21.9.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 255/3


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-24 ta’ Frar 2011

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir għad-detenturi ta' passaporti ordinarji

(2012/508/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 77(2)(a) flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni nnegozjat f'isem l-Unjoni Ewropea Ftehim mar-Repubblika Federattiva tal-Brażil dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir għad-detenturi ta' passaporti ordinarji.

(2)

Dak il-Ftehim ġie iffirmat, f'isem l-Unjoni Ewropea, fit-8 ta' Novembru 2010, soġġett għall-konklużjoni tiegħu aktar tard, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/622/UE (1).

(3)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom ir-Renju Unit mhuwiex jieħu sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (2); għalhekk ir-Renju Unit mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhuwiex marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(4)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom l-Irlanda mhijiex tieħu sehem skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (3); għalhekk l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir għad-detenturi ta' passaporti ordinarji ("il-Ftehim") huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 9(1) tal-Ftehim (4).

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Frar 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

PINTÉR S.


(1)   ĠU L 275, 20.10.2010, p. 3.

(2)   ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

(3)   ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

(4)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir għad-detenturi ta' passaporti ordinarji

L-UNJONI EWROPEA, minn issa ’l quddiem imsejħa “l-Unjoni”

u

R-REPUBBLIKA FEDERATTIVA TAL-BRAŻIL, minn issa ’l quddiem imsejħa “il-Brażil”

minn issa ’l quddiem imsejħin flimkien il-Partijiet Kontraenti;

FILWAQT LI JIXTIEQU jħarsu l-prinċipju tar-reċiproċità u li jiffaċilitaw l-ivvjaġġar billi jkun żgurat dħul u soġġorn qasir ħieles mill-viża għaċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni u għall-persuni ta' nazzjonalità Brażiljana;

FILWAQT LI JTENNU l-impenn tagħhom biex jiżguraw ivvjaġġar reċiproku mingħajr viża malajr, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ it-tlestija tal-proċeduri parlamentari u interni oħrajn rispettivi;

BIL-ĦSIEB li jiżviluppaw ulterjorment ir-relazzjonijiet ta' ħbiberija u li jkomplu jissaħħu r-rabtiet mill-qrib bejn il-Partijiet Kontraenti;

B'KONT MEĦUD tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, u l-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'konferma li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit u l-Irlanda;

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Għan

Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tal-Brażil, detenturi ta' passaport ordinarju validu, jitħallew jidħlu, jittransitaw minn u joqogħdu mingħajr viża fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għall-għanijiet ta' turiżmu u negozju biss għall-perijodu massimu ta' soġġorn ta' tliet xhur matul perijodu ta' sitt xhur skont id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ dan il-Ftehim:

(a)

"Stat Membru" għandha tfisser kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda;

(b)

"ċittadin tal-Unjoni" għandha tfisser persuna li għandha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru kif definit fil-punt (a);

(c)

"persuna ta' nazzjonalità Brażiljana" għandha tfisser kwalunkwe persuna li għandha n-nazzjonalità Brażiljana;

(d)

"iż-żona Schengen" għandha tfisser iż-żona mingħajr fruntieri interni li tinkludi t-territorji tal-Istati Membri kif definit fil-punt (a) li japplikaw l-acquis ta’ Schengen b'mod sħiħ;

(e)

"l-acquis ta' Schengen" għandha tfisser il-miżuri kollha bil-għan li jkun żgurat il-moviment liberu tal-persuni f'żona mingħajr fruntieri interni, flimkien ma' miżuri ta' sostenn direttament relatati fir-rigward tal-kontrolli tal-fruntieri esterni, l-asil u l-immigrazzjoni u miżuri biex jipprevjenu u jiġġieldu l-kriminalità.

Artikolu 3

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim għanijiet turistiċi u tan-negozju għandhom ifissru:

attivitajiet turistiċi;

żjarat lill-qraba;

l-esplorazzjoni ta' opportunitajiet kummerċjali, attendenza ta' laqgħat, iffirmar ta' kuntratti u attivitajiet finanzjarji, ta' ġestjoni u amministrattivi;

attendenza għal laqgħat, konferenzi, seminars sakemm ma tkunx ġiet irċevuta l-ebda remunerazzjoni għal dawk l-attivitajiet minn sorsi Brażiljani/tal-Unjoni rispettivi (għajr il-kost tas-soġġorn direttament jew permezz ta' introjtu ta' kuljum);

parteċipazzjoni f'kompetizzjonijiet sportivi u artistiċi, sakemm il-parteċipanti ma jirċievu l-ebda remunerazzjoni minn sorsi Brażiljani/tal-Unjoni rispettivi, saħansitra jekk jikkompetu għal premijiet, inkluż premijiet monetarji.

2.   Ċittadini tal-Unjoni u persuni bin-nazzjonalità tal-Brażil li jixtiequ jwettqu attivitajiet remunerati jew li jkunu impjegati, ingaġġati f'riċerka, taħriġ, studji u ħidma soċjali, kif ukoll jagħtu assistenza teknika, ikunu missjunarji, jew jagħmlu attivitajiet reliġjużi jew artistiċi, mhumiex koperti b'dan il-Ftehim.

Artikolu 4

Kondizzjonijiet tal-eżenzjoni mill-viża u tas-soġġorn

1.   L-eżenzjoni mill-viża prevista minn dan il-Ftehim għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal-liġijiet tal-Partijiet Kontraenti dwar il-kondizzjonijiet ta' dħul u ta' soġġorn qasir. L-Istati Membri u l-Brażil jirriżervaw id-dritt li jirrifjutaw id-dħul jew soġġorn qasir fit-territorji tagħhom jekk waħda jew aktar minn dawn il-kondizzjonijiet ma jkunux sodisfatti.

2.   Iċ-ċittadini tal-Unjoni li jibbenefikaw minn dan il-Ftehim għandhom jikkonformaw mal-liġijiet u r-regolamenti fis-seħħ fit-territorju tal-Brażil matul is-soġġorn tagħhom.

3.   Il-persuni ta' nazzjonalità Brażiljana li jibbenefikaw minn dan il-Ftehim għandhom jikkonformaw mal-liġijiet u r-regolamenti fis-seħħ fit-territorju ta' kull Stat Membru matul is-soġġorn tagħhom.

4.   L-eżenzjoni mill-viża tapplika irrespettivament mill-metodu ta’ trasport użat biex jinqasmu l-fruntieri miftuħin għat-trasport ta' passiġġieri internazzjonali tal-Partijiet Kontraenti.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, kwistjonijiet rigward il-viża mhux koperti minn dan il-Ftehim għandhom jiġu koperti mil-liġi tal-Unjoni, il-liġi nazzjonali tal-Istati Membri u mil-liġi nazzjonali tal-Brażil.

Artikolu 5

Tul tas-soġġorn

1.   Għall-finijiet ta' dan il-ftehim iċ-ċittadini tal-Unjoni jistgħu jibqgħu fit-territorju tal-Brażil għal perijodu massimu ta’ tliet xhur matul perijodu ta’ sitt xhur wara d-data ta’ meta jkunu daħlu l-ewwel darba fit-territorju tal-pajjiż.

2.   Għall-finijiet ta' dan il-ftehim iċ-ċittadini tal-Brażil jistgħu jibqgħu fiż-żona Schengen għal perijodu massimu ta’ tliet xhur matul perijodu ta’ sitt xhur wara d-data ta’ meta jkunu daħlu l-ewwel darba fit-territorju ta’ kwalunkwe Stat Membru li japplika l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ. Dan il-perijodu ta’ tliet xhur matul perjodu ta’ sitt xhur għandu jkun ikkalkulat b’mod indipendenti minn kwalunkwe soġġorn fi Stat Membru li għadu ma japplikax l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ.

3.   Iċ-ċittadini tal-Brażil jistgħu jibqgħu għal perijodu massimu ta’ tliet xhur matul perijodu ta’ sitt xhur wara d-data ta’ meta jkunu daħlu l-ewwel darba fit-territorju ta’ kull Stat Membru li jkun għadu ma japplikax l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ, indipendentament mill-perijodu tas-soġġorn ikkalkulat għaż-żona Schengen.

4.   Dan il-ftehim ma jaffettwax il-possibbiltà għall-Brażil u għall-Istati Membri li jestendu l-perijodu ta' soġġorn għal aktar minn tliet xhur skont il-liġi nazzjonali u l-liġi tal-Unjoni.

Artikolu 6

Ġestjoni tal-Ftehim

1.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jistabbilixxu Kumitat ta' esperti (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-"Kumitat")

Il-Kumitat għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni u tal-Brażil. L-Unjoni għandha tkun irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea.

2.   Il-Kumitat għandu jiltaqa', kull meta jkun meħtieġ, fuq talba ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti, biex jissorvelja l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim u biex isolvi tilwim li jqum mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 7

Relazzjoni bejn dan il-ftehim u l-ftehimiet bilateral eżistenti dwar il-viża bejn l-Istati Membri u l-Brażil

Dan il-Ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-ftehimiet bilaterali jew arranġamenti konklużi bejn l-Istati Membri individwali u l-Brażil, sa fejn id-dispożizzjonijiet tagħhom ikopru kwistjonijiet li jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 8

Skambju ta' kampjuni ta' passaporti

1.   Jekk għadhom m'għamlux hekk, il-Brażil u l-Istati Membri għandhom jiskambjaw, permezz ta' mezzi diplomatiċi, kampjuni tal-passaporti ordinarji validi tagħhom sa mhux iktar tard minn tletin (30) jum wara d-data tal-iffirmar ta' dan il-Ftehim.

2.   Fil-każ tal-introduzzjoni ta' passaporti ordinarji ġodda jew modifikazzjoni ta' dawk eżistenti, il-Partijiet għandhom jgħaddu lil xulxin, permezz ta' mezzi diplomatiċi, kampjuni ta' dawn il-passaporti ġodda jew modifikati, akkumpanjati minn informazzjoni dettaljata dwar l-ispeċifikazzjonijiet u l-applikabbiltà tagħhom, sa mhux iktar tard minn tletin (30) jum qabel l-applikazzjoni tagħha.

Artikolu 9

Dispożizzjonijiet finali

1.   Dan il-Ftehim għandu jiġi ratifikat jew approvat mill-Partijiet Kontraenti skont il-proċeduri interni rispettivi tagħhom u għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data meta l-Partijiet Kontraenti jinnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri msemmija hawn fuq ikunu tlestew.

2.   Dan il-Ftehim huwa konkluż għal perijodu ta’ żmien indefinit, kemm-il darba ma jiġix mitmum skont il-paragrafu 5.

3.   Dan il-Ftehim jista’ jkun emendat bi qbil bil-miktub mill-Partijiet Kontraenti. L-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ wara li l-Partijiet Kontraenti jkunu nnotifikaw lil xulxin bit-twettiq tal-proċeduri interni tagħhom li huma meħtieġa għal dan il-għan.

4.   Kull Parti kontratenti tista' tissospendi l-Ftehim kollu jew parti minnu, id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni għandha tkun innotifikata lill-Parti Kontraenti l-oħra sa mhux aktar tard minn xahrejn qabel id-dħul fis-seħħ tagħha. Il-Parti Kontraenti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tgħarraf minnufih lill-Parti l-oħra ladarba r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jkunux japplikaw aktar.

5.   Kull Parti Kontraenti tista’ ttemm dan il-Ftehim billi tagħti notifika bil-miktub lill-Parti l-oħra. Dan il-Ftehim għandu jieqaf milli jkun fis-seħħ 90 jum wara d-data ta’ tali notifika.

6.   Il-Brażil jista’ jissospendi jew itemm dan il-Ftehim biss fir-rigward tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni.

7.   L-Unjoni tistà tissospendi jew ittemm dan il-Ftehim biss fir-rigward tal-Istati Membri kollha tagħha.

Magħmul fi Brussell, f’żewġ kopji, b'kull waħda fil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Olandiża, Ingliża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ungeriża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola u Svediża, b'kull wieħed minn dawn it-testi ugwalment awtentiku.

Съставено в Брюксел на осми ноември две хиляди и десета година.

Hecho en Bruselas, el ocho de noviembre de dos mil diez.

V Bruselu dne osmého listopadu dva tisíce deset.

Udfærdiget i Bruxelles den ottende november to tusind og ti.

Geschehen zu Brüssel am achten November zweitausendzehn.

Kahe tuhande kümnenda aasta novembrikuu kaheksandal päeval Brüsselis.

'Εγινε στις Βρυξέλλες, στις οκτώ Νοεμβρίου δύο χιλιάδες δέκα.

Done at Brussels on the eighth day of November in the year two thousand and ten.

Fait à Bruxelles, le huit novembre deux mille dix.

Fatto a Bruxelles, addì otto novembre duemiladieci.

Briselē, divi tūkstoši desmitā gada astotajā novembrī.

Priimta du tūkstančiai dešimtų metų lapkričio aštuntą dieną Briuselyje.

Kelt Brüsszelben, a kétezer-tizedik év november nyolcadik napján.

Magħmul fi Brussell, fit-tmien jum ta' Novembru tas-sena elfejn u għaxra.

Gedaan te Brussel, de achtste november tweeduizend tien.

Sporządzono w Brukseli dnia ósmego listopada roku dwa tysiące dziesiątego.

Feito em Bruxelas, em oito de novembro de dois mil e dez.

Întocmit la Bruxelles la opt noiembrie două mii zece.

V Bruseli dňa ôsmeho novembra dvetisícdesať.

V Bruslju, dne osmega novembra leta dva tisoč deset.

Tehty Brysselissä kahdeksantena päivänä marraskuuta vuonna kaksituhattakymmenen.

Som skedde i Bryssel den åttonde november tjugohundratio.

За Европейския съюз

Por la Unión Europea

Za Evropskou unii

For Den Europæiske Union

Für die Europäische Union

Euroopa Liidu nimel

Για την Ευρωπαϊκή Ένωση

For the European Union

Pour l’Union européenne

Per l’Unione europea

Eiropas Savienības vārdā –

Europos Sąjungos vardu

Az Európai Unió részéről

Għall-Unjoni Ewropea

Voor de Europese Unie

W imieniu Unii Europejskiej

Pela União Europeia

Pentru Uniunea Europeană

Za Európsku úniu

Za Evropsko unijo

Euroopan unionin puolesta

För Europeiska unionen

Image 1

Image 2

За Федеративна република Бразилия

Por la República Federativa de Brasil

Za Brazilskou federativní republiku

For Den Føderative Republik Brasilien

Für die Föderative Republik Brasilien

Brasiilia Liitvabariigi nimel

Για την Ομοσπονδιακή Δημοκρατία της Βραζιλίας

For the Federative Republic of Brazil

Pour la République fédérative du Brésil

Per la Repubblica federativa del Brasile

Brazīlijas Federatīvās Republikas vārdā –

Brazilijos Federacinės Respublikos vardu

A Brazil Szövetségi Köztársaság részéről

Għar-Repubblika Federattiva tal-Brażil

Voor de Federale Republiek Brazilië

W imieniu Federacyjnej Republiki Brazylii

Pela República Federativa do Brasil

Pentru Republica Federativă a Braziliei

Za Brazílsku federatívnu republiku

Za Federativno republiko Brazilijo

Brasilian liittotasavallan puolesta

För Förbundsrepubliken Brasilien

Image 3


Dikjarazzjoni konġunta dwar l-informazzjoni taċ-ċittadini dwar il-ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża

Waqt li nirrikonoxxu l-importanza tat-trasparenza għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u l-Brażil, il-Partijiet Kontratenti jaqblu li jiżguraw tixrid komplet tal-informazzjoni dwar il-kontenut u l-konsegwenzi tal-Ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża u kwistjonijiet relatati, bħad-dokumenti għall-ivvjaġġar validi għall-ivvjaġġar ħieles mill-viża, l-applikazzjoni territorjali, inkluża l-lista tal-Istati Membri li jimplimentaw għal kollox l-acquis ta' Schengen, il-perijodu ta' soġġorn permess u l-kondizzjonijiet għad-dħul, inkluż id-dritt tal-appell f'każ ta' rifjut.