19.9.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 252/57 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-17 ta’ Settembru 2012
dwar ir-rikonoxximent tal-Eġittu skont id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mas-sistemi għat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara
(notifikata bid-dokument numru C(2012) 6297)
(2012/505/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(3) tagħha,
Wara li kkunsidrat it-talbiet ta’ Ċipru fit-13 ta’ Mejju 2005, tar-Renju Unit fil-25 ta’ Settembru 2006 u tar-Repubblika Ellenika fis-26 ta’ Ottubru 2006
Billi:
(1) |
Skont id-Direttiva 2008/106/KE, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jaċċettaw iċ-ċertifikati xierqa tal-baħħara li jkunu nħarġu minn pajjiżi terzi, sakemm il-pajjiż terz ikkonċernat ikun rikonoxxut mill-Kummissjoni. Dawk il-pajjiżi terzi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) dwar Standards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara, 1978 (il-Konvenzjoni STCW) (2), kif riveduta fl-1995. |
(2) |
It-talbiet għar-rikonoxximent tal-Eġittu ġew sottomessi b’ittri tat-13 ta’ Mejju 2005 minn Ċipru, tal-25 ta’ Settembru 2006 mir-Renju Unit u tas-26 ta’ Ottubru 2006 mir-Repubblika Ellenika. Wara dawn it-talbiet, il-Kummissjoni vvalutat is-sistema tat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni fl-Eġittu sabiex tivverifika jekk l-Eġittu jikkonformax mar-rekwiżiti kollha tal-Konvenzjoni STCW u jekk ittiħdux il-miżuri xierqa biex tiġi evitata l-frodi fil-ħruġ taċ-ċertifikati. Dik il-valutazzjoni kienet ibbażata fuq ir-riżultati ta’ spezzjoni li għamlu l-esperti tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima f’Diċembru 2006. Matul dik l-ispezzjoni, ġew identifikati ċerti nuqqasijiet fis-sistemi tat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni. |
(3) |
Il-Kummissjoni pprovdiet rapport dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni lill-Istati Membri. |
(4) |
Permezz tal-ittri tas-16 ta’ Frar 2009, tal-21 ta’ Settembru 2010 u tal-20 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni talbet lill-Eġittu jibagħtilha provi li juru li n-nuqqasijiet identifikati kienu tranġaw. |
(5) |
Permezz ta’ ittri tat-12 ta’ Novembru 2009, tal-25 ta’ Novembru 2010 u tat-28 ta’ Frar 2012 l-Eġittu pprovda l-informazzjoni mitluba u l-provi dwar l-implimentazzjoni tal-azzjoni korrettiva xierqa u suffiċjenti biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet kollha identifikati matul il-valutazzjoni tal-konformità. |
(6) |
Ir-riżultat tal-valutazzjoni tal-konformità u l-evalwazzjoni tal-informazzjoni pprovduta mill-Eġittu juru li l-Eġittu jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni STCW, filwaqt li dan il-pajjiż ħa miżuri xierqa biex jevita l-frodi fil-ħruġ taċ-ċertifikati. |
(7) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar Ibħra Sikuri u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Vapuri. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-finijiet tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2008/106/KE, l-Eġittu huwa rikonoxxut f’dak li għandu x’jaqsam mas-sistemi għat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Settembru 2012.
Għall-Kummissjoni
Siim KALLAS
Viċi President
(1) ĠU L 323, 3.12.2008, p. 33.
(2) Adottata mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.