlas lura annwali lill-Istat, l-istabbiliment pubbliku għall-ġestjoni tal-kontribuzzjoni ta’ La Poste ma kienx soġġett għal regoli speċifiċi (68). Billi din kienet kontribuzzjoni eċċezzjonali li kellha titħallas u ma kinitx allokata, il-Kummissjoni seta’ jevalwa li r-Repubblika Franċiża setgħet tnaqqas l-ammont u fl-istess ħin iżżid ir-rata ta’ kontribuzzjoni annwali ta’ La Poste.

(166)

Barra minn hekk, irid jiġi ppruvat li t-termini tal-Liġi tal-1996 jiddefinixxu l-parametri tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali mħallsa regolarment lill-Istat bħala kumpens għall-pensjonijiet tal-uffiċjali, mingħajr ma jitqiesu r-riskji mhux komuni bejn l-uffiċjali u l-persunal irregolat bil-liġi privata. F’dan ir-rigward, it-Tribunal u l-Qorti speċifikaw, dwar it-taxxa professjonali dovuta minn France Télécom, li tnaqqis fl-obbligi ma kienx jiġi kkumpensat b’obbligu speċifiku differenti, l-aktar meta l-Istat Membru, ir-Repubblika Franċiża f’dan il-każ, irid jipprova li l-obbligi preċedenti twaqqfu għax ipprevedew anqas obbligi futuri skont skema ta’ tassazzjoni differenti (69).

(167)

Il-Kummissjoni ma tistax tinjora l-fatt li l-għan tal-kontribuzzjoni fissa speċifika diġà mħallsa fl-1997 kienet, kif jistabbilixxi speċifikament l-Artikolu 6 tal-Liġi tal-1996, li tikkumpensa parzjalment lill-Istat Franċiż għall-obbligu finanzjarju li ħa bil-Liġi tal-1996.

(168)

Barra minn hekk, jirriżulta mill-kontenut tar-rapport tas-Senat iċċitat fil-Premessa 27 li, meta daħħal il-prinċipju tal-kontribuzzjoni eċċezzjonali, il-leġiżlatur ma fittixx li jqis, u ħafna anqas li jikkumpensa, id-differenza bejn il-kontribuzzjonijiet annwali ta’ France Télécom u dawk, relattivament ogħla, tal-kompetituri tagħha. Għall-kuntrarju, il-leġiżlatur apposta obbliga lil France Télécom li tħallas obbligi annwali li ma jkoprux ir-riskji mhux komuni għaż-żewġ kategoriji ta’ persunal (uffiċjali u mhux uffiċjali) u dan, bla ma tiġi stabbilita konnessjoni bejn din l-għażla u l-imposta tal-kontribuzzjoni eċċezzjonali mħallsa fl-1997.

(169)

L-obbligu għal France Télécom li kien jirrappreżenta l-kontribuzzjoni liberatorja tħallas bħala dħul ġenerali fil-baġit tal-Istat, tpoġġa fl-istabbiliment pubbliku inkarigat bil-ġestjoni tagħha u ntuża. Skont dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni allura ma tistax, kompletament jew parzjalment, terġa’ talloka b’mod fittizju u a posteriori l-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali li diġà ntużat għal skop totalment differenti minn dak li allokawlha l-awtoritajiet Franċiżi u mhux previst bil-liġi, jiġifieri l-kumpens tan-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tar-riskji mhux komuni għall-impjegati rregolati bil-liġi privata u għall-uffiċjali tal-Istat. Din il-kontribuzzjoni fissa għalhekk ma ġietx implimentata bi previżjoni tal-ibbilanċjar komplut, fi skema leġiżlattiva u regolatorja differenti, tal-obbligi annwali ta’ France Télécom ma’ dawk tal-kompetituri.

(170)

Għall-istess raġunijiet, skont ir-regoli ta’ ġestjoni u tal-ħlas lura fil-baġit previsti bil-Liġi tal-Finanzi mill-1997 u implimentati sal-preżent, l-allegazzjonijiet u l-kalkoli tar-Repubblika li kellhom l-għan li juru li r-riforma tal-1996 illum irriżultat f’bilanċ favorevoli għall-Istat ma jistgħux jiġu aċċettati.

(171)

Fil-fatt, meta jitqiesu l-metodi tal-ġestjoni u tal-użu tal-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali ta’ France Télécom mill-istabbiliment pubbliku kompetenti, kif stabbiliti fil-Liġi tal-Finanzi, u l-figuri tar-rimborżi attwali mill-1997 trażmessi mir-Repubblika Franċiża, deskritti fil-Premessi 36 u 37 u fit-Tabella 3, hemm lok li jiġi ddikjarat li d-dħul li r-Repubblika Franċiża tipprova tuża, b’investiment li jdaħħal interessi bir-rata ta’ 7 %, qatt ma kien jeżisti.

[…]. Barra minn hekk, l-allegazzjoni ma tirriflettix l-imġiba attwali tal-awtoritajiet Franċiżi. Meta jitqiesu r-regoli ta’ ġestjoni stabbiliti fil-Liġijiet tal-Finanzi li ħarġu mit-twaqqif tiegħu, l-imsemmi stabbiliment pubbliku ma ġġenerax dan id-dħul, li barra minn hekk ma ġiex previst u ma tax interessi. Għall-kuntrarju, ir-riżorsi tal-istabbiliment kellhom jintużaw kompletament sal-31 ta’ Diċembru 2011. Dan kien iseħħ aktar kmieni kieku kienu ġew allokati għall-finanzjament tar-riforma tal-1996 — u dan hu kkuntestat mir-Repubblika Franċiża — anke kieku ddaħħal miegħu il-bilanċ favorevoli mit-taxxa kummerċjali, kif isostnu l-awtoritajiet Franċiżi. Fil-fatt, il-kunsiderazzjoni ta’ bilanċ favorevoli mit-taxxa kummerċjali hi illeġittima għax din twassal għal konfużjoni fir-rwoli differenti tal-Istat. L-amalgamazzjoni proposta mill-awtoritajiet Franċiżi ta’ dawn ir-rwoli differenti ma tistax tiġi segwita u għandha tinżamm distinzjoni bejn, minn naħa, l-Istat li jagħti għajnuna lil France Télécom billi jieħu r-responsabbiltà għall-ħlas tal-pensjonijiet tal-uffiċjali, sabiex jiżviluppa proċess ta’ kompetizzjoni abbażi tal-merti, u, min-naħa l-oħra, l-Istat bħala azzjonist ta’ France Télécom u, fl-aħħar, l-Istat, awtorità pubblika li teżerċita l-poter fiskali tagħha.

(172)

Barra minn hekk, għandu jiġi nnutat li t-talba li saret mir-Repubblika Franċiża u minn France Télécom biex tiġi kkunsidrata l-kontribuzzjoni eċċezzjonali biex tiġi eżaminata l-kompatibilità tar-riforma tikkontradixxi l-kummenti li r-Repubblika Franċiża kienet għamlet fl-ittra tagħha tas-17 ta’ Marzu 2004, skont liema “il-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali prevista bl-Artikolu 6 tal-Liġi tas-26 ta’ Lulju 1996 ma tistax għalhekk tiġi analizzata bħala l-kumpens ta’ allegat “vantaġġ”. L-analiżi tal-ammont tiegħu hu a fortiori bla rilevanza fir-rigward tar-regolamentazzjoni tal-għajnuna mill-Istat” billi dan l-ammont kien “kontribuzzjoni eċċezzjonali għall-benefiċċju tal-uniku azzjonist tiegħu [l-Istat Franċiż], simili għal dividend eċċezzjonali mogħti qabel kull ftuħ tal-kapital għal investituri privati”.

(173)

Ir-raġunament sottostanti tal-argument li sar mir-Repubblika Franċiża fiż-żmien adattat juri ċerta loġika ekonomika u finanzjarja. Jagħmel sens, għal azzjonist uniku, mal-ftuħ tal-kapital għal investituri oħrajn, li jassorbi l-profitt tiegħu biss u kemm jista’ jkun il-fondi disponibbli fl-impriża qabel il-ftuħ tal-kapital, sakemm dan ma jikkompromettix l-attrattività tal-investiment. Dan l-aħħar aspett ġie kkunsidrat fil-parametri finanzjarji imposti fil-karta tal-bilanċ tal-ftuħ ta’ France Télécom, li minnha jirriżulta indirettament l-ammont tal-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali, kif din ġiet ippreżentata lill-Parlament fl-1996. Għalhekk, kien perfettament koerenti min-naħa ta’ Stat azzjonist uniku nnotifikat li dan jieħu l-akbar ammont possibbli ta’ dividend eċċezzjonali, skont il-kundizzjonijiet stess tar-Repubblika Franċiża, milli jħalli l-fondi fl-impriża, li wara l-ftuħ tal-kapital fl-1997 ma kienx jieħu minnhom aktar mill-prorata tiegħu tal-parti tal-kapital li jinżamm.

(174)

Il-validità ta’ dan ir-raġunament imressaq fil-ħin adattat mir-Repubblika Franċiża, li talbet li l-analiżi tal-ammont tal-aġġustament ta’ EUR 5,7 biljun ma jitqiesx b’ebda mod għall-evalwazzjoni tar-riforma fir-rigward tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, ġiet ikkorborata mill-kummenti tagħha matul il-proċedura. Fil-fatt, bid-dikjarazzjoni li l-klassifikazzjoni tal-ammont tal-aġġustament kienet saret mhux skont l-ispiża tar-riforma stmata għall-Istat jew il-vantaġġi li kisbet France Télécom imma skont il-kapaċità kontributorja tal-impriża, ir-Repubblika Franċiża tindika li l-impożizzjoni ta’ aġġustament kienet tirriżulta aktar minn imġiba ta’ azzjonist wieħed innotifikat milli minn dik ta’ Stat regolatur anzjuż dwar il-bilanċ tal-obbligi tal-pensjonijiet li ħa r-responsabbiltà tagħhom skont ir-riforma.

(175)

Kieku kellu jiġi segwit raġunament simili, il-Kummissjoni ma kienx ikollha tqis il-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali fl-analiżi tal-kompatibilità tar-riforma mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, kif intalab fi żmien adattat mir-Repubblika Franċiża. Jirriżulta li kellu jiġi kkunsidrat biss it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet annwali ta’ France Télécom biex ikunu anqas minn dawk tal-kompetituri, kif ipproponiet ir-riforma mill-1997.

(176)

Għall-istess raġunijiet, il-Kummissjoni ma tistax issegwi l-kummenti ta’ dawk li ressqu l-ilment li qed jitolbu l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ aġġustament tal-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali mħallsa fl-1997 u tal-kontribuzzjoni ta’ min iħaddem annwali ta’ France Télécom biex tiġi żgurata n-newtralità finanzjarja tar-riforma.Dan iwassal ukoll għal kalkolu ġdid u allokazzjoni fittizja mill-ġdid a posteriori tal-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali kollha jew parzjali mħallsa fil-baġit tal-Istat fl-1997. Bl-istess mod, il-mekkaniżmu inkwistjoni iwassal biex jiġi implimentat kontroll a posteriori, sena wara sena, li l-għan tiegħu ma jkunx li tiġi żgurata l-proporzjonalità tal-għajnuna mogħtija, għalkemm imnaqqsa bil-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali, fl-1997, imma li titneħħa kull għajnuna fir-riforma.

(177)

Għall-kuntrarju, hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-ħlas tal-kontribuzzjoni eċċezzjonali jistax jitqies fl-evalwazzjoni tal-kompatibilità tal-miżura ta’ għajnuna mas-suq intern billi tinżamm il-ġustifikazzjoni ta’ dan il-ħlas kif stabbilit bil-Liġi tal-1996.

Huwa ġustifikat li ma jintalabx minn France Télécom il-pagament ta’ kontribuzzjoni supplimentari li tiżgura rata ta’ ugwaljanza kompetittiva għall-perjodu 1997-2010

(178)

Skont il-Liġi tal-1996, il-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali fl-1997 tħallset bħala kumpens għat-teħid tal-obbligu tal-pensjonijiet mill-Istat Franċiż. Skont dawn il-kundizzjonijiet, għandhom jitqiesu l-effetti tal-impożizzjoni ta’ dan fuq il-bilanċ finanzjarju totali tar-riforma introdotta bil-Liġi tal-1996 kif applikata s’issa. Hemm lok li jitqies iż-żmien meta l-obbligu tal-pensjonijiet tal-irtirar kien kopert mill-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali.

(179)

Biex jitqabblu flussi finanzjarji għal France Télécom mifruxa tul iż-żmien, jiġifieri, il-pagament tal-kontribuzzjoni eċċezzjonali fl-1997 u l-anqas obbligi annwali li rriżultaw mil-liġi tal-1996 minn dak iż-żmien, jenħtieġ li wieħed jgħaddi għall-aġġornament tal-ammonti. Matul is-sena 1997, bosta pagamenti tal-kontribuzzjoni eċċezzjonali nfirxu sa Ottubru 1997, anke jekk il-finanzjament ta’ din permezz ta’ self fil-fatt ippospona l-obbligu finanzjarju għal France Télécom. Min-naħa l-oħra, saru pagamenti tal-kontribuzzjoni liberatorja mill-bidu tas-sena 1997. Ir-rata ta’ aġġornament fil-prinċipju għandha tkun dik li tirriżulta mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni applikabbli f’dan il-qasam (70), rata li, pereżempju, kienet ta’ 5,53 % f’Ottubru 1997. Għandu jiġi eżaminat jekk hux xieraq f’dan il-każ li tintuża rata differenti minn dik tal-Kummissjoni applikabbli, u b’hekk jiġu injorati r-regoli, ikkomunikati lill-Istati Membri, li stabbilixxiet il-Kummissjoni għaliha nnifisha u li trid tapplika ħlief f’każ ta’ eċċezzjoni ġustifikata b’mod korrett.

(180)

F’dan ir-rigward, l-għażla tar-rata ta’ 7 % użata mill-attwarju tal-gvern Franċiż biex jaġġorna l-flussi finanzjarji tar-riforma tal-1996 sal-2043 ma tkunx ġustifikata, […]% minħabba li din l-analiżi hi għal perjodu iqsar skont l-iskeda stabbilita. Ir-rata ta’ 7 % ukoll hi ħafna ikbar mill-medja ta’ 4,4 % tar-rati annwali ta’ aġġornament għall-perjodu 1997-2010 użati mir-Repubblika Franċiża fil-kummenti tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-ftuħ jew mir-rati ta’ aġġornament ta’ […]% użati għall-1998 fir-riforma tal-mod ta’ finanzjament tal-pensjonijiet ta’ La Poste (71).

(181)

Ir-rati ta’ madwar 7 % għall-OST għal 15-il sena għall-1996 proposti mir-Repubblika Franċiża ma jistgħux jintużaw lanqas. Ir-rata għandha tiġi stabbilita għall-1997 u mhux għall-medja tal-1996. Barra minn hekk, il-perjodu ta’ 15-il sena hu twil wisq fir-rigward tal-kobor tal-flussi ta’ pagamenti annwali li teoretikament il-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali kien ikollha taffaċċja matul il-perjodu, li għalihom ma kinux ikunu biżżejjed l-interessi biss. Alternattivament, mill-perspettiva tal-Istat Franċiż tista’ tiġi prevista l-għażla ta’ rata komposta mibnija minn rati differenti għall-isfruttament tal-investiment tal-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali biex tilqa’ għall-iskala ta’ fluss li rriżultat bir-riforma tal-1996. Minbarra li rata simili, madwar 5,50 % ma tkunx sostanzjalment differenti mir-rata ta’ referenza tal-Kummissjoni għal Ottubru 1997, l-għażla ma tqisx il-fatt li l-analiżi ssir mill-perspettiva ta’ France Télécom (72).

(182)

Finalment, f’dan ir-rigward, ir-referenza ta’ 7 % għas-self obbligatorju ta’ France Télécom bejn l-1991 u l-1997 avvanzata mir-Repubblika Franċiża tkopri perjodu ta’ sitt snin, ħafna qabel dawn il-fatti. F’dan il-każ, il-fatt huwa li France Télécom iffinanzjat il-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali fl-1996 permezz ta’ ħruġ prinċipalment għal perjodu qasir u, f’miżura ħafna anqas, permezz ta’ ħruġ obbligatorju. Iżda, rata ta’ aġġornament li tirriżulta mir-rati ta’ interess imħallsa minn France Télécom fuq l-obbligi l-ġodda li saru fl-1996 kienet titla’ għal 4,8 % abbażi tal-karta tal-bilanċ tagħha fil-31 ta’ Diċembru 1996 (73). Rata simili tiġi aġġustata għall-materjalità tal-ispejjeż finanzjarji reali li ġarrbet France Télécom dak iż-żmien biex tiffinanzja l-kontribuzzjoni eċċezzjonali. Madankollu, jidher xieraq li r-rata ta’ aġġornament ma ssirx dipendenti fuq l-għażla li ssir mill-impriża fiż-żmien adattat, imma li tintuża r-referenza oġġettiva użata mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni applikabbli tagħha dwar ir-rata ta’ aġġornament (74).

(183)

Fil-qosor, mhux xieraq f’dan il-każ li tintuża referenza tar-rata differenti minn dik li tirriżulta mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni applikabbli f’dan il-qasam u li b’hekk wieħed jinjora r-regoli, ikkomunikati lill-Istati Membri, li stabbilixxiet il-Kummissjoni.

Tabella 5

Flussi finanzjarji li rriżultaw mir-riforma tal-1996 għal France Télécom (1997-2011)

(Miljun EUR)

Sena

Pensjonijiet imħallsa

(A)

Kumpens u kumpens żejjed

(B)

Kontribuzzjonijiet annwali

(C)

Vantaġġ FT

(D)

(A + B-C) (*2)

Aġġustament l-1 ta’ Jannar

(E)

Interess

(F)

Aġġustament 31 ta’ Diċembru

(E + F+D)

1997  (*3)

[…]

[…]

[…]

122,3

5 716,8

184,4

5 777,9

1998

[…]

[…]

[…]

188,2

5 777,9

319,5

5 909,2

1999

[…]

[…]

[…]

189,8

5 909,2

326,8

6 046,2

2000

[…]

[…]

[…]

298,3

6 046,2

334,4

6 082,2

2001

[…]

[…]

[…]

302,9

6 082,2

336,3

6 115,6

2002

[…]

[…]

[…]

305,9

6 115,6

338,2

6 148,0

2003

[…]

[…]

[…]

364,7

6 148,0

340,0

6 123,3

2004

[…]

[…]

[…]

477,4

6 123,3

338,6

5 984,5

2005

[…]

[…]

[…]

619,1

5 984,5

330,9

5 696,3

2006

[…]

[…]

[…]

744,4

5 696,3

315,0

5 266,9

2007

[…]

[…]

[…]

909,9

5 266,9

291,3

4 648,2

2008

[…]

[…]

[…]

1 101,0

4 648,2

257,0

3 804,3

2009

[…]

[…]

[…]

1 255,8

3 804,3

210,4

2 758,9

2010

[…]

[…]

[…]

1 386,6

2 758,9

152,6

1 524,8

2011

(stmat)

[…]

[…]

[…]

1 497,5

1 524,8

84,3

111,6

(184)

Kapitalizzata bir-rata ta’ aġġornament ta’ 5,53 %, il-kunsiderazzjoni tal-aġġustament kien ikollha tikkumpensa sal-ewwel trimestru tal-2012 (75) it-tnaqqis tal-obbligi annwali li minnu bbenefikat France Télécom minħabba l-implimentazzjoni tar-riforma tal-1996.

(185)

Barra minn hekk, l-iskadenza ta’ dan il-kumpens, li jinnewtralizza l-effetti tar-riforma, tikkoinċidi wkoll għal ftit xhur mal-eżawriment attwali tar-riżorsi tal-istabbiliment pubbliku inkarigat bil-ġestjoni tal-kontribuzzjoni eċċezzjonali ta’ France Télécom prevista fil-31 ta’ Diċembru 2011. Mal-analiżi ta’ aġġornament jiżdied ukoll il-fatt li, fi kwalunkwe każ, il-kontribuzzjoni eċċezzjonali effettivament kienet tkun intużat. Għalhekk, ma kienx jifdal ammonti mhux rimborżati lill-baġit tal-Istat li jkun possibbli li jiġu allokati mod ieħor ħlief kif previst bil-Liġi tal-Finanzi applikabbli.

(186)

Għalhekk huwa ġġustifikat li, minħabba l-ħlas ta’ din il-kontribuzzjoni eċċezzjonali fl-1997, France Télécom ma ġietx obbligata li tħallas suppliment ta’ kontribuzzjoni annwali għall-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 1997 u data wara l-31 ta’ Diċembru 2010 li għad trid tiġi determinata bi preċiżjoni. Fil-fatt, sakemm, fit-Tabella 5, il-figuri għas-sena 2011 u dawk tal-obbligu ta’ kumpens u kumpens żejjed jirriżultaw minn stimi, b’mod partikolari, għandha tiġi stabbilita d-data eżatta mir-Repubblika Franċiża abbażi tad-data definittiva tal-pagamenti li saru, tal-ammonti definittivi tas-servizzi mħallsa u tal-anqas kontribuzzjonijiet u vantaġġi oħra għal France Télécom li rriżultaw mil-Liġi tal-1996, billi ġew segwiti l-prinċipji tal-kalkolu elenkati fit-Tabella 5.

(187)

Għall-kuntrarju, wara n-newtralizzazzjoni tal-effetti tal-kontribuzzjoni eċċezzjonali u l-eżawriment tar-riżorsi mħallsa lill-Istat, l-għajnuna mogħtija fl-1996 lil France Télécom se jkollha l-effetti kollha billi barra minn hekk tagħti vantaġġ lil France Télécom meta mqabbla mal-kompetituri tagħha. Imbagħad l-għajnuna ma tkunx tista’ tiġi ġġustifikata ħlief billi France Télécom tiġi soġġetta għall-ħlas ta’ kontribuzzjoni liberatorja kkalkolata fuq rata li tiżgura ekwità kompetittiva reali. Għalhekk, kieku d-dispożizzjonijiet tal-Liġi tal-1990 kif emendati bil-Liġi tal-1996 kif ukoll id-dispożizzjonijiet regolatorji sekondarji applikabbli, billi jipprevedu li r-rata tal-kontribuzzjoni liberatorja tiġi kkalkolata b’mod li tibbilanċja l-livelli ta’ obbligi soċjali u fiskali obbligatorji bbażati fuq is-salarji bejn France Télécom u l-impriżi l-oħra fis-settur tat-telekomunikazzjoni li jirriżultaw mil-liġi komuni tas-servizzi soċjali, billi jillimitaw il-kalkolu għal dawk ir-riskji li huma komuni għall-impjegati rregolati bil-liġi privata u għall-uffiċjali tal-Istat, baqgħu ma nbidlux, l-għajnuna li ngħatat lil France Télécom sat-tmiem tal-obbligi finanzjarji li ħa r-responsabbiltà tagħhom l-Istat Franċiż minflok France Télécom skont il-Liġi tal-1996 ma kinitx tissodisfa l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

(188)

Biex tissodisfa l-kriterju ta’ konformità mal-interess komuni previst fl-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, il-kompatibilità tal-għajnuna tenħtieġ għalhekk ir-rispett tal-kundizzjonijiet li din id-Deċiżjoni hi kwalifikata bihom.

7.   KUNDIZZJONIJIET TA’ KOMPATIBILITÀ GĦALL-FUTUR

(189)

Konsegwentement, jenħtieġ li r-Repubblika Franċiża temenda d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolatorji applikabbli biex tistabbilixxi, tikkalkola u tiġbor il-kontribuzzjoni liberatorja li għandha titħallas minn France Télécom b’mod li tagħmel ugwali l-livelli ta’ obbligi soċjali u fiskali obbligatorji bbażati fuq is-salarji bejn France Télécom u l-impriżi l-oħra fis-settur tat-telekomunikazzjoni li jirriżultaw mil-liġi komuni tas-servizzi soċjali. Barra minn hekk, jeħtieġ li l-metodi u l-parametri tal-kalkolu jiġu ffissati b’mod trasparenti u oġġettiv u jistgħu jkunu soġġetti għal kontrolli u rikorsi.

(190)

Ir-Repubblika Franċiża kien missha wkoll, mal-kalkolu tar-rata tal-kontribuzzjoni liberatorja, tibbilanċja effettivament il-livell ta’ spejjeż soċjali u fiskali obbligatorji bbażati fuq is-salarji bejn France Télécom u l-impriżi l-oħra fis-settur tat-telekomunikazzjoni li jirriżultaw mil-liġi komuni tas-servizzi soċjali billi jqisu wkoll ir-riskji mhux komuni għall-impjegati rregolati bil-ligi privata u għall-uffiċjali impjegati minn France Télécom.

(191)

Fil-kummenti tar-Repubblika Franċiża ddettaljati aħjar fl-Annessi III u V tagħha aġġornati, l-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw stimi ta’ x’kienet tkun ir-rata ta’ kontribuzzjoni liberatorja li kellha titħallas minn France Télécom mill-1997 (ara t-Tabella 4) kieku r-riskji mhux komuni ddaħħlu fil-metodu tal-kalkolu (minn hawn ‘il quddiem ir-“rata emendata”). Ir-rata emendata tinkludi kemm il-kontribuzzjonijiet għall-qgħad u l-assigurazzjoni ta’ garanzija tal-ħlas dovut tas-salarji, li jżiduha, u kontribuzzjonijiet speċifiċi li ma jħallsux il-kompetituri ta’ France Télécom bħall-1 % tal-obbligu in solidum u s-servizzi fi flus għall-waqfien mix-xogħol awtoassigurati minn France Télécom, li jnaqqsuha. Għalhekk tirriżulta rata ogħla b’madwar seba’ punti perċentwali mir-rata effettivament applikata bħalissa.

(192)

Rata simili tiżgura ugwaljanza kompetittiva effettiva meta mqabbla mal-ekwità parzjali biss introdotta bil-Liġi tal-1996, filwaqt li jitqiesu l-obbligi soċjali speċifiċi ta’ France Télécom. Għalhekk il-Kummissjoni ma tikkontestax il-prinċipji, il-bażi u l-metodi tal-kalkolu segwiti mir-Repubblika Franċiża biex tiġi stabbilita rata ta’ kontribuzzjoni liberatorja emendata biex tibbilanċja l-livelli ta’ obbligi soċjali u fiskali obbligatorji bbażati fuq is-salarji bejn France Télécom u l-impriżi l-oħra fis-settur tat-telekomunikazzjoni li jirriżultaw mil-liġi komuni tas-servizzi soċjali, kif indikati fil-kummenti aġġornati tar-Repubblika Franċiża u deskritti u ddetaljati fl-Annessi III u V ta’ dawn il-kummenti.

(193)

Konsegwentement, id-determinazzjoni annwali tar-rata li tippermetti l-ibbilanċjar tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni mir-Repubblika Franċiża jkollha ssegwi l-prinċipji, il-bażi u l-metodi tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni liberatorja li jinsabu fil-kummenti msemmija fil-Premessa (191). B’mod partikolari, ir-rata emendata għandha tinkludi kemm il-kontribuzzjonijiet għall-qgħad u l-assigurazzjoni ta’ garanzija tal-ħlas dovut tas-salarji, u l-kontribuzzjonijiet jew obbligi speċifiċi li ma jħallsux il-kompetituri ta’ France Télécom bħall-1 % tal-obbligu in solidum u s-servizzi fi flus għall-waqfien mix-xogħol awtoassigurati minn France Télécom.

(194)

Dan l-ibbilanċjar fil-fatt se jiżgura ugwaljanza kompetittiva attwali bejn France Télécom u l-kompetituri tagħha u jiggarantixxi l-proporzjonalità u l-kompatibilità mas-suq intern ta’ għajnuna mwettqa fl-1996.

8.   KONKLUŻJONIJIET

(195)

Il-Kummissjoni tiddikjara li r-Repubblika Franċiża illegalment wettqet għajnuna mill-Istat implimentata skont ir-riforma fl-1996 tal-metodu ta’ finanzjament tal-pensjonijiet tal-uffiċjali tal-Istat impjegati ma’ France Télécom bil-ksur, mid-dħul fis-seħħ tagħha, tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE.

(196)

It-twettiq ta’ din l-għajnuna mill-1997, ippermetta tnaqqis fl-obbligi soċjali annwali mġarrba minn France Télécom. Madankollu, dan l-effet ġie newtralizzat mill-anqas sal-2010 mill-ħlas tal-kontribuzzjoni fissa eċċezzjonali prevista skont din ir-riforma. Din in-newtralizzazzjoni tiġġustifika li l-kundizzjonijiet li jpoġġu fuq bażi ta’ ugwaljanza reali lil France Télécom u lill-kompetituri tagħha fir-rigward ta’ dawn l-obbligi u li jrendu din l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern jiġu applikati minn data wara l-31 ta’ Diċembru 2010 li għad trid tiġi ffissata.

(197)

Għalhekk, sa fejn u sakemm ir-Repubblika Franċiża tqis, fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni liberatorja dovuta minn France Télécom, il-livelli tal-obbligi soċjali u fiskali obbligatorji bbażati fuq is-salarji bejn France Télécom u l-impriżi l-oħra fis-settur tat-telekomunikazzjoni li jirriżultaw mil-liġi komuni tas-servizzi soċjali billi tqis ir-riskji komuni u mhux komuni għall-impjegati rregolati bil-liġi privata u għall-uffiċjali tal-Istat, ir-riforma introdotta bil-Liġi tal-1996 tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern b’applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE. Għalhekk ir-Repubblika Franċiża hi obbligata li tieħu l-miżuri, l-aktar leġiżlattivi u regolatorji, meħtieġa biex tissodisfa l-kundizzjoni msemmija f’din il-premessa,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat li tirriżulta mit-tnaqqis tal-kumpens li għandu jitħallas lill-Istat għal-likwidazzjoni u l-ħlas tal-pensjonijiet allokati, b’applikazzjoni tal-Kodiċi tal-pensjonijiet tal-irtirar ċivili u militari, lill-uffiċjali ta’ France Télécom b’applikazzjoni tal-Liġi Nru 96-660 tas-26 ta’ Lulju 1996 dwar l-impriża nazzjonali France Télécom li temenda l-Liġi Nru 90-568 tat-2 ta’ Lulju 1990 rigward l-organizzazzjoni tas-servizz pubbliku tal-posta u tat-telekomunikazzjoni hi kompatibbli mas-suq intern, skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2.

Artikolu 2

Il-kontribuzzjoni ta’ min iħaddem ta’ natura liberatorja, dovuta minn France Télécom skont l-Artikolu 30(c) tal-Liġi Nru 90-568 tat-2 ta’ Lulju 1990 rigward l-organizzazzjoni tas-servizz pubbliku tal-posta u tat-telekomunikazzjoni, għandha tiġi kkalkolata u tinġabar b’mod li tibbilanċja l-livelli tal-obbligi soċjali u fiskali obbligatorji kollha bbażati fuq is-salarji bejn France Télécom u l-impriżi l-oħra fis-settur tat-telekomunikazzjoni li jirriżultaw mil-liġi komuni tas-servizzi soċjali.

Biex tiġi ssodisfata din il-kundizzjoni, mhux aktar minn seba’ xhur wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, ir-Repubblika Franċiża:

(a)

għandha temenda l-Artikolu 30 tal-Liġi Nru 90-568 tat-2 ta’ Lulju 1990 rigward l-organizzazzjoni tas-servizz pubbliku tal-posta u tat-telekomunikazzjoni u t-testi regolatorji jew oħrajn maħruġa għall-applikazzjoni tagħha b’mod li l-bażi tal-kalkolu u l-ġbir tal-kontribuzzjoni ta’ min iħaddem ta’ natura liberatorja, dovuta minn France Télécom, ma jkunux limitati biss għar-riskji komuni għall-impjegati rregolati bil-liġi privata u għall-uffiċjali tal-Istat imma jinkludu wkoll ir-riskji mhux komuni;

(b)

tiġbor mingħand France Télécom, mill-ġurnata meta l-ammonti ta’ kontribuzzjoni eċċezzjonali implimentata bil-Liġi Nru 96-660 tas-26 ta’ Lulju 1996 kapitalizzati bir-rata ta’ aġġornament li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-metodu tal-iffissar tar-rati ta’ referenza u ta’ aġġornament applikabbli f’dan il-każ jugwalaw l-ammont tal-kontribuzzjonijiet u l-obbligi li France Télécom kienet tkompli tħallas skont l-Artikolu 30 tal-Liġi Nru 90-568 tat-2 ta’ Lulju 1990 fl-abbozz inizjali tagħha, kontribuzzjoni ta’ min iħaddem ta’ natura liberatorja kkalkolata skont il-metodi speċifikati fil-punt a), b’kunsiderazzjoni tar-riskji komuni u mhux komuni għall-impjegati rregolati bil-liġi privata u għall-uffiċjali tal-Istat.

Artikolu 3

1.   Fix-xahrejn li jsegwu n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, ir-Repubblika Franċiża għandha tikkomunika lill-Kummissjoni deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u previsti biex tikkonforma ma’ din id-Deċiżjoni. Hi għandha tavża b’mod partikolari lill-Kummissjoni:

(a)

bl-istat ta’ progress tal-emendi tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolatorji msemmija fl-Artikolu 2;

(b)

bl-ammonti definittivi ta’ kumpensi u kontribuzzjonijiet għas-sena 2011 u b’dawk previsti, jekk ikun il-każ, għall-2012, fir-rigward, l-aktar, tal-bilanċ eventwali tal-ammonti kapitalizzati tal-kontribuzzjoni eċċezzjonali;

(c)

bl-ammonti tal-kontribuzzjoni ta’ min iħaddem ta’ natura liberatorja kkalkolati skont il-metodi speċifikati fl-Artikolu 2 għall-iskadenzi futuri, fl-istennija tal-emenda fil-leġiżlazzjoni;

(d)

bil-pagamenti tal-kontribuzzjoni ta’ min iħaddem li saru wara li l-ammonti tal-kontribuzzjoni eċċezzjonali implimentata bil-Liġi Nru 96-660 tas-26 ta’ Lulju 1996 kapitalizzati bir-rata ta’ aġġornament li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-metodu tal-iffissar tar-rati ta’ referenza u ta’ aġġornament applikabbli f’dan il-każ ikunu waqfu milli jinnewtralizzaw l-effetti tar-riforma tal-1996.

2.   Ir-Repubblika Franċiża għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali li jittieħdu għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Hi għandha tittrażmetti immedjatament, fuq sempliċi talba mill-Kummissjoni, kull informazzjoni dwar il-miżuri li jkunu diġà ttieħdu u dawk previsti biex tikkonforma ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Ir-Repubblika Franċiża hi d-destinatarja ta’ din id-Deċiżjoni.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)  Mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE saru rispettivament l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Fiż-żewġ każijiet, id-dispożizzjonijiet, fis-sustanza, huma identiċi. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, ir-referenzi għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE għandhom jitfissru, jekk ikun hemm bżonn, bħala rispettivament għall-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE.

(2)   ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(3)   ĠU C 213, 21.8.2008, p. 11.

(4)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 3.

(5)  Is-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2008, Hotel Cipriani et v Il-Kummissjoni, il-kawżi magħquda T-254/00, T-270/00 u T-277/00, Ġabra, p. II-3269

(6)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/703/KE tal-11 ta’ Frar 2009 dwar l-għajnuna mill-Istat C55/2007 mogħtija lil BT Plc (ĠU L 242, 15.9.2009, p. 21).

(7)  Il-Liġi Nru 90-568 tat-2 ta’ Lulju 1990 dwar l-organizzazzjoni tas-servizz pubbliku tal-posta u tat-telekomunikazzjoni (Loi no 90-568 du 2 juillet 1990 relative à l’organisation du service public de la poste et des telecommunications), JORF Nru 157 tat-8 ta’ Lulju 1990 p. 8069.

(8)  Figuri sħaħ.

(9)  France Télécom, Rapport Annwali 1996, pp. 35, 60 u 64 u risposta tal-awtoritajiet Franċiżi bid-data tas-17 ta’ Marzu 2004, Punt 4(1) a).

(10)  Il-Liġi Nru 96-660 tas-26 ta’ Lulju 1996 dwar l-impriża nazzjonali France Télécom (Loi no 96-660 du 26 juillet 1996 relative à l’entreprise nationale France Télécom), JORF Nru 174 tas-27 ta’ Lulju 1996 p. 11398.

(11)  Dokument ta’ Referenza 2008 France Télécom, ippreżentat lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, p. 18.

(12)  Senat, Rapport Nru 406 maħruġ f’isem il-Kummissjoni tal-Affarijiet Ekonomiċi u tal-Pjan dwar l-abbozz tal-liġi dwar l-impriża nazzjonali France Télécom mis-Sur Gérard Larcher, p. 17.

(*1)  Il-figuri jew il-passaġġi fil-parentesi […] huma kunfidenzjali jew koperti mis-sigriet kummerċjali.

(13)  Senat, Rapport Nru 406 tas-Sur Gérard Larcher, imsemmi qabel, p. 15.

(14)  Assemblea Nazzjonali, Rendikont tad-diskussjoni tas-26 ta’ Ġunju 1996, p. 4 sa 6 u p. 20. Senat, Rendikont tal-Laqgħa tal-10 ta’ Ġunju 1996 p. 6.

(15)  France Télécom, Rapport annwali 1996, p. 56.

(16)  France Télécom, Rapport Annwali 1996, pp. 35, 60 u 64.

(17)  France Télécom, Rapport Annwali 1996, p. 70 sa 73. In-Nota Nru 15 tal-kontijiet tinnota ż-żieda fl-obbligi fuq perjodu qasir u fit-tul li għolew, ripsettivament, minn FRF 6,2 biljun għal FRF 30,8 biljun u minn FRF 66,9 biljun għal FRF 74,2 biljun, jiġifieri żieda totali ta’ FRF 31,8 biljun matul is-sena finanzjarja 1996. Iż-żieda fl-obbligi tal-kumpanija fl-1996, kważi tliet kwarti minnha minħabba żieda fil-karta kummerċjali fuq perjodu qasir, hi attribwita mill-awdituri għall-finanzjament tal-kontribuzzjoni eċċezzjonali ta’ FRF 37,5 biljun dovuta lill-Istat. Ir-rati ta’ interess medji applikati għall-obbligi ta’ France Télécom fil-31 ta’ Diċembru 1996 kienu ta’ 4,33 % fuq perjodu qasir u ta’ 6,57 % fuq perjodu qasir u fit-tul.

(18)  Artikolu 46 tal-Liġi tal-Finanzi Nru 96-1181 għall-1997 (loi no96-1181 de finances pour 1997), JORF Nru 304 tal-31 ta’ Diċembru 1996, p. 19490.

(19)  Rapport lill-Assemblea Nazzjonali Nru 3030 mis-Sur Philippe Auberger dwar l-abbozz tal-Liġi tal-Finanzi għall-1997, p. 453.

(20)  Fl-2006, il-ħlas annwali tal-istabbiliment żdied b’EUR 1 biljun għall-ħtiġijiet tal-kapital operatorju tal-kont ta’ approprjazzjoni speċjali għall-pensjonijiet. Mill-2006 saru derogi oħra fil-limitu ta’ 10 % tal-ħlas annwali minħabba ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-kont ta’ approprjazzjoni speċjali li ġew sostitwiti minn ħlasijiet annwali akbar, ara l-Anness 37 dwar “L-Iskemi Soċjali u tal-Iritrar — Pensjonijiet, Nru 1198 (Kapitolu II-2 B-3) fir-Rapport quddiem l-Assemblea Nazzjonali Nru 1127 dwar l-abbozz tal-Liġi tal-Finanzi għall-2008 mħejji minn Gilles Carrez. Ara wkoll ir-Rapport tal-Ispettorat Ġenerali tal-Finanzi M2007-005-02, “Il-ġestjoni multiannwali tal-finanzi pubbliċi, April 2007, Anness VI, p. 9.

(21)  Il-Liġi Nru 2010-1657 tad-29 ta’ Diċembru 2010 tal-Finanzi għall-2011 (Loi no 2010-1657 du 29 décembre 2010 de finances pour 2011), Stati Leġiżlattivi Anness III, Kontijiet ta’ allokazzjoni speċjali, Pensjonijiet, linja 60 JORF Nru 0302 tat-30 ta’ Diċembru 2010 paġna 23033. Fl-Anness 37 dwar “L-Iskemi tas-Sigurtà Soċjali u tal-Irtirar — Pensjonijiet”, Nru 1198, il-leġiżlatur ippreveda fl-2008 li ħlas ta’ EUR 252 miljun kien jirregolarizza r-riżorsi disponibbli tal-istabbiliment pubbliku fil-31 ta’ Diċemrbu 2011 abbażi ta’ ħlas annwali ta’ EUR 626 miljun għall-2010, meta l-ħlas effettiv kien ta’ EUR 635,8 miljun. Din id-differenza ta’ EUR 10 miljuni jidher li tispjega l-ħlas ta’ EUR 243 miljun previst bil-Liġi tal-Finanzi 2011.

(22)  L-ammont ta’ EUR 36,9 biljun (FRF 242 biljun) huwa ekwivalenti għall-impenji futuri fl-1 ta’ Jannar 1997. Għalhekk huwa differenti, u aktar adattat għall-istima tal-miżuri inkwistjoni milli dak ta’ EUR 35,7 biljun (FRF 234 biljun) imsemmi fil-Punt 24 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-proċedura tal-eżami, li huwa ekwivalenti għall-valur probabbli tal-impenji futuri fl-1 ta’ Jannar 1996, jiġifieri qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi tal-1996.

(23)  Tali evalwazzjoni, li tkopri l-perjodu kollu sat-tmiem tal-obbligi finanzjarji tal-Istat Franċiż fir-rigward tal-uffiċjali rtirati u tal-benefiċjarji tagħhom, bilfors tiddependi fuq diversi ipotesi dwar, l-aktar, iż-żwieġ, il-wild kif ukoll id-dati tal-irtirar u tal-mewt tal-grupp ikkonċernat, filwaqt li tiddependi wkoll fuq ir-rata ta’ aġġornament użata, jiġifieri 7 % f’dan il-każ. L-attwarju JWA maħtur mill-Gvern Franċiż qies li din ir-rata dehret għolja billi, meta jitnaqqas valur ta’ inflazzjoni ta’ madwar 2 %, jifdal 5 % ta’ valur ta’ aġġornament nett, “valur li għandu jitqabbel pereżempju mal-valur massimu ta’ 3,5 % awtorizzat skont il-Liġi Franċiża għall-aġġornament tal-fluss tar-renti fuq il-ħajja”. Ara r-Rapport JWA fl-Anness 2 tal-ittra tal-awtoritajiet Franċiżi tas-17 ta’ Marzu 2004, p. 6 u p. 13 sa 15.

(24)  Kummenti tar-Repubblika Franċiża tad-9 ta’ Diċembru 2010 u ta’ France Télécom (ir-Rapport JWA) tat-18 ta’ Ottubru 2010.

(25)   ĠU L 131, 27.5.1988, p. 73.

(26)   ĠU L 192, 24.7.1990, p. 10.

(27)   ĠU L 74, 22.3.1996, p. 13.

(28)  Ara r-Rapport annwali France Télécom 1997 u r-Rapport tal-Awtorità Regolatorja tat-Telekomunikazzjoni għall-1997 u l-2002, disponibbli fil-paġna: http://www.arcep.fr/index.php?id=2105

(29)  France Télécom, Rapport annwali 1997.

(30)  Assemblea Nazzjonali, Rendikont tad-diskussjoni tas-26 ta’ Ġunju 1996, p. 3.

(31)  Ara f’dan ir-rigward, id-Dokument ta’ Referenza 2008 France Télécom, li ġie ppreżentat lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, l-aktar, “Deskrizzjoni tal-Attivitajiet”, pp. 25-122.

(32)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Ottubru 2007, fil-Każ C 43/2006 (ĠU L 63, 7.3.2008, p. 16).

(33)  Id-Deċiżjoni 2005/709/KE tal-Kummissjoni, innotifikata bin-numru C(2004) 3061 (ĠU L 269, 14.10.2005, p. 30).

(34)  Is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007 fil-Kawża C-441/06, Kummissjoni v Franza, Ġabra p. I-8887.

(35)  Is-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2004, Danske Busvognmaend v Kummissjoni, (“Combus”) T-157/01, Ġabra. p. II-917, Punt 57.

(36)  Is-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2008, Hotel Cipriani v Kummissjoni (Kawżi Magħquda T-254/00, T-270/00 u T-277/00, Ġabra. p. II-3269) punti 181, 185, 186, 189, 192 u 193.

(37)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 32.

(38)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 32.

(39)  L-insegwiment tal-ħlas interrott bil-Liġi tal-1996 kien iwassal għal obbligu ta’ kumpens ta’ madwar […] % tal-pensjonijiet mogħtija fl-1997, li wara tonqos b’[…] % kull sena. Il-kummenti ta’ France Télécom tat-18 ta’ Ottubru 2010, Tabella p. 4.

(40)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 33.

(41)  L-ammont jiġi kkalkolat billi jitnaqqsu mill-ammont tal-obbligu aġġornata totali ta’ France Télécom għall-pensjonijiet tal-uffiċjali tagħha (EUR 38,1 biljun), l-ammont aġġornat tal-kontribuzzjonijiet liberatorji ta’ min iħaddem mill-1996 (-EUR 15,2 biljun), il-kontribuzzjoni fissa stabbilita fl-1996 (-EUR 5,7 biljun) u l-kontribuzzjonijiet tal-impjegati kkonċernati (-EUR 4,9 biljun, mhux aġġornati), jiġifieri b’kollox EUR 12,3 biljun jew mill-inqas EUR 9,9 biljun jekk l-obbligu aġġornata totali ta’ France Télécom għall-pensjonijiet tal-uffiċjali tagħha kienet stmata għal EUR 35,7 biljun, kif hemm indikat fid-Deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura.

(42)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 32.

(43)  Test disponibbli fis-sit elettroniku li ġej: http://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=1_38233

(44)  Is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2011, Deggendorf (C-421/10), li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra.

(45)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 32.

(46)  Is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse, C-237/04, Ġabra p. I-2843.

(47)  Is-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2004, Danske Busvognmaend v Kummissjoni, (“Combus”) T-157/01, Ġabra. p. II-917.

(48)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Lulju 1995, Sabena/Swissair — Aspett tal-għajnuna.

(49)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 32.

(50)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 32.

(51)  Din is-somma ta’ EUR 9,1 biljun tkopri l-ammont tal-aġġustament ta’ EUR 5,7 biljun flimkien ma’ EUR 3,4 biljun ta’ bilanċ favorevoli. L-imsemmi bilanċ favorevoli jirriżulta mid-differenza bejn l-ispiża attwali tar-riforma għall-Istat fil-perjodu, stmat għal EUR 2,37 biljun, minn naħa, u, min-naħa l-oħra, EUR 4,9 biljun ta’ interessi mħallsa minħabba l-aġġustament b’rata ta’ 7 % flimkien ma’ EUR 840 miljun ta’ dħul żejjed mit-taxxa tal-kumpaniji fuq l-anqas kontribuzzjonijiet annwali ta’ France Télécom.

(52)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 33.

(53)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn implimentazzjoni effettiva tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw lill-Istati Membri biex tiġi rkuprata Għajnuna mill-Istat inkompatibbli li ngħatat kontra l-liġi”. (2007/C 272/05) (ĠU C 272, 15.11.2007 p. 4).

(54)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2003 dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija minn Franza lil EDF u lis-settur tal-industriji tal-elettriku u tal-gass (C(2003)4637fin), Artikolu 2. (ĠU L 49, 22.2.2005, p. 9).

(55)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/703/KE tal-11 ta’ Frar 2009 dwar l-għajnuna mill-Istat C 55/07 mogħtija lil BT Plc, p. 21, punt 80 (ĠU L 242, 15.9.2009).

(56)  Din l-approssimazzjoni tibqa’ valida biss sakemm id-diversi ipotesi sottostanti jiġu vverifikati skont il-fatti. Barra minn hekk, ir-rata ta’ aġġornament ta’ 7 % użata għall-pensjonijiet ta’ France Télécom hi ħafna ogħla, pereżempju, minn dik ta’ 3 % li applikat ir-Repubblika Franċiża — veru wara l-fatti ta’ dan il-każ — fil-każ dwar ir-riforma tal-iskema tal-irtirar tal-industriji elettriċi u tal-gass li kienet is-suġġett tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2003 (id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija minn Franza lil EDF u lis-settur tal-industriji tal-elettriku u tal-gass (C(2003)4637fin), imsemmija qabel.

(57)  Is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2001, Agrana Zucker und Stärke AG v Kummissjoni, T-187/99, Ġabra p. II-1587, Punt 74.

(58)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 33.

(59)  Is-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2009, Repubblika Franċiża u France Télécom SA v Kummissjoni, kawżi magħquda T-427/04 u T-17/05, Ġabra p. II-4315. Is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom v Kummissjoni T-81/10 P (għadha mhix ippubblikata).

(60)  Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33); id-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-aċċess) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 7); id-Direttiva 2002/77/KE tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Settembru 2002 dwar kompetizzjoni fis-swieq tan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU L 249, 17.9.2002, p. 21).

(61)  Fir-rigward tar-regolamentazzjoni tar-Regolatur Franċiż tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, (Régulateur français des communications électroniques — ARCEP) il-pożizzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-proġetti nnotifikati mill-2003 huma disponibbli fl-indirizz: http://circa.europa.eu/Public/irc/infso/ecctf/library?l=/commissionsdecisions&vm=detailed&sb=Title.

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Lulju 2003 fil-Kawża COMP-38.233 li tissanzjona abbuż ta’ pożizzjoni dominanti min-naħa ta’ Wanadoo, li kienet kumpanija sussidjarja ta’ France Télécom dak iż-żmien, hija disponibbli fl-indirizz: http://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=1_38233. Ir-rikors kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali ġie rrifjutat fit-2 ta’ April 2009 mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-Kawża C-202/07 P, France Télécom v il-Kummissjoni,Ġabra p. I-2369

(62)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/722/KE tal-10 ta’ Mejju 2007 dwar l-għajnuna mill-Istat C 2/2006 maħsuba għall-OTE (ĠU L 243, 11.9.2008, p. 7), punt 137. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/703/KE tal-11 ta’ Frar 2009 dwar l-għajnuna mill-Istat C 55/2007 li ngħatat lil BT Plc, imsemmija qabel, Punti 72, 81-82 u 98.

(63)  Ara l-aktar is-sentenza tal-Qorti tal-15 ta’ Ġunju 2005, Regione autonoma Sardegna v il-Kummissjoni, il-kawża T-171/02, punt 177.

(64)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 32.

(65)  Id-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji (ĠU L 52, 27.2.2008, p. 3). Parti mis-swieq ilha miftuħa mit-30 ta’ Diċembru 2010.

(66)  Id-Deċiżjoni La Poste, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, Punti 35-36 u 167, 169.

(67)  Id-Deċiżjoni La Poste, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, Punt 169.

(68)  Ara l-Anness 37 dwar “L-Iskemi Soċjali u tal-Irtirar — Pensjonijiet, Nru 1198 (Kapitolu II-2 B-3) tar-Rapport quddiem l-Assemblea Nazzjonali Nru 1127 dwar l-abbozz tal-Liġi tal-Finanzi għall-2008 imħejji minn Gilles Carrez.

(69)  Sentenza tat-30 ta’ Novembru 2009, ir-Repubblika Franċiża u France Télécom SA v il-Kummissjoni, kawżi magħquda T-427/04 u T-17/05, Ġabra p. II-4315, Punti 215 u 217. Il-Qorti Ewropea ċaħdet l-appell minn din is-Sentenza (Sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom, kawża C-81/10 P, ara l-aktar il-Punti 43 u ta’ wara).

(70)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-metodu ta’ ffissar tar-rati ta’ referenza u ta’ aġġornament (ĠU C 232, 10.8.1996, p. 10) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rati ta’ interess applikabbli għall-irkupru tal-għajnuna mill-Istat u r-rati ta’ referenza u ta’ aġġornament għall-15-il Stat Membru, fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2005, kif ukoll ir-rati ta’ interess applikabbli għall-irkupru tal-għajnuna mill-Istat u r-rati ta’ referenza u ta’ aġġornament, storiċi, applikabbli mill-1 ta’ Awwissu 1997 (ĠU C 88, 12.4.2005, p. 5).

(71)  Id-Deċiżjoni La Poste, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32.

(72)  Dan l-approċċ ikun jikkonsisti mill-investiment fittizju tal-partijiet tal-ammont tal-kontribuzzjoni eċċezzjonali fi strumenti finanzjarji li jimmatura fi żmien differenti (pereżempju x % għal sena, y % għal tliet snin, z % għal għaxar snin), skont skali ta’ fluss li għandhom jitħallsu (l-ammont annwali ta’ servizzi mhux kopert mill-kontribuzzjonijiet). Għat-tieni semestru tal-1997, il-medja tar-rati tal-OST għal għaxar snin kien ta’ 5,49 %, ir-rati għal maturazzjoni iqsar kienu inqas minn dan il-valur.

(73)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 17. Ir-rata ta’ aġġornament tirrifletti r-rata ta’ interess medja fil-31 ta’ Diċembru 1996 għall-obbligi għal perjodu qasir u twil ta’ France Télécom, imwieżna bl-ammonti rispettivi ta’ obbligi ġodda għal perjodu qasir u twil li saru fl-1996, li l-awdituri jallokaw prinċipalment għall-finanzjament tal-ħlas tal-kontribuzzjoni eċċezzjonali lill-Istat Franċiż. Kważi tliet kwarti (72 %) minn dan it-tkabbir irriżultaw minn strumenti għal perjodu qasir (karta kummerċjali u commercial paper), li r-rata medja tagħhom fis-sena kienet ta’ 4,33 % fil-31 ta’ Diċembru 1996.

(74)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 69.

(*2)  Din il-kolonna tintraċċa l-inqas kontribuzzjoni annwali ta’ France Télécom skont il-Liġi tal-1996 billi tnaqqas mill-kontribuzzjonijiet imħallsa ta’ min iħaddem u tal-impjegati l-ispiża tas-servizzi li ngħataw u tal-obbligu tal-kumpens u l-kumpens żejjed li France Télécom kien ikollha tkompli tħallas mingħajr ir-riforma, kif stmata minn France Télécom, u korretta bil-kalkoli tar-Repubblika Franċiża, bit-tnaqqis tal-obbligu ta’ EUR 165 miljun għall-perjodu 1997-2010.

(*3)  Għas-sena 1997 meta l-pagamenti tal-kontribuzzjoni eċċezzjonali tqassmu sa Ottubru, id-data tal-pagament ekwivalenti kkalkolata mir-Repubblika Franċiża hija l-4 ta’ Ġunju 1997. L-interessi jiġu kkalkolati f’din id-data.

(75)  Din hija stima approssimattiva.